Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/0255(APP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0141/2014

Testi mressqa :

A7-0141/2014

Dibattiti :

PV 11/03/2014 - 15
CRE 11/03/2014 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2014 - 8.27
CRE 12/03/2014 - 8.27
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0234

Testi adottati
PDF 620kWORD 166k
L-Erbgħa, 12 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
P7_TA(2014)0234A7-0141/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)05342013/0255(APP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra r-regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535),

–  wara li kkunsidra d-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(1),

–  wara li kkunsidra l-istrumenti l-oħra fil-qasam tal-ġustizzja kriminali li ġew adottati b’kodeċiżjoni mill-Parlament Ewropew flimkien mal-Kunsill, bħad-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt għall-komunikazzjoni fil-mument tal-arrest, id-Direttiva dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea f'materji kriminali eċċ.,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 86, 218, 263, 265, 267, 268 u 340 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0141/2014),

A.  billi l-objettivi ewlenin tat-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huma l-kontribut għat-tisħiħ tal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, it-titjib tal-fiduċja tan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li jkun hemm garanzija li jsiru investigazzjoni u prosekuzzjoni aktar effiċjenti u effikaċi tar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-UE assenjat lilha nnifisha l-kompitu li tiżviluppa Spazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, u billi, f'konformità mal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-kriminalità qiegħda tassumi dejjem aktar dimensjoni transfruntiera, u fil-każ ta' reati kontra l-interess finanzjarju tal-Unjoni, li kull sena jiġġeneraw danni finanzjarji sinifikanti, jeħtieġ li l-UE tirreaġġixxi b'mod effikaċi, billi tagħti valur miżjud lill-isforzi konġunti tal-Istati Membri kollha, peress li l-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra l-frodi tista' tinkiseb aħjar fil-livell tal-UE;

C.  billi, fejn jidħol il-baġit tal-UE, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta' tolleranza żero sabiex tiġi indirizzata l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b'mod koerenti u effiċjenti;

D.  billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-implimentazzjoni ta' madwar 80 % tal-baġit tal-Unjoni, kif ukoll għall-ġbir tar-riżorsi proprji kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom(2), li dalwaqt se tiġi sostitwita minn Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-proposta emendata tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2011)0739);

E.  billi huwa ugwalment importanti li jkun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu kemm fil-livell tal-ġbir tar-riżorsi tal-UE, kif ukoll fil-livell tan-nefqa;

F.  billi 10 % tal-inkjesti mwettqa mill-OLAF jikkonċernaw każijiet ta' kriminalità organizzata transfruntiera u jirrappreżentaw madankollu 40 % tal-impatt finanzjarju globali kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) huwa l-uniku att li jaqa' taħt is-sistema tal-ġustizzja kriminali li għalih ma tkunx applikabbli l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

H.  billi l-proposta għal regolament dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew hija intrinsikament marbuta mal-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tad-dritt kriminali u mal-proposta għal regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) li huma soġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

I.  billi r-rispett għall-istat tad-dritt irid ikun prinċipju gwida għal-leġiżlazzjoni Ewropea kollha, speċjalment fi kwistjonijiet marbuta mal-ġustizzja u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

J.  billi 14-il kamra parlamentari nazzjonali minn 11-il Stat Membru introduċew il-mekkaniżmu tal-'karta s-safra' b'rabta mal-proposta tal-Kummissjoni u billi, fis-27 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tappoġġa l-proposta, filwaqt li, madankollu, iddikjarat li se tikkunsidra kif xieraq l-opinjonijiet motivati tal-kmamar parlamentari nazzjonali waqt il-proċess leġiżlattiv;

K.  billi l-Artikolu 86(1) tat-TFUE jirrikjedi li jkun hemm unanimità fi ħdan il-Kunsill sabiex jitwaqqaf Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew; billi ma jidhirx probabbli li din l-unanimità tintlaħaq u għaldaqstant huwa aktar probabbli li xi Stati Membri jwaqqfu Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew permezz ta' kooperazzjoni msaħħa, ħaġa li tirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta proposta ġdida;

1.  Iqis li l-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tirrappreżenta pass ulterjuri lejn it-twaqqif ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja kriminali u t-tisħiħ tal-għodda għall-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u għaldaqstant iżżid il-fiduċja tal-kontribwenti fl-UE;

2.  Iqis li t-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista' jagħti valur miżjud partikolari lill-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, dejjem jekk jipparteċipaw l-Istati Membri kollha, peress li l-interessi finanzjarji kollha tal-Unjoni, u għaldaqstant l-interessi tal-kontribwenti Ewropej, għandhom jitħarsu fl-Istati Membri kollha;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinvolvi b'mod estensiv lill-Parlament fil-ħidma leġiżlattiva tiegħu permezz ta' fluss kostanti ta' informazzjoni u konsultazzjoni kontinwa tal-Parlament, sabiex jintlaħaq riżultat li jkun konformi mat-tibdil li sar fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea wara l-proċess ta' Lisbona u li huwa sostanzjalment kondiviż;

4.  Jistieden lil-leġiżlatur Ewropew, peress li jqis il-koerenza tal-azzjoni globali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja bħala valur indispensabbli għall-effikaċja tagħha, jittratta din il-proposta fid-dawl ta' oħrajn strettament marbutin magħha, bħall-proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tad-dritt kriminali, il-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u strumenti rilevanti oħra fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u d-drittijiet proċedurali sabiex tkun tista' tiġi żgurata l-kompatibilità sħiħa ma' dak kollu li għadu kif issemma, kif ukoll l-implimentazzjoni koerenti tal-proposta;

5.  Jenfasizza li s-setgħat u l-prattiki tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom jirrispettaw il-korp tad-drittijiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri; għaldaqstant jitlob lill-Kunsill iqis kif xieraq dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

   (i) l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkollu jopera fl-osservanza stretta tad-dritt ta' proċess ġust u għaldaqstant jikkonforma mal-prinċipju tal-qorti naturali, u dan jirrikjedi li l-kriterji li jiddeterminaw liema hija l-qorti kompetenti li għandha teżerċita l-ġurdisdizzjoni jiġu stabbiliti b'mod ċar minn qabel; peress li l-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 27(4) tagħti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew diskrezzjoni eċċessiva fl-applikazzjoni ta' diversi kriterji ta' ġurisdizzjoni, dawn il-kriterji għandhom isiru vinkolanti u għandha tinħoloq ġerarkija bejniethom sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà; f'dan ir-rigward, għandu jittieħed kont tad-drittijiet tal-persuna suspettata; barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-kompetenza f'konformità ma' dawn il-kriterji għandha tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju;
   (ii) l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jingħata indipendenza sħiħa kemm mill-gvernijiet nazzjonali kif ukoll mill-istituzzjonijiet tal-UE u għandu jitħares minn kwalunkwe pressjoni politika;
  (iii) il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tal-UPPE għandu jkun determinat bi preċiżjoni, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu identifikati minn qabel l-atti kriminali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni; il-Parlament jitlob li d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kompetenza anċillari, jiġu rieżaminati bir-reqqa peress li fl-abbozz attwali jaqbżu l-limiti tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) sa (3) TFUE; dan għandu jsir b'mod li jiżgura li s-setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġu estiżi għal reati oħra għajr dawk li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni biss meta b'mod kumulattiv:
   a) il-kondotta partikolari tikkostitwixxi b'mod simultanju kemm reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll reati oħrajn; kif ukoll
   b) ir-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma predominanti u l-oħrajn huma sempliċement anċillari; kif ukoll
   c) ir-reati l-oħrajn ma jkunux jistgħu jitressqu l-qorti u jiġu penalizzati jekk ma jkunux tħarrku u mressqa quddiem il-qorti flimkien mar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
     Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-kompetenza f'konformità ma' dawn il-kriterji għandha tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju;
   (iv) filwaqt li jitqies il-fatt li d-Direttiva prevista fl-Artikolu 12 tal-proposta li jistabbilixxi liema reati se jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għadha ma ġietx adottata, it-test tal-proposta għandu jsemmi b'mod speċifiku l-fatt li l-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma jistax jipproċedi kontra reati li ma jkunux ġew stabbiliti fid-dritt tal-Istati Membri rilevanti fiż-żmien li fih jitwettaq ir-reat; barra minn hekk, l-UPPE m'għandux jeżerċita l-kompetenza tiegħu fejn jidħlu r-reati mwettqa qabel ma dan isir kompletament operattiv; f'dan ir-rigward, l-Artikolu 71 tal-proposta għandu jiġi emendat kif xieraq;
   (v) l-istrumenti investigattivi u l-miżuri ta' investigazzjoni għad-dispożizzjoni tal-UPPE għandhom ikunu uniformi, identifikati b'mod preċiż u kompatibbli mal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri li fihom huma implimentati; barra minn hekk, il-kriterji għall-użu ta' miżuri investigattivi għandhom jiġu spjegati f'aktar dettall sabiex tiġi żgurata l-esklużjoni tal-'forum shopping';
   (vi) l-ammissibilità tal-evidenza u l-valutazzjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 30 huma elementi ewlenin fl-investigazzjoni kriminali; ir-regoli rilevanti għaldaqstant iridu jkunu ċari u uniformi fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mas-salvagwardji proċedurali; biex din il-konformità tiġi żgurata, il-kundizzjonijiet għall-ammissibilità tal-evidenza għandhom ikunu tali li jirrispettaw id-drittijiet kollha ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
   (vii) id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effikaċi dejjem għandu jiġi appoġġat f'dak li għandu x'jaqsam mal-attività tal-Prosekutur Pubbliku fl-Unjoni kollha; għaldaqstant, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti kompetenti. f'dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew qabel jew b'mod indipendenti mill-kawża, bħal dawk deskritti fl-Artikoli 27, 28, 29 rigward il-kompetenza, it-twarrib tal-każijiet jew t-tranżazzjonijiet, għandhom ikunu soġġetti għar-rimedji disponibbli quddiem il-Qrati tal-Unjoni.

L-Artikolu 36 tal-proposta għandu jitfassal mill-ġdid sabiex jiġi evitat it-tidwir bil-kliem tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni u limitazzjoni sproporzjonata għad-dritt ta' rimedju ġudizzjarju effikaċi skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

   (viii) id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tal-proposta għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li wara li jitwarrab każ marbut ma' reati minuri min-naħa tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni nazzjonali ma jinżammux lura milli jwettqu investigazzjoni u prosekuzzjoni ulterjuri tal-każ jekk il-liġi nazzjonali tagħhom tippermettilhom jagħmlu dan; u li, fejn nuqqas ta' evidenza rilevanti ma jistax jiġi rimedjat b’mod prevedibbli minn aktar passi investigattivi proporzjonati, it-twarrib tal-każ huwa obbligatorju; barra minn hekk, l-eżistenza ta' raġunijiet obbligatorji għat-twarrib tal-każ għandha tiġi kkontrollata mill-aktar fis possibbli tul l-investigazzjoni, u t-twarrib tal-każ għandu jsegwi mingħajr dewmien żejjed malli jinstab li tkun tapplika waħda mir-raġunijiet obbligatorji;
   (ix) l-amministrazzjoni arbitrarja tal-ġustizzja trid tiġi evitata fiċ-ċirkostanzi kollha; għaldaqstant, il-kundizzjoni ta' "amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja" bħala raġuni għal tranżazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 29(1) tal-proposta għandha tiġi sostitwita bi kriterji aktar speċifiċi. it-tranżazzjoni għandha tiġi eskluża, b’mod partikolari, mill-mument meta ssir l-akkuża, u fi kwalunkwe każ f’każijiet li jistgħu jitwarrbu skont l-Artikolu 28 tal-proposta kif ukoll f’każijiet serji;
   (x) billi s-setgħat tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeħtieġu mhux biss stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda anke sorveljanza mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, jeħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet rilevanti b'mod partikolari biex jiġu żgurati prattiki effikaċi u koerenti fost l-Istati Membri u kompatibbiltà mal-istat tad-dritt;

6.  Jistieden lill-Kunsill, barra minn hekk - huwa u jisħaq fuq il-ħtieġa għall-akbar rispett tal-prinċipji fundamentali bħalma hu dak ta' proċess ġust li miegħu hemm marbuta direttament is-salvagwardji tad-difiża fi proċessi kriminali - iqis ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin u jaġixxi kif xieraq:

   (i) l-attivitajiet kollha tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom jiżguraw protezzjoni għolja tad-drittijiet tad-difiża, b'mod partikolari jekk wieħed iqis li l-Unjoni tista' ssir spazju li fih ikun jista' jaġixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, b'veloċità operattiva, mingħajr ma jkollu jirrikorri għal strumenti ta' assistenza legali reċiproka; f'dan ir-rigward, ir-rispett għall-istandards minimi tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali fl-Istati Membri kollha huwa element ewlieni għall-funzjonament adegwat tal-UPPE.

F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali adottat mill-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2009 għadu mhuwiex lest għalkollox u li l-proposta tillimita ruħha li tirreferi għall-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali għal kwistjonijiet marbuta mad-dritt tas-skiet, mal-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza, mad-dritt għal għajnuna legali bla ħlas u għal indaġini mid-difiża; għaldaqstant, sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-parità tal-armi, il-liġi applikabbli għall-persuni ssuspettati jew persuni akkużati involuti fil-proċedimenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandha tapplika wkoll għas-salvagwardji proċedurali kontra l-atti investigattivi u ta' prosekuzzjoni tal-UPPE, bla ħsara għal kwalunkwe standards addizzjonali jew ogħla ta' salvagwardji proċedurali mogħtija mid-dritt tal-Unjoni;

   (ii) wara l-iskadenza tal-perjodu ta' traspożizzjoni rilevanti, in-nuqqas ta' traspożizzjoni, jew traspożizzjoni ħażina fil-liġi nazzjonali ta' wieħed mill-atti dwar id-drittijiet proċedurali tal-liġi tal-Unjoni qatt m'għandhom jiġu interpretati kontra individwu soġġett għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni, u l-applikazzjoni tagħhom dejjem għandha timxi f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
   (iii) għandu jkun żgurat ir-rispett tal-prinċipju tan-ne bis in idem;
   (iv) Il-prosekuzzjoni għandha tikkonforma mal-Artikolu 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli dwar il-ħarsien tad-dejta personali; għandha tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta meta dejta personali tiġi trasferita lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali;

7.  Jistieden lill-Kunsill biex iqis ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, biex jiżgura li l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tkun waħda versatili, simplifikata, effiċjenti u li kapaċi tikseb l-aqwa riżultati:

   (i) sabiex ikun żgurat eżitu ġust u ta' suċċess tal-investigazzjonijiet u l-koordinament tagħhom, jaqbel li dawk mitluba jmexxuhom ikollhom għarfien profond tal-ordinamenti ġuridiċi tal-pajjiżi involuti; għal dan il-għan, il-mudell organizzattiv tal-UPPE għandu jiżgura fuq livell ċentrali l-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien xierqa tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri;
   (ii) biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr kemm jista' jkun u b'mod effiċjenti, jaqbel li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandu jiġi estiż mill-UPPE, bl-għajnuna ta' Prosekuturi Delegati Nazzjonali, responsabbli għal każijiet speċifiċi;
   (iii) biex ikun żgurat li l-UPPE jista' jiggarantixxi standards għolja ta' indipendenza, effiċjenza, esperjenza u professjonalità, jaqbel li l-persunal tiegħu jkun kwalifikat kemm jista' jkun u jiggarantixxi li l-objettivi stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni jinkisbu; b'mod partikolari, il-membri tal-persunal imsemmija jistgħu jiġu mill-ġudikatura jew minn professjoni legali jew setturi oħra li fihom ikun kiseb l-esperjenza u l-professjonalità msemmija qabel, kif ukoll għarfien xieraq tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri; f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-paragrafu 4 tal-Memorandum Spjegattiv tal-proposta fir-rigward tal-ispejjeż globali għandu jaqbel mar-rekwiżiti reali b'rabta mal-effiċjenza u l-funzjonalità tal-UPPE;
   (iv) għandu jinħoloq mekkaniżmu ta' kontroll biex dan ifassal rapport fuq bażi annwali dwar l-attivitajiet tal-UPPE;

8.  Jieħu nota tal-idea li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun imsejjes fuq strutturi eżistenti, soluzzjoni li l-Kummissjoni tistenna li ma timplika ebda spejjeż sostanzjali ġodda għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, peress li s-servizzi amministrattivi tal-Uffiċċju għandhom ikunu mmaniġġjati mill-Eurojust u r-riżorsi umani tiegħu għandhom jiġu minn entitajiet eżistenti bħall-OLAF;

9.  Jesprimi dubji dwar l-argument tal-kosteffiċjenza mressaq fil-proposta, peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeħtieġ jistabbilixxi dipartimenti speċjalizzati, wieħed għal kull Stat Membru, li għandu jkollhom għarfien profond tal-qafas ġuridiku nazzjonali sabiex iwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet effikaċi; jitlob li titwettaq analiżi biex jiġu vvalutati l-ispejjeż tat-twaqqif tal-UPPE għall-baġit tal-UE u kwalunkwe effett konsegwenzjali għall-baġits tal-Istati Membri; jitlob li titwettaq analiżi biex jiġu vvalutati l-benefiċċji wkoll;

10.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-proposta bbażata fuq is-suppożizzjoni li, fejn jidħlu l-finanzi u l-persunal, is-servizzi amministrattivi pprovduti mill-Eurojust mhu se jkollhom l-ebda impatt fuq din l-aġenzija deċentralizzata; iqis, għaldaqstant, li r-rapport finanzjarju huwa qarrieqi; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għat-talba tiegħu li l-Kummissjoni tippreżenta rapport finanzjarju aġġornat li jieħu kont tal-emendi potenzjali mil-leġiżlatur qabel il-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv;

11.  Jirrakkomanda li, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 86(1) tat-TFUE, li permezz tagħhom il-Kunsill jista' jistabbilixxi UPPE 'mill-Eurojust', il-Kummissjoni għandha tipprevedi trasferiment sempliċi ta' riżorsi finanzjarji mill-OLAF għall-UPPE, u li l-UPPE jibbenefika mill-għarfien espert u l-valur miżjud tal-membri tal-persunal tal-Eurojust;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li ma ngħatat l-ebda indikazzjoni ċara dwar jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bħala korp li għadu kemm ġie stabbilit, huwiex soġġett għat-tnaqqis tal-persunal ippjanat għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jagħmilha ċara li mhuwiex se jappoġġa approċċ bħal dan;

13.  Jistieden lill-Kunsill jiċċara l-kompetenza ta' kull korp eżistenti inkarigat li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jindika li hija ta' importanza kbira li r-relazzjoni bejn l-UPPE u korpi oħra diġà eżistenti, bħall-Eurojust u l-OLAF, tkun iddefinita aktar u ddemarkata b'mod ċar; jisħaq fuq il-fatt li l-UPPE għandu japprofitta mill-ispeċjalizzazzjoni miksuba biż-żmien tal-OLAF fit-twettiq tal-investigazzjonijiet, fuq livell kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, f’oqsma li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża l-korruzzjoni; jisħaq, b'mod partikolari, li l-Kunsill għandu jiċċara l-komplementarjetà tal-azzjonijiet tal-OLAF u tal-UPPE fir-rigward tal-hekk imsejħa investigazzjonijiet 'interni' u 'esterni'; jenfasizza li l-proposta attwali tal-Kummissjoni la tiċċara r-relazzjoni tagħha mal-UPPE u lanqas il-mod kif ser jitwettqu l-investigazzjonijiet interni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

14.  Iqis li għandha titwettaq analiżi iktar fil-fond tal-operat simultanju tal-OLAF, il-Eurojust u l-UPPE biex jiġi limitat ir-riskju li l-kompetenzi tagħhom jidħlu f'kunflitt; jistieden lill-Kunsill jiċċara l-kompetenzi rispettivi ta' dawn il-korpi, jidentifika kemm il-kompetenzi kondiviżi potenzjali kif ukoll l-ineffiċjenzi, u, fejn xieraq, jissuġġerixxi rimedji;

15.  Jeħtieġ, billi bosta Stati Membri probabbilment se jagħżlu li ma jipparteċipawx fil-proposta tal-UPPE, analiżi li tiċċara liema unitajiet tal-OLAF u liema membri tal-persunal tiegħu ser jiġu trasferiti mal-UPPE, u liema ser jibqgħu mal-OLAF; jirrikjedi li l-OLAF iħaddan ir-riżorsi meħtieġa biex iwettaq kull attività kontra l-frodi li ma taqax fi ħdan il-mandat tal-UPPE;

16.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-OLAF se jibqa' responsabbli għal dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-proġett tal-UPPE, u li dawn għandhom jingħataw livell ekwivalenti ta' salvagwardji proċedurali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tinkludi, fost it-tibdil fir-regolament tal-OLAF bħala konsegwenza tat-twaqqif tal-UPPE, biżżejjed salvagwardji proċedurali, inkluża l-possibilità ta' stħarriġ ġudizzjarju ta' miżuri investigattivi meħuda mill-OLAF;

18.  Iqis li l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurmaw lill-UPPE dwar kull forma ta' mġiba li tista' tikkostitwixxi reat li jidħol taħt il-kompetenza tiegħu għandhom ikunu allinjati ma', u mhux jaqbżu, dawk l-obbligi li hemm fis-seħħ fuq il-livell ta' Stat Membru, u għandhom jirrispettaw l-indipendenza ta' dawn l-awtoritajiet;

19.  Jitlob li tinħoloq damma speċjali ta' regoli fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat ħarsien armonizzat għall-informaturi;

20.  Jistieden lill-Kunsill itejjeb aktar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-qrati tal-ġustizzja rispettivi fl-Istati Membri, li huma indispensabbli għas-suċċess tal-proġett tal-UPPE.

21.  Jilqa' l-idea li l-UPPE jiġi integrat fi strutturi deċentralizzati eżistenti permezz tal-parteċipazzjoni ta' prosekuturi delegati nazzjonali bħala 'konsulenti speċjali'; huwa konxju tal-ħtieġa ta' aktar elaborazzjoni fuq l-indipendenza tal-prosekuturi delegati fi ħdan il-ġudikatura nazzjonali, u dwar proċeduri trasparenti biex dawn jintgħażlu sabiex jiġi evitat kull suġġeriment ta' favoritiżmu min-naħa tal-UPPE;

22.  Iqis li t-taħriġ xieraq fil qasam tad-dritt kriminali tal-UE għall-Prosekuturi Delegati Ewropej u l-persunal tagħhom għandu jingħata b'mod uniformi u effikaċi;

23.  Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li huwa importanti ħafna li l-Parlament Ewropew, koleġiżlatur f'materji kriminali sostantivi u proċedurali, jibqa' involut mill-qrib fil-proċedura tal-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u li l-pożizzjoni tiegħu titqies b'mod xieraq fil-fażijiet kollha tal-proċedura; għal dak il-għan, għandu l-intenzjoni jżomm kuntatt frekwenti mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, bil-għan li tirnexxi l-kollaborazzjoni f'dan ir-rigward; huwa totalment konxju mill-kumplessità tal-kompitu u tal-ħtieġa ta' perjodu ta' żmien xieraq sabiex dan jinkiseb, jimpenja ruħu biex jesprimi l-fehmiet tiegħu, jekk ikun meħtieġ fir-rapporti interim futuri, dwar l-iżvilupp futuri tal-UPPE;

24.  Jistieden lill-Kunsill jieħu ż-żmien meħtieġ biex iwettaq evalwazzjoni bir-reqqa tal-proposta tal-Kummissjoni, u ma jgħaġġilx biex itemm in-negozjati tiegħu; jisħaq li għandha tiġi evitata tranżizzjoni prematura fuq il-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jitlob li jkompli jwettaq skrutinju tal-proposta flimkien mal-Kunsill;

26.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill għall-fatt li l-linji gwida mniżżla hawn fuq huma supplimentati minn anness tekniku għal din ir-Riżoluzzjoni;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
(2) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI

Premessa 22

Modifika 1

Proposta għal Regolament

Emenda

(22)  Ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ħafna drabi jkunu marbutin mill-qrib ma’ reati oħra. Fl-interess tal-effiċjenza proċedurali u sabiex jiġi evitat il-ksur possibbli tal-prinċipju ne bis in idem, il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandha tkopri wkoll reati li skont il-liġi nazzjonali ma jkunux teknikament definiti bħala reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni meta l-fatti kostitwenti tagħhom ikunu identiċi u marbutin b’mod sħiħ ma’ dawk tar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’każijiet imħallta bħal dawn, fejn ir-reat li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkun preponderanti, il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandha tiġi eżerċitata wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Il-preponderanza għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ kriterji bħall-impatt finanzjarju tar-reati għall-Unjoni, għall-baġits nazzjonali, in-numru ta’ vittmi jew ċirkustanzi oħra relatati mal-gravità tar-reati, jew il-pieni applikabbli.

(22)  Ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ħafna drabi jkunu marbutin mill-qrib ma' reati oħra. Sabiex jiġi evitat il-ksur possibbli tal-prinċipju ne bis in idem, il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandha tkopri wkoll reati li skont il-liġi nazzjonali ma jkunux teknikament definiti bħala reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni meta l-fatti kostitwenti tagħhom ikunu identiċi u marbutin ma' dawk tar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’każijiet imħallta bħal dawn, fejn ir-reat li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkun predominanti, il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandha tiġi eżerċitata wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Il-predominanza għandha tiġi stabbilita abbażi ta' kriterji bħall-impatt finanzjarju tar-reati għall-Unjoni, għall-baġits nazzjonali, in-numru ta' vittmi jew ċirkustanzi oħra relatati mal-gravità tar-reati, jew il-pieni applikabbli.

Premessa 46

Modifika 3

Proposta għal Regolament

Emenda

(46)  Ir-regoli ġenerali tat-trasparenza applikabbli għall-aġenziji tal-Unjoni għandhom japplikaw ukoll għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew iżda fir-rigward biss tal-kompiti amministrattivi tiegħu sabiex ma jiġi ppreġudikat bl-ebda mod ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità fil-ħidma operattiva tiegħu. Bl-istess mod, l-inkjesti amministrattivi mwettqa mill-Ombudsman Ewropew għandhom jirrispettaw ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

(46)  Ir-regoli ġenerali tat-trasparenza applikabbli għall-aġenziji tal-Unjoni għandhom japplikaw ukoll għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew; l-inkjesti amministrattivi mwettqa mill-Ombudsman Ewropew għandhom jirrispettaw ir-rekwiżit tal-kunfidenzjalità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Artikolu 13

Modifika 2

Proposta għal Regolament

Emenda

1.  Meta r-reati msemmija fl-Artikolu 12 ikunu marbutin b’mod sħiħ ma’ reati kriminali għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 12 u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni konġunti tagħhom ikunu fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun kompetenti wkoll għal dawk ir-reati kriminali, bil-kundizzjoni li r-reati msemmija fl-Artikolu 12 ikunu preponderanti u r-reati kriminali l-oħra jkunu bbażati fuq fatti identiċi.

1.  Meta r-reati msemmija fl-Artikolu 12 ikunu marbutin ma' reati kriminali għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 12, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun kompetenti wkoll għal dawk ir-reati kriminali l-oħra, dejjem jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin jiġu rispettati:

—  damma partikolari ta' fatti tinkludi b'mod simultanju kemm reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll reat(i) oħrajn; kif ukoll

—  ir-reat(i) li jaffettwa(w) l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkun(u) predominanti u l-ieħor/l-oħrajn ikun/ikunu sempliċement anċillari; kif ukoll

—  il-prosekuzzjoni u l-piena ulterjuri tar-reat(i) l-ieħor/l-oħrajn ma jibqgħux possibbli jekk ma jkunux tħarrku u mressqa quddiem il-qorti flimkien mar-reat(i) li jaffettwa(w) l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfati, l-Istat Membru li jkun kompetenti għar-reati l-oħra jkun kompetenti wkoll għar-reati msemmija fl-Artikolu 12.

Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfati, l-Istat Membru li jkun kompetenti għar-reati l-oħra jkun kompetenti wkoll għar-reati msemmija fl-Artikolu 12.

2.  L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni nazzjonali jikkonsultaw ma’ xulxin sabiex jiddeterminaw liema awtorità għandha l-kompetenza skont il-paragrafu 1. Fejn ikun xieraq sabiex tiġi determinata din il-kompetenza, jista’ jiġi assoċjat il-Eurojust skont l-Artikolu 57.

2.  L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni nazzjonali jikkonsultaw ma' xulxin sabiex jiddeterminaw liema awtorità għandha l-kompetenza skont il-paragrafu 1. Fejn ikun xieraq sabiex tiġi determinata din il-kompetenza, jista' jiġi assoċjat il-Eurojust skont l-Artikolu 57.

3.  F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni nazzjonali dwar il-kompetenza skont il-paragrafu 1, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-attribuzzjoni tal-kompetenzi fir-rigward tal-prosekuzzjoni fil-livell nazzjonali, tiddeċiedi dwar il-kompetenza anċillari.

3.  F’każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni nazzjonali dwar il-kompetenza skont il-paragrafu 1, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-attribuzzjoni tal-kompetenzi fir-rigward tal-prosekuzzjoni fil-livell nazzjonali, tiddeċiedi dwar il-kompetenza anċillari.

4.  L-istabbiliment tal-kompetenza skont dan l-Artikolu ma għandux ikun soġġett għal reviżjoni.

4.  L-istabbiliment tal-kompetenza skont dan l-Artikolu jista' jkun soġġett għal reviżjoni mill-qorti tal-proċess kif determinat skont l-Artikolu 27(4) tal-proposta, b'inizjattiva tagħha stess.

Artikolu 27

Modifika 4

Proposta għal Regolament

Emenda

1.  Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Prosekuturi Delegati Ewropej ikollhom l-istess setgħat bħall-prosekuturi pubbliċi nazzjonali fir-rigward tal-prosekuzzjoni u t-tressiq ta’ każ għall-ġustizzja, b’mod partikolari s-setgħa li jippreżentaw motivi għal proċess (trial pleas), jipparteċipaw fit-teħid tal-provi u jeżerċitaw ir-rimedji disponibbli.

1.  Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikollhom l-istess setgħat bħall-prosekuturi pubbliċi nazzjonali fir-rigward tal-prosekuzzjoni u t-tressiq ta' każ għall-ġustizzja, b'mod partikolari s-setgħa li jippreżentaw motivi għal proċess, jipparteċipaw fit-teħid tal-evidenza u jeżerċitaw ir-rimedji disponibbli.

2.  Meta l-Prosekutur Delegat Ewropew kompetenti jqis l-investigazzjoni bħala konkluża, huwa jissottometti sommarju tal-każ flimkien ma’ abbozz tal-akkuża u l-lista tal-provi lill-Prosekutur Pubbliku Ewropew għal reviżjoni. Meta huwa ma jagħtix struzzjonijiet għat-twarrib tal-każ skont l-Artikolu 28, il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jagħti struzzjoni lill-Prosekutur Delegat Ewropew biex iressaq il-każ quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti flimkien ma’ akkuża, jew jirreferih lura għal aktar investigazzjoni. Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jressaq ukoll il-każ quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti huwa stess.

2.  Meta l-Prosekutur Delegat Ewropew kompetenti jqis l-investigazzjoni bħala konkluża, huwa jissottometti sommarju tal-każ flimkien ma' abbozz tal-akkuża u l-lista tal-evidenza lill-Prosekutur Pubbliku Ewropew għal reviżjoni. Meta huwa ma jagħtix struzzjonijiet għat-twarrib tal-każ skont l-Artikolu 28 jew meta, fuq struzzjonijiet tiegħu li joffri tranżazzjoni skont l-Artikolu 29, tali offerta ma tiġix aċċettata, il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jagħti struzzjoni lill-Prosekutur Delegat Ewropew biex iressaq il-każ quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti flimkien ma' akkuża, jew jirreferih lura għal aktar investigazzjoni. Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista' jressaq ukoll il-każ quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti huwa stess.

3.  L-akkuża ppreżentata lill-qorti nazzjonali kompetenti telenka l-provi li se jiġu ppreżentati fil-proċess.

3.  L-akkuża ppreżentata lill-qorti nazzjonali kompetenti għandha telenka l-evidenza li se tiġi ppreżentata fil-proċess.

4.  Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jagħżel, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Prosekutur Delegat Ewropew li jissottometti l-każ u filwaqt li jżomm f’moħħu l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-ġurisdizzjoni tal-proċess u jiddetermina l-qorti nazzjonali kompetenti billi jikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

4.  L-qorti nazzjonali kompetenti għandha tiġi determinata abbażi tal-kriterji li ġejjin, skont l-ordni ta' prijorità:

a)  il-post fejn twettaq ir-reat, jew fil-każ ta’ diversi reati, il-post fejn twettqu l-biċċa l-kbira tar-reati;

a)  il-post fejn twettaq ir-reat, jew fil-każ ta' diversi reati, il-post fejn twettqu l-biċċa l-kbira tar-reati;

b)  il-post fejn il-persuna suspettata jkollha r-residenza abitwali tagħha;

b)  il-post fejn il-persuna suspettata jkollha r-residenza abitwali tagħha;

c)  il-post fejn ikunu qegħdin il-provi;

c)  il-post fejn tkun qiegħda l-evidenza;

d)  il-post fejn il-vittmi diretti jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom.

d)  il-post fejn il-vittmi diretti jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom.

5.  Meta jkun meħtieġ għall-finijiet tal-irkupru, is-segwitu amministrattiv jew il-monitoraġġ, il-Prosekutur Pubbliku Ewropew javża lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, lill-persuni interessati u lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, dwar l-akkuża.

5.  Meta jkun meħtieġ għall-finijiet tal-irkupru, is-segwitu amministrattiv jew il-monitoraġġ, il-Prosekutur Pubbliku Ewropew javża lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, lill-persuni interessati u lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, dwar l-akkuża.

Artikolu 28

Modifika 5

Proposta għal Regolament

Emenda

1.  Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew iwarrab il-każ meta l-prosekuzzjoni tkun saret impossibbli minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

1.  Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew iwarrab il-każ meta l-prosekuzzjoni tkun saret impossibbli minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

a)  il-mewt tal-persuna suspettata;

a)  il-mewt tal-persuna suspettata;

b)  l-imġiba soġġetta għall-investigazzjoni ma tammontax għal reat kriminali;

b)  l-imġiba soġġetta għall-investigazzjoni ma tammontax għal reat kriminali;

c)  amnestija jew immunità mogħtija lill-persuna suspettata;

c)  amnestija jew immunità mogħtija lill-persuna suspettata;

d)  l-iskadenza tal-limitu statutorju nazzjonali għall-prosekuzzjoni;

d)  l-iskadenza tal-limitu statutorju nazzjonali għall-prosekuzzjoni;

e)  il-persuna suspettata tkun diġà ġiet finalment meħlusa jew kundannata dwar l-istess fatt fl-Unjoni jew il-każ ikun ġie ttrattat skont l-Artikolu 29.

e)  il-persuna suspettata fl-aħħar tkun diġà ġiet meħlusa jew kundannata dwar l-istess fatt fl-Unjoni jew il-każ ikun ġie ttrattat skont l-Artikolu 29.

f)  wara li tkun saret investigazzjoni sħiħa, komprensiva u proporzjonata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u jkun hemm nuqqas ta' evidenza rilevanti.

2.  Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jwarrab il-każ għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

a)   ir-reat ikun reat minuri skont il-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2013/XX/EU dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali;

b)  nuqqas ta’ provi rilevanti.

2.  Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista' jwarrab il-każ jekk ir-reat ikun reat minuri skont il-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2013/XX/UE dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tad-dritt kriminali;

3.  L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jirreferi l-każijiet imwarrba minnu lill-OLAF jew lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali kompetenti għal irkupru, segwitu amministrattiv ieħor jew monitoraġġ.

3.  L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista' jirreferi l-każijiet imwarrba minnu lill-OLAF jew lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali kompetenti għal irkupru, segwitu amministrattiv ieħor jew monitoraġġ.

4.  Meta l-investigazzjoni tkun inbdiet fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-parti danneġġata, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jinforma b’dan lil dik il-parti.

4.  Meta l-investigazzjoni tkun inbdiet abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-parti danneġġata, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jinforma b'dan lil dik il-parti.

Artikolu 29

Modifika 6

Proposta għal Regolament

Emenda

1.  Meta l-każ ma jiġix imwarrab u dan iservi l-iskop tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’, wara li jkun ġie kkumpensat id-dannu, jipproponi lill-persuna suspettata li tħallas multa ta’ somma f’daqqa li, ladarba titħallas, tkun tfisser it-twarrib finali tal-każ (tranżazzjoni). Jekk il-persuna suspettata taqbel, hija tħallas il-multa ta’ somma f’daqqa lill-Unjoni.

1.  Meta l-każ ma jkunx jista' jitwarrab skont l-Artikolu 28 u meta piena ta' ħabs tkun sproporzjonata anke jekk il-kondotta tiġi ppruvata bis-sħiħ fil-proċess, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista', wara li jkun ġie kkumpensat id-dannu, jipproponi lill-persuna suspettata li tħallas multa ta' somma f'daqqa li, ladarba titħallas, tkun tfisser it-twarrib finali tal-każ (tranżazzjoni). Jekk il-persuna suspettata taqbel, hija tħallas il-multa ta' somma f'daqqa lill-Unjoni.

2.  L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jissorvelja l-ġbir tal-pagament finanzjarju involut fit-tranżazzjoni.

2.  L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jissorvelja l-ġbir tal-pagament finanzjarju involut fit-tranżazzjoni.

3.  Meta t-tranżazzjoni tiġi aċċettata u mħallsa mill-persuna suspettata, il-Prosekutur Pubbliku Ewropew finalment iwarrab il-każ u jinnotifika uffiċjalment lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji u għandu jinforma b’dan lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

4.  It-twarrib imsemmi fil-paragrafu 3 ma għandux ikun soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

3.  Meta t-tranżazzjoni tiġi aċċettata u mħallsa mill-persuna suspettata, il-Prosekutur Pubbliku Ewropew finalment iwarrab il-każ u jinnotifika uffiċjalment lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji u għandu jinforma b'dan lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 30

Modifika 7

Proposta għal Regolament

Emenda

1.  Il-provi ppreżentati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew lill-qorti tal-ġurijiet, meta l-qorti tikkunsidra li l-ammissibilità tagħhom ma taffettwax ħażin il-ġustizzja tal-proċedura jew id-drittijiet tad-difiża kif minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġu ammessi fil-proċess mingħajr l-ebda validazzjoni jew proċess legali simili anki jekk il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-qorti tipprovdi għal regoli differenti dwar il-ġbir jew il-preżentazzjoni ta’ tali provi.

1.  L-evidenza ppreżentata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew lill-qorti tal-proċess għandha tiġi ammessa meta l-qorti tikkunsidra li l-ammissibilità tagħha ma taffettwax ħażin il-ġustizzja tal-proċedura jew id-drittijiet tad-difiża kif minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tat-TUE.

2.  Ladarba l-provi jiġu ammessi, il-kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex jivvalutaw liberament il-provi ppreżentati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ma għandhiex tiġi affettwata.

2.  Ladarba l-evidenza tiġi ammessa, il-kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex jivvalutaw liberament l-evidenza ppreżentata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, m'għandhiex tiġi affettwata.

Artikolu 33

Modifika 8

Proposta għal Regolament

Emenda

1.  Il-persuna suspettata u l-persuna akkużata involuta fil-proċedimenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikollha, b’konformità mal-liġi nazzjonali, id-dritt li tibqa’ siekta meta tiġi interrogata, fir-rigward tar-reati li hija tkun issuspettata li wettqet, u għandha tiġi infurmata li mhijiex obbligata li tinkrimina ruħha.

1.  Il-persuna suspettata u l-persuna akkużata involuta fil-proċedimenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkollha d-dritt li tibqa' siekta meta tiġi interrogata, fir-rigward tar-reati li hija tkun issuspettata li wettqet, u għandha tiġi infurmata li mhijiex obbligata li tinkrimina ruħha.

2.  Il-persuna suspettata u akkużata għandha tiġi preżunta innoċenti sakemm tiġi ppruvata ħatja skont il-liġi nazzjonali.

2.  Il-persuna suspettata u akkużata għandha tiġi preżunta innoċenti sakemm tinstab ħatja.

Artikolu 34

Modifika 9

Proposta għal Regolament

Emenda

Kwalunkwe persuna suspettata jew akkużata b’reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikollha, b’konformità mal-liġi nazzjonali, id-dritt li tingħata assistenza legali b’xejn jew parzjalment mingħajr ħlas mill-awtoritajiet nazzjonali jekk hija ma jkollhiex mezzi suffiċjenti biex tħallas għaliha.

Kwalunkwe persuna suspettata jew akkużata b'reat li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikollha d-dritt li tingħata assistenza legali b'xejn jew parzjalment mingħajr ħlas mill-awtoritajiet nazzjonali jekk hija ma jkollhiex mezzi suffiċjenti biex tħallas għaliha.

Artikolu 36

Modifika 10

Proposta għal Regolament

Emenda

1.  Meta jadotta miżuri proċedurali fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitqies bħala awtorità nazzjonali għall-finijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju.

Għall-finijiet ta' stħarriġ ġudizzjarju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitqies bħala awtorità nazzjonali, f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri proċedurali kollha li jadotta waqt il-funzjoni ta' prosekuzzjoni tiegħu quddiem il-qorti tal-proċess kompetenti. Għall-atti jew ommissjonijiet l-oħra kollha, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jitqies bħala korp tal-Unjoni.

2.  Meta xi dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali jsiru applikabbli permezz ta’ dan ir-Regolament, tali dispożizzjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 267 tat-Trattat.

Modifika 11

Proposta għal Regolament

Emenda

L-attivitajiet amministrattivi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikunu soġġetti għall-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 228 tat-Trattat.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun suġġett għall-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew b'rabta ma' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina skont l-Artikolu 228 tat-Trattat.

Avviż legali - Politika tal-privatezza