Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2945(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0241/2014

Testi mressqa :

B7-0241/2014

Dibattiti :

PV 11/03/2014 - 16
CRE 11/03/2014 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2014 - 8.28
CRE 12/03/2014 - 8.28
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0235

Testi adottati
PDF 353kWORD 115k
L-Erbgħa, 12 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Ir-Rapport ta’ Progress 2013 dwar it-Turkija
P7_TA(2014)0235B7-0241/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2013 dwar it-Turkija (2013/2945(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress 2013 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (SWD(2013)0417),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2013-2014'' (COM(2013)0700),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dik tal-10 ta’ Frar 2010 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2009, tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2010(1), tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2011(2) u tat-18 ta’ April 2013 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2012(3) u tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija(4),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Negozjar għat-Turkija tat-3 ta’ Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija(5) (“ls-Sħubija għall-Adeżjoni”), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010, tal-5 ta’ Diċembru 2011, tal-11 ta’ Diċembru 2012 u tal-25 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-rapport tas-26 ta’ Novembru 2013 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa li juru l-imġiba mhux xierqa tal-forzi tal-ordni waqt il-protesti f’Gezi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 u li l-ftuħ ta' tali negozjati huwa l-punt tat-tluq ta' proċess dejjiemi u miftuħ ibbażat fuq kundizzjonalità ġusta u rigoruża u impenn favur ir-riformi;

B.  billi t-Turkija impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen, twettaq riformi adegwati u effikaċi, u żżomm relazzjonijiet ta' viċinat tajbin u allinjament progressiv mal-UE; billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija biex tkompli l-proċess tagħha ta' modernizzazzjoni;

C.  billi l-UE għandha tibqa’ l-punt ta’ riferiment għar-riformi fit-Turkija;

D.  billi l-bażi għall-adeżjoni mal-UE tibqa’ l-konformità sħiħa mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006;

E.  billi fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill approva l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-oqfsa ta’ negozjar tal-Istati kandidati l-ġodda, li jqiegħed l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta’ tkabbir u kkonferma ċ-ċentralità fil-proċess ta’ negozjar tal-Kapitolu 23 (il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali) u tal-Kapitolu 24 (il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà), li għandhom jiġu trattati fi stadju bikri fin-negozjati biex jingħata lok għal parametri ta’ riferiment ċari u żmien suffiċjenti biex jiġu introdotti l-bidliet meħtieġa fil-leġiżlazzjoni, ir-riformi tal-istituzzjonijiet u riżultati solidi fir-rigward tal-implimentazzjoni;

F.  billi fl-Istrateġija tat-Tkabbir 2013 tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li għall-ekonomija tagħha, il-pożizzjoni strateġika u r-rwol reġjonali importanti tagħha, it-Turkija hija sieħba strateġika għall-Unjoni Ewropea, u element ta' valur tal-kompetittività ekonomika tal-UE, u li f'dawn l-aħħar tnax-il xahar sar progress importanti fir-rigward tar-riformi; billi l-Kummissjoni talbet li jkun hemm riformi ulterjuri u li jkun promoss id-djalogu fl-ispectrum politiku kollu fit-Turkija u fis-soċjetà Torka kollha kemm hi;

G.  billi t-Turkija, għat-tmien sena konsekuttiva, għadha ma implimentatx id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu;

H.  billi, għall-benefiċċju tagħha stess, u bil-ħsieb li tittejjeb l-istabilità u jkunu promossi r-relazzjonijiet ta' ġara tajba, it-Turkija jeħtiġilha żżid l-isforzi tagħha sabiex issolvi kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi obbligi ġuridiċi li għadhom mhux solvuti u tilwimiet dwar il-fruntieri tal-art u tal-baħar u tal-ispazju tal-ajru mal-ġirien diretti tagħha, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u mad-dritt internazzjonali;

I.  billi t-Turkija għandha l-potenzjal li tiżvolġi rwol importantissmu fid-diversifikazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija u r-rotot għat-tranżitu taż-żejt, gass u elettriku minn pajjiżi ġirien lejn l-UE u li jeżisti potenzjal għat-Turkija kif ukoll għall-UE li jibbenefikaw mir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli għonja tat-Turkija għall-ħolqien ta' ekonomija sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

J.  billi l-indirizzar tal-korruzzjoni fil-livelli kollha huwa element importanti ta’ stat tad-dritt li jiffunzjona,

K.  billi t-Turkija għadha involuta b’mod attiv fil-viċinat usa’ tagħha u hija attur reġjonali importanti,

Impenn Kredibbli u Pedamenti Demokratiċi Sodi

1.  Jilqa’ r-Rapport ta’ Progress 2013 dwar it-Turkija u jikkondividi l-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-Turkija hi sieħba strateġika għall-Unjoni Ewropea u li sar progress importanti fir-rigward tar-riformi fit-tnax-il xahar li għaddew; jenfasizza l-importanza u l-ħtieġa urġenti ta' riformi ulterjuri għal aktar obbligu ta' rendikont u trasparenza fl-amministrazzjoni u li jkun promoss id-djalogu fl-ispectrum politiku kollu fit-Turkija u fis-soċjetà b'mod usa', b'mod partikolari permezz tal-involviment xieraq u proċess tal-għoti ta' setgħa ta' azzjoni lis-soċjetà ċivili, kif ukoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-prattika; ifakkar kemm hu essenzjali għal kwalunkwe demokrazija il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat u tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u jisħaq fuq l-importanza ta' ġudikatura imparzjali u indipendenti għal Stat verament demokratiku;

2.  Jinnota l-poter trasformattiv tan-negozjati bejn l-UE u t-Turkija u jenfasizza l-importanza tad-djalogu u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ partijiet fir-rigward tal-proċess ta' riforma, biex in-negozjati jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu lit-Turkija b'referenza ċara u punti ta' riferiment kredibbli; jenfasizza għaldaqstant l-importanza ta’ negozjati kredibbli magħmula in bona fede u bbażati fuq impenn reċiproku mit-Turkija u l-Unjoni għal riformi effettivi li jkomplu jiżviluppaw il-pedamenti demokratiċi tas-soċjetà Torka, jippromwovu l-valuri fundamentali u jipproduċu bidla pożittiva fl-istituzzjonijiet, fil-leġiżlazzjoni u fil-mentalità tas-soċjetà; jilqa’, għaldaqstant, il-ftuħ tal-Kapitolu 22;

3.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija u l-bidu ta' djalogu dwar liberalizzazzjoni tal-viżi fis-16 ta' Diċembru 2013; jenfasizza l-importanza li jinkiseb fehim komuni bejn it-Turkija u l-UE dwar ir-rilevanza għall-UE u t-Turkija tal-ftehim ta’ riammissjoni u l-pjan direzzjonali li jwassal għal-liberalizzazzjoni tal-viżi; jistieden lill-UE, f'dan ir-rigward, tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju sħiħ lit-Turkija għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni u lit-Turkija biex tistabbilixxi politiki adegwati bl-għan li jipprovdu protezzjoni internazzjonali effettiva lill-persuni li jfittxu asil u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; hu tal-fehma li l-ħolqien tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali huma l-ewwel pass tajjeb f'dik id-direzzjoni; ifakkar li t-Turkija hi wieħed mill-pajjiżi ta' tranżitu ewlenin għall-migrazzjoni irregolari lejn l-UE u jenfasizza l-importanza tar-ratifika rapida tal-ftehim ta' riammissjoni u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu fir-rigward tal-Istati Membri kollha tal-UE; jistieden lit-Turkija biex timplimenta għalkollox u b'mod effettiv il-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni eżistenti; jenfasizza l-benefiċċji ċari tal-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-UE għan-negozjanti, l-akkademiċi, l-istudenti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u jistieden lit-Turkija u lill-Kummissjoni Ewropea jkomplu għaddejjin bid-djalogu biex jagħmlu progress sostanzjali fuq il-liberalizzazzjoni tal-viżi;

L-issodisfar tal-kriterji ta’ Kopenħagen

4.  Jesprimi tħassib profond dwar l-iżviluppi riċenti fit-Turkija fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni f'livelli għolja; jiddispjaċih dwar it-tkeċċija tal-prosekuturi u l-uffiċjali tal-pulizija inkarigati mill-investigazzjonijiet oriġinali, għax dan imur kontra l-prinċipju findamentali ta' ġudikatura indipendenti u jolqot ħafna l-prospetti ta' investigazzjonijiet kredibbli; jiddispjaċih għat-telf tal-fiduċja bejn il-Gvern, il-ġudikatura, il-pulizija u l-midja; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Gvern tat-Turkija biex juri impenn sħiħ favur il-prinċipji demokratiċi u jastjeni minn kwalunkwe ndħil ulterjuri fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni;

5.  Ifakkar lill-Gvern tat-Turkija dwar l-impenn li ħa favur l-eradikazzjoni tal-korruzzjoni, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta’ ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-2005 tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO); jistieden lill-Gvern tat-Turkija jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-Qorti tal-Awdituri b'konformità mal-istandards internazzjonali applikabbli u biex jiżgura aċċess sħiħ għar-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, inklużi dawk dwar il-forzi tas-sigurtà, għall-pubbliku u l-istituzzjonijiet konċernati, b'referenza partikolari għall-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija; jistieden lit-Turkija tiżgura l-kooperazzjoni tal-ministeri kollha mal-Qorti tal-Awdituri; jenfasizza, għal darba oħra, il-ħtieġa li tiġi stabbilita pulizija ġudizzjarja, li taħden taħt l-awtorità tal-ġudikatura;

6.  Jindika r-rwol kruċjali ta’ sistemi ta’ kontrolli u bilanċi għal kwalunkwe Stat demokratiku modern u r-rwol fundamentali li għandha tiżvolġi l-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija għad-djalogu u l-bini tal-kunsens fl-ispettru politiku kollu; jesprimi tħassib dwar il-polarizzazzjoni politika u n-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-gvern u tal-oppożizzjoni li jaħdmu lejn kunsens fuq ir-riformi ewlenin u fuq l-abbozzar ta’ Kostituzzjoni ġdida għat-Turkija; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha, lill-gvern u lill-oppożizzjoni jaħdmu flimkien ħalli jtejbu l-viżjoni pluralistika fl-istituzzjonijiet tal-Istat u jippromwovu l-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-Istat u tas-soċjetà; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ħtieġa għal komunikazzjoni adegwata mal-pubbliku dwar il-proċess ta' riformi; jistieden lill-maġġoranza politika tinvolvi b’mod attiv lill-gruppi politiċi l-oħra u lis-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ deliberazzjoni dwar ir-riformi rilevanti u tqis l-interessi u l-fehmiet tagħhom b’mod inklużiv; jenfasizza li r-riforma kostituzzjonali trid tibqa' l-prijorità ewlenija għall-proċess ta' modernizzazzjoni u demokratizzazzjoni ulterjuri tat-Turkija;

7.  Jinsab imħasseb dwar allegazzjonijiet ta' ħolqien ta' profili sistematiku mill-awtoritajiet ta' ħaddiema taċ-ċivil, il-pulizija u l-forzi tas-sigurtà, abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża, etnika jew politika tagħhom;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal aktar progress fl-implimentazzjoni tal-emendi kostituzzjonali tal-2010, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-ġustizzja militari, u ta’ liġijiet li jintroduċu miżuri ta’ azzjoni affermattiva sabiex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza li dawn il-bidliet leġiżlattivi jiġu implimentati b’mod strett ladarba jiġu adottati;

9.  Ifaħħar lill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni li laħaq kunsens fuq 60 emenda kostituzzjonali, iżda jesprimi tħassib dwar is-sospensjoni tal-ħidma tiegħu u n-nuqqas ta' progress attwali; jemmen bis-sħiħ li l-ħidma għal Kostituzzjoni ġdida għat-Turkija għandha titkompla, għax din hi essenzjali għall-proċess tar-riforma fil-pajjiż; jenfasizza l-importanza li jintlaħaq kunsens fil-qafas tal-proċess ta’ riforma kostituzzjonali dwar sistema effikaċi ta’ separazzjoni tas-setgħat u definizzjoni inklużiva taċ-ċittadinanza sabiex tinkiseb Kostituzzjoni demokratika sħiħa li tiżgura drittijiet ugwali għan-nies kollha tat-Turkija; jenfasizza li t-Turkija, bħala Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tista’ tgawdi minn djalogu attiv mal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-proċess ta’ riforma kostituzzjonali; jenfasizza li l-proċess ta' riforma kostituzzjonali għandu jitwettaq b’mod trasparenti u inklużiv, b’involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha;

10.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-liġi l-ġdida dwar il-Kunsill Għoli ta' Mħallfin u Prosekuturi u jindika li r-rwol qawwi u ċentrali kkonferit fuq il-Ministru tal-Ġustizzja, li mhux konformi mal-prinċipju ta' ġudikatura indipendenti bħala prekundizzjoni meħtieġa għal sistema li tiffunzjona għalkollox ta' kontrolli u bilanċi; jenfasizza li r-regoli dwar il-kompożizzjoni elettorali u l-funzjonament tal-Kunsill Għoli ta' Mħallfin u Prosekuturi għandu jkun konformi għalkollox mal-istandards Ewropej u jistieden lill-Gvern tat-Turkija jikkonsulta mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni ta' Venezja u jirrevedi l-liġi l-ġdida dwar il-Kunsill Għoli ta' Mħallfin u Prosekuturi skont ir-rakkomandazzjonjiet tagħhom;

11.  Jilqa' l-pakkett dwar id-demokratizzazzjoni ppreżentat mill-Gvern fit-30 ta’ Settembru 2013 u jistieden lill-Gvern jimplimentah b'mod rapidu u sħiħ, biex jikkonsulta lill-oppożizzjoni u lill-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni u biex ikompli bl-isforzi tiegħu ta' riforma lejn ir-reviżjoni tas-sistema elettorali, inkluż it-tnaqqis tal-livell ta' limitu elettorali ta' 10 %, u l-inklużjoni adegwata tal-elementi kollha tas-soċjetà Torka biex tissaħħaħ id-demokrazija u jiġi rifless aħjar il-pluraliżmu eżistenti fil-pajjiż; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni u t-twaqqif ta' bord kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza; jistieden għaldaqstant lill-Gvern jiżgura li l-leġiżlazzjoni dwar delitti ta’ mibegħda toffri protezzjoni liċ-ċittadini u l-komunitajiet kollha, inklużi l-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Gvern jieħu passi bla dewmien biex itejjeb id-drittijiet tal-komunità Alevi; jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni li tiffaċċja l-minoranza tar-Rom, kif ukoll biex tiżdied l-impjegabilità tagħhom u titnaqqas ir-rata ta' tluq bikri mill-iskola;

12.  Jilqa’ l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet ġodda, jiġifieri l-Istituzzjoni tal-Ombudsman u l-Istituzzjoni Nazzjonali Torka tad-Drittijiet tal-Bniedem, li bdew joperaw fl-2013, u b’hekk inħolqu mekkaniżmi addizzjonali għall-individwi biex japplikaw għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom;

13.  Jiddispjaċih ħafna għall-imwiet fost id-dimostranti u l-forzi tal-pulizija, l-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija u l-atti vjolenti mwettqa minn xi gruppi marġinali; hu tal-fehma li l-protesti f’Gezi Park huma xhieda tal-eżistenza fit-Turkija ta’ soċjetà ċivili vibranti u anke tal-ħtieġa għal aktar djalogu u riformi vitali u urġenti fir-rigward tal-promozzjoni tal-valuri fundamentali; jiddispjaċih dwar il-falliment apparenti tal-qrati li jikkastigaw lill-uffiċjali tal-istat u l-pulizija kollha responsabbli għal vjolenza eċċessiva, imwiet u korrimenti serji fil-konfront tad-dimostranti f'Gezi Park u jilqa', għaldaqstant, l-investigazzjonijiet amminstrattivi li għadhom għaddejjin, imnedija mill-Ministeru tal-Intern, l-investigazzjonijiet ġudizzjarji u l-inkjesti tal-Ombudsman dwar ilmenti relatati mal-avveniment li seħħew f'Gezi Park bħala opportunità ġdida biex jintwera impenn sħiħ favur l-istat tad-dritt u biex il-persuni responsabbli jittellgħu quddiem il-qrati; jistenna li l-investigazzjonijiet u l-inkjesti jindirizzaw għalkollox it-tħassib bla dewmien; jistieden lit-Turkija tadotta proċeduri xierqa ta’ rieżami intern u tistabbilixxi entità superviżorja indipendenti għar-reati tal-pulizija; hu tal-fehma li l-avvenimenti ta’ Gezi Park jenfasizzaw il-ħtieġa għal riformi b’ambitu usa’ sabiex ikun żgurat ir-rispett tal-libertà ta’ għaqda; iħeġġeġ lill-Ministeru tal-Intern u lill-pulizija jistabbilixxu metodi biex jindirizzaw il-protesti pubbliċi b'mod aktar ristrett u jistedinhom, b'mod partikolari, ma jarrestawx lill-persunal mediku, avukati u professjonisti oħra li jiżguraw id-drittijiet bażiċi tad-dimostranti, u ma jxekklux il-ħidma tagħhom; jesprimi tħassib dwar l-azzjoni meħuda kontra professjonisti tas-saħħa, avukati, akkademiċi, studenti u assoċjazzjonijiet professjonali b’rabta mal-azzjonijiet mhux vjolenti tagħhom waqt l-avvenimenti f’Gezi;

14.  Josserva li l-mewġa bla preċedent ta’ protesti tirrifletti wkoll l-aspirazzjonijiet leġittimi ta’ ħafna ċittadini Torok għal demokrazija aktar profonda; itenni li, f’soċjetà demokratika, il-Gvernijiet iridu jippromwovu t-tolleranza u jiżguraw il-libertà ta’ reliġjon u twemmin għaċ-ċittadini kollha; jistieden lill-Gvern jirrispetta l-pluralità u r-rikkezza tas-soċjetà Torka;

15.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-kopertura limitata ħafna tal-avvenimenti ta’ Gezi Park mill-midja Torka, u t-tkeċċija tal-ġurnalisti li kkritikaw ir-reazzjonijiet tal-Gvern għal tali avvenimenti; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, inkluża l-midja diġitali u soċjali, jinsabu fil-qalba tal-valuri Ewropej u li midja indipendenti hi kruċjali għal soċjetà indipendenti, għax tati lok liċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni kollettivi fuq bażi informata u għaldaqstant issaħħaħ id-demokrazija; jesprimi tħassib serju dwar il-liġi l-ġdida tal-internet li tintroduċi kontroll u monitoraġġ eċċessivi tal-aċċess għall-internet u għandha l-potenzjal ta' impatt sinifikanti fuq l-espressjoni ħielsa, il-ġurnaliżmu investigattiv, l-iskrutinju demokratiku u l-aċċess għal informazzjoni li tixhed id-diversità politika fuq l-internet; jindika t-tħassib serju li esprimew l-UE u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)u jitlob lill-Gvern tat-Turkija jirrevedi l-liġi sabiex tkun konformi mal-istandards Ewropej dwar il-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni; itenni għal darba oħra t-tħassib tiegħu għall-fatt li ħafna mill-midja tappartjeni u hija konċentrata f’konglomerati kbar b’firxa wiesgħa ta’ interessi kummerċjali u jiġbed l-attenzjoni dwar il-fenomenu mifrux u ta’ tħassib ta’ awtoċensura mis-sidien tal-midja u l-ġurnalisti; jinsab imħasseb dwar it-tkeċċija ta’ ġurnalisti minn pożizzjonijiet fil-midja minħabba kritika tal-Gvern; hu mħasseb ħafna dwar il-proċeduri użati għas-sanzjoni tas-sidien tal-midja kritika; iqajjem tħassib dwar l-implikazzjonijiet tal-akkreditament mill-istituzzjonijiet tal-Gvern li li għandu bħala objettiv prinċipali l-midja tal-oppożizzjoni; jesprimi tħassib serju dwar l-għadd partikolarment kbir ta’ ġurnalisti miżmuma taħt arrest preventiv, li jdgħajjef il-libertà tal-espressjoni u tal-midja, u jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-Turkija jirrieżaminaw u jindirizzaw dawn il-każijiet malajr kemm jista’ jkun; jenfasizza r-rwol speċjali tal-midja tas-servizz pubbliku fit-tisħiħ tad-demokrazija u jistieden lill-Gvern tat-Turkija jiżgura l-indipendenza u s-sostenibbiltà tal-midja tas-servizz pubbliku f'konformità mal-istandards Ewropej;

16.  Jesprimi tħassib serju u nuqqas ta' sodisfazzjon dwar in-nuqqas ta' djalogu u konsultazzjoni ġenwini dwar l-abbozz tal-liġi tal-internet u l-abbozz ta' liġi dwar il-Kunsill Għoli ta' Mħallfin u Prosekuturi u jinnota li din is-sitwazzjoni hija differenti ħafna minn dawk preċedenti fejn kien hemm kooperazzjoni tajba; jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-liġi dwar l-internet u l-liġi dwar il-Kunsill Għoli ta' Mħallfin u Prosekuturi qed ibiegħdu lit-Turkija milli tissodisfa l-kriterji ta' Koenħagen u jistieden lill-Gvern tat-Turkija jimpenja ruħu fi djalogu ġenwin u kostruttiv dwar iż-żewġ liġijiet u dwar leġiżlazzjoni ġejjiena, b'mod partikolari dwar il-midja u l-ġudikatura, u biex tagħmel kulma tista' biex tagħti spinta ġdida lill-proċess ta' negozjati u turi impenn ġenwin lejn il-perspettiva Ewropea, inkluż permezz ta' riforma tal-liġijiet dwar l-internet u dwar il-Kunsill Għoli ta' Mħallfin u Prosekuturi;

17.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istqarrijiet riċenti tal-Prim Ministru Tork li qal li jaf imur lil hinn mil-liġi tal-internet eżistenti u jipprojbixxi l-Facebook u l-YouTube;

18.  Jinnota li d-Delegazzjoni Ad Hoc tal-Parlament għall-Osservazzjoni tal-Proċessi tal-Ġurnalisti fit-Turkija, stabbilita fl-2011 u msemmija fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport ta’ Progress 2011 dwar it-Turkija u fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport ta’ Progress 2012 dwar it-Turkija, ippreżentat ir-Rapport Interim tal-Attività fl-2013, abbażi ta’ osservazzjonijiet fattwali, u se toħroġ ir-Rapport Finali ta’ Attività fl-1 ta' April 2014;

19.  Jinnota t-tħassib tas-soċjetà Torka dwar l-ambitu eċċessivament wiesa’, in-nuqqasijiet fir-rigward ta' proċessi ġusti u l-allegazzjonijiet tal-użu ta’ evidenza inkonsistenti kontra l-imputati fil-kawża Ergenekon, li, bħal fil-kawża Sledgehammer, dgħajfu l-aċċettazzjoni tas-sentenza; jenfasizza għal darba oħra, fid-dawl ta’ dak li ssemma hawn fuq, li l-kawża KCK trid turi s-saħħa u l-funzjonament xieraq, indipendenti, imparzjali u trasparenti tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-ġudikatura tat-Turkija, kif ukoll l-impenn sod u inkondizzjonat għar-rispett tad-drittijiet fundamentali; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE f’Ankara timmonitorja aktar mill-qrib l-iżviluppi ulterjuri f’dawn il-kawżi, inkluż proċess ta’ appell possibbli u l-kundizzjonijiet tal-arrest, u tirrapporta lura lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew;

20.  Jiġbed attenzjoni partikolari fuq il-proċess ta' Füsun Erdoğan and Pinar Selek, li fil-fehma tiegħu huma eżempju tan-nuqqas tas-sistema ġudizzjarja Torka u jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-proċedimenti fil-konfront ta' Pinar Selek damu 16-il sena; jinsisti li kull proċess għandu jitwettaq b'mod trasparenti, b'osservanza tal-istat tad-dritt u b'garanzija ta' kundizzjonijiet xierqa;

21.  Jesprimi tħassib dwar il-qasma kulturali fit-Turkija, li kulma jmur qed tikber, dwar l-hekk imsejħa "kwistjonijiet ta' stil tal-ħajja", minħabba r-riskju li l-awtoritajiet jibdew jindaħlu fil-ħajja privata taċ-ċittadini, kif jixhdu l-istqarrijiet riċenti dwar l-għadd ta' tfal li għandu jkollhom in-nisa, dwar residenzi tal-istudenti għan-nisa u l-irġiel flimkien, u dwar il-bejgħ tal-alkoħol;

22.  Jinnota li l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett ta’ riforma ġudizzjarja wasslet għall-ħelsien ta’ għadd sinifikanti ta’ detenuti, u jilqa’ r-raba’ pakkett ta’ riforma ġudizzjarja bħala pass importanti ieħor lejn ġudikatura fit-Turkija li tkun konformi mal-istandards u mal-valuri tal-UE; jinnota, b’mod partikolari, (i) distinzjoni ġdida u importanti bejn il-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u ta’ għaqda u l-inċitament għall-vjolenza jew għat-twettiq ta’ atti ta’ terroriżmu, (ii) limitazzjoni tar-reat li jitfaħħar delitt jew persuna kriminali f’sitwazzjonijiet fejn hemm periklu ċar u imminenti għall-ordni pubbliku u (iii) limitazzjoni tal-ambitu tar-reat ta' twettiq ta’ delitt f'isem organizzazzjoni, mingħajr ma wieħed ikun membru tagħha, għal organizzazzjonijiet armati biss;

23.  Jilqa’ l-inizjattivi meħuda mill-Kunsill Għoli ta' Mħallfin u Prosekuturi biex jippromwovu t-taħriġ ta’ għadd kbir ta’ mħallfin u prosekuturi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jippromwovu komprensjoni operattiva b’reqqa tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB); jinnota l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Prevenzjoni tal-Ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jistieden lill-gvern jiżgura l-implimentazzjoni rapida u effettiva tiegħu b'tali mod li l-kwistjonijiet kollha mqajma f’sentenzi tal-Qorti fejn instab li t-Turkija kisret id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jiġu indirizzati darba għal dejjem; iħeġġeġ lill-Gvern ikompli b’riformi ġudizzjarji ambizzjużi mibnija fuq il-ħtieġa ta’ progress tad-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ riforma tal-liġi kontra t-terroriżmu bħala kwistjoni ta’ prijorità;

24.  Jistieden lit-Turkija timpenja ruħha favur il-ġlieda kontra l-impunità u tikkonkludi b’suċċess l-isforzi tagħha għall-adeżjoni mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

25.  Itenni l-importanza li l-Kapitoli 23 (ġudikatura u drittijiet fundamentali) u 24 (ġustizzja u intern) jinfetħu kmieni fil-proċess tan-negozjati u jingħalqu fl-aħħar; jenfasizza li dan ikun konsistenti mal-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni għal pajjiżi kandidati ġodda; ifakkar li l-ftuħ ta' dawn il-kapitoli hu bbażat fuq il-kisba tal-kundizzjonijiet definiti fil-punti ta' riferiment uffiċjali u jenfasizza, għaldaqstant, li l-għoti ta' punti ta' riferiment uffiċjali lit-Turkija għall-ftuħ tal-Kapitoli 23 u 24 jipprovdi pjan direzzjonali ċar u jagħti spinta lill-proċess ta’ riforma u li b'mod partikolari, dan jiżgura li tiġi provduta ankra ċara għall-proċess ta' riforma fit-Turkija, abbażi ta' standards Ewropej,b'referenza partikolari għall-ġudikatura; jistieden għaldaqstant lill-Kunsill jagħmel sforzi mġedda għall-għoti tal-punti ta' riferiment uffiċjali u fl-aħħar mill-aħħar, għall-issodisfar tal-kriterji stabbiliti, għall-ftuħ tal-Kapitoli 23 u 24; jistieden lit-Turkija tikkoopera kemm jista’ jkun għal dan l-għan; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi bla dewmien djalogu u kooperazzjoni ulterjuri mat-Turkija fl-oqsma tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġustizzja u l-intern fl-ambitu tal-Aġenda Pożittiva;

26.  Ifaħħar id-deċiżjoni tal-Assemblea tal-Fondazzjonijiet li trodd lura l-artijiet tal-monasteru storiku Mor Gabriel lill-komunità Sirijaka fit-Turkija, f’konformità mal-wegħda magħmula mill-Gvern fil-pakkett tad-Demokratizzazzjoni; jenfasizza l-importanza li jkompli jiġi provdut qafas legali adegwat għar-ristawr tad-drittijiet tal-proprjetà tal-komunitajiet reliġjużi kollha; jenfasizza l-importanza li jitkompla l-proċess ta’ riforma fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon billi jingħata lok lill-komunitajiet reliġjużi li jiksbu personalità ġuridika, billi jiġu eliminati r-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra u s-suċċessjoni tal-kleru, billi jkun hemm konformità mas-sentenzi rilevanti tal-QEDB u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u billi jiġu eliminati l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni jew ostakoli bbażati fuq ir-reliġjon; jistieden lill-Gvern tat-Turkija jikkunsidra t-talba tal-Komunità Alevi biex jirrikonoxxi s-Cemevis bħala postijiet ta' qima fihom infushom; jenfasizza l-importanza li jitneħħew l-ostakoli kollha għal ftuħ mill-ġdid rapidu tas-Seminarju ta’ Halki u għall-użu pubbliku tat-titolu ekkleżjastiku tal-Patrijarka Ekumeniku; jistieden lill-qorti Yargitay biex idawwar id-deċiżjoni li tikkonverti il-knisja storika Hagia Sophia fi Trabzon bħala moskea u jenfasizza għall-ftuħ mill-ġdid immedjat tagħha bħala mużew.

27.  Jesprimi appoġġ għall-bażi tad-data dwar il-vjolenza kontra n-nisa li qed titħejja attwalment mill-Ministeru għall-Familja u l-Politiki Soċjali; jitlob li tiġi kkomplimentata l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ħolqien ta’ rifuġji għal nisa li huma vittmi tal-vjolenza domestika b’mekkaniżmi ta’ segwitu adegwati fejn il-muniċipalitajiet ma jipprovdux rifuġji ta’ dan it-tip; jappoġġa l-isforzi tal-Ministeru għall-Familja u l-Politiki Soċjali biex jitħarrxu l-penali għal żwiġijiet bikrija furzati, li jeħtieġ jiġu eradikati, u jħeġġu jibqa' għaddej bil-ħidma tiegħu f'din id-direzzjoni; jitlob li jsiru aktar sforzi biex jintemmu l-każijiet ta' hekk imsejħa “qtil għall-unur”; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-livell baxx ta' inklużjoni soċjali u ekonomika tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol, fil-politika u f'livelli għolja fl-amministrazzjoni, u jħeġġeġ lill-Gvern jadotta miżuri adegwati biex jippromwovi rwol aktar ċentrali għan-nisa fin-nisġa ekonomika u politika tat-Turkija; jistieden lill-partiti politiċi kollha jieħdu azzjoni speċifika biex jitħeġġeġ aktar l-għoti ta' setgħa ta' azzjoni lin-nisa biex jipparteċipaw attivament fil-politika; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u ekonomika tan-nisa u kemm hu importanti li l-ugwaljanza tal-ġeneri tiġi integrata fil-proċess leġiżlattiv u fl-implimentazzjoni tal-liġijiet;

28.  Jappoġġa bis-saħħa l-inizjattiva tal-Gvern li jistinka biex jirriżolvi l-kwistjoni tal-Kurdi abbażi ta' negozjati mal-PKK, bl-għan li jintemmu b'mod definittiv l-attivitajiet terroristiċi tal-PKK; iħeġġeġ lill-Gvern iwettaq ir-riformi neċessarji bl-għan li jiġu promossi d-drittijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi tal-komunità Kurda, inkluż permezz tal-edukazzjoni bil-lingwa Kurda fl-iskejjel pubbliċi, abbażi ta' konsultazzjoni adegwata tal-partijiet konċernati relevanti u tal-oppożizzjoni, u bl-għan ġenerali li jiġi faċilitat ftuħ reali tat-talbiet għal drittijiet bażiċi għaċ-ċittadini kollha fit-Turkija; jesprimi tħassib dwar l-għadd kbir ta’ kawżi mressqa kontra kittieba u ġurnalisti li jiktbu dwar il-kwistjoni Kurda u l-arrest ta’ diversi politiċi, sindki u membri tal-kunsilli muniċipali, trejdunjonisti, avukati, dimostranti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Kurdi marbuta mal-proċess tal-KCK; jistieden lill-oppożizzjoni tappoġġa attivament in-negozjati u r-riformi bħala pass importanti għall-benefiċċju tas-soċjetà Torka kollha kemm hi; jistieden lill-awtoritajiet Torok u l-Kummissjoni Ewropea jikkooperaw mill-qrib biex jivvalutaw liema programmi fl-ambitu tal-IPA jistgħu jintużaw biex ikun promoss l-iżvilupp sostenibbli fix-Xlokk fil-qafas tan-negozjati fuq il-Kapitolu 22;

29.  Jilqa’ l-implimentazzjoni rapida mistennija tad-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni mill-Gvern Tork dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskola ta’ minoranza Griega fuq il-gżira ta’ Gökceada (Imbros), li tikkostitwixxi pass pożittiv lejn il-preservazzjoni tal-karattru bikulturali tal-gżejjer ta' Gökceada (Imbros) u Bozcaada (Tenedos) skont ir-Riżoluzzjoni 1625 (2008) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa; jinnota, madankollu, li jinħtieġ li jittieħdu aktar passi sabiex jiġu indirizzati l-problemi ffaċċjati minn membri tal-minoranza Griega, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet għall-proprjetà tagħhom; f’dan ir-rigward, minħabba li l-għadd tal-membri tal-minoranza kulma jmur qiegħed jonqos, jistieden lill-awtoritajiet Torok iħeġġu u jiffaċilitaw lill-familji tal-minoranza espatrijati li jixtiequ jmorru lura lejn il-gżira;

30.  Hu tal-fehma li d-djalogu soċjali u l-involviment tas-sħab soċjali huma vitali għall-iżvilupp ta' soċjetà prospera u pluralistika u bħala mezz ta' promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u ekonomika fis-soċjetà kollha kemm hi; jenfasizza l-importanza ta’ aktar progress fil-qasam tal-politika soċjali u l-impjieg, b’mod partikolari t-tneħħija tal-ostakoli kollha għall-funzjonament effikaċi tat-trejdjunjins, b'mod speċjali fl-SMEs, biex tiġi stabbilita strateġija nazzjonali tal-impjieg, jiġi indirizzat ix-xogħol mhux dikjarat, titwessa’ l-kopertura tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni soċjali, u jiżdiedu r-rati tal-impjieg fost in-nisa u l-persuni b’diżabilitajiet; jinnota l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar it-trejdjunjins fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, u jistieden lit-Turkija tinvesti l-isforzi kollha biex il-leġiżlazzjoni tkun magħmula konformi mal-istandards tal-ILO; speċjalment id-dritt tal-istrajk u d-dritt ta' negozjar kollettiv; jenfasizza kemm hu importanti li jinfetaħ il-Kapitolu 19 dwar il-politika soċjali u l-impjiegi;

Il-bini ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat

31.  Jinnota l-isforzi kontinwi mill-Greċja u mit-Turkija biex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom, inkluż permezz ta’ laqgħat bilaterali; iqis li hija ħasra, madankollu, li t-theddida ta’ casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka kontra l-Greċja ma ġietx irtirata; iħeġġeġ lill-Gvern Tork itemm il-ksur kontinwu tal-ispazju tal-ajru u l-ilmijiet territorjali Griegi kif ukoll it-titjiriet tal-inġenji tal-ajru militari Torok fuq il-gżejjer Griegi;

32.  Jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex bla dewmien ulterjuri jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li tagħmel parti mill-acquis communitaire, u jfakkar fil-leġittimità sħiħa taż-żona ekonomika esklużiva tar-Repubblika ta’ Ċipru; jistieden lit-Turkija tirrispetta d-drittijiet sovrana tal-Istati Membri kollha tal-UE, fosthom dak ta' esplorazzjoni u sfruttament tar-riżorsi naturali fit-territorji u fl-ilmijiet taħt is-sovranità tagħhom;

33.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, abbażi ta' soluzzjoni ġusta u vijabbli għaż-żewġ komunitajiet u jilqa', f'dan ir-rigward, id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja taż-żewġ komunitajiet dwar it-tnedija mill-ġdid tad-diskussjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru u l-impenn miż-żewġ naħat għal soluzzjoni msejsa fuq federazzjoni bikomunali u biżonali b'ugwaljanza politika u li Ċipru magħqud, bħala membru tan-NU u tal-UE, se jkollu personalità legali internazzjonali waħdiena, sovranità waħdiena u ċittadinanza Ċiprijotta magħquda waħdiena; ifaħħar l-impenn miż-żewġ naħat għall-ħolqien ta' atmosfera pożittiva biex ikun żgurat li d-diskussjonijiet jirnexxu u għal miżuri ta' ħolqien ta' fiduċja biex jiġu appoġġat il-proċess ta' negozjati; jistieden lit-Turkija tappoġġa attivament dawn in-negozjati mmirati lejn soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lit-Turkija tibda tirtira l-forzi tagħha minn Ċipru u tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta’ Famagusta lin-NU skont ir-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lir-Repubblika ta’ Ċipru tiftaħ il-port ta’ Famagusta, taħt superviżjoni doganali tal-UE, sabiex tippromwovi klima pożittiva għal soluzzjoni b’suċċess tan-negozjati għar-riunifikazzjoni li għaddejjin, u tippermetti liċ-Ċiprijotti Torok jinnegozjaw direttament b’mod leġittimu aċċettabbli għal kulħadd; jieħu nota tal-proposti tal-Gvern ta’ Ċipru biex jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq;

34.  Jilqa’ l-istqarrija konġunta tas-Sindku, is-Sur Alexis Galanos, u s-Sindku, is-Sur Oktay Kayalp, tal-10 ta’ Diċembru 2013 li fiha jesprimu appoġġ qawwi għar-riunifikazzjoni ta’ Famagusta;

35.  Jilqa' d-deċiżjoni tat-Turkija li tagħti aċċess lill-Kumitat dwar il-Persuni Nieqsa (CMP) għal żona militari delimitata b'ċint fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru, u jħeġġeġ lit-Turkija tippermetti lill-Kumitat jaċċedi għall-arkivji u għaż-żoni militari rilevanti għall-eżumazzjoni; jitlob kunsiderazzjoni speċjali għax-xogħol li wettaq il-Kumitat dwar il-Persuni Nieqsa;

36.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ koerenti u komprensiv fil-qasam tas-sigurtà fil-Lvant tal-Mediterran, u jistieden lit-Turkija tippermetti djalogu politiku bejn l-UE u n-NATO billi tirtira l-veto tagħha fir-rigward tal-inklużjoni ta' Ċipru fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, u konsegwentement jistieden lir-Repubblika ta' Ċipru tirtira l-veto tagħha fuq il-parteċipazzjoni tat-Turkija fl-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

37.  Iħeġġeġ lit-Turkija u lill-Armenja jipproċedu għal normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom billi jirratifikaw, mingħajr prekundizzjonijiet, il-protokolli dwar l-istabbiliment tar-relazzjonijiet diplomatiċi, billi jiftħu l-fruntiera u billi jtejbu b’mod attiv ir-relazzjonijiet tagħhom, b’referenza partikolari għall-kooperazzjoni transkonfinali u l-integrazzjoni ekonomika;

Progress fil-kooperazzjoni UE-Turkija

38.  Jiddeplora r-rifjut tat-Turkija li tissodisfa l-obbligu tagħha li timplimenta għalkollox u b’mod li ma jiddiskriminax il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija fir-rigward tal-Istati Membri kollha; ifakkar li dan ir-rifjut għadu qed ikollu effett kbir fuq il-proċess tan-negozjati;

39.  Jinnota li t-Turkija għadha s-sitt l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u li l-UE hi l-akbar waħda tat-Turkija: 38 % tal-kummerċ totali tat-Turkija hu mal-UE u kważi 71 % tal-investiment barrani dirett ġej mill-UE; jilqa’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li għadha għaddejja tal-Unjoni Doganali UE-Turkija bl-għan li tivvaluta l-impatt tagħha fuq iż-żewġ partijiet u mezzi ta’ kif taġġornaha u jħeġġeġ lit-Turkija tneħħi r-restrizzjonijiet li fadal fuq il-moviment liberu tal-prodotti;

40.  Jemmen li, fid-dawl tar-rwol strateġiku tat-Turkija bħala 'hub' tal-enerġija u pajjiż b'ħafna riżorsi tal-enerġija rinnovabbli, għandha tingħata kunsiderazzjoni għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u t-Turkija dwar l-enerġija u l-valur li jinfetħu n-negozjati dwar il-Kapitolu15 dwar l-enerġija biex jiġi provdut qafas regolatorju adegwat; jenfasizza aktar l-importanza li t-Turkija tiġi involuta fil-proċess ta’ tfassil tal-politika enerġetika tal-Ewropa; jissottolinja li l-prijoritajiet tat-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika jeħtieġ jiġu indirizzati u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-potenzjal ta' kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija dwar kwistjonijiet ta' enerġija ħadra; jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-finanzjament favur proġetti tal-enerġija rinnovabbli, il-grid tal-enerġija u l-interkonnettività enerġetika fit-Turkija; jitlob lit-Turkija timplimenta għalkollox leġiżlazzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, mingħajr eċċezzjoni għall-proġetti kbar:

41.  Jinnota ż-żieda tal-involviment tat-Turkija fix-Xlokk tal-Ewropa, b’mod partikolari fil-Bosnja-Ħerzegovina, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok jallinjaw il-pożizzjonijiet tagħhom mal-PESK tal-UE, biex jikkoordinaw attivitajiet diplomatiċi mar-RGħ/VP u jsaħħu aktar il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE;

42.  Jilqa’ l-impenn tat-Turkija li toffri assistenza umanitarja lil kważi miljun rifuġjat Sirjan; jitlob lit-Turkija timmonitorja mill-qrib il-fruntieri tagħha biex tipprevjeni d-dħul ta' ġellieda u armi għall-benefiċċju ta' gruppi li jinstab kredibbilment li huma involuti fi ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, jew li mhumiex impenjati favur it-tranżizzjoni demokratika fis-Sirja; jemmen li l-UE, it-Turkija u partijiet interessati internazzjonali oħra għandhom attivament ifittxu li jiżviluppaw viżjoni strateġika konġunta biex tiġi promossa soluzzjoni politika u demokratika fis-Sirja mingħajr dewmien u tiġi appoġġata l-istabilità politika u ekonomika fir-reġjun, b’referenza partikolari għall-Ġordan, il-Libanu, l-Iran u l-Iraq; jindika, b'mod partikolari, l-kundizzjonijiet diffiċli tal-komunità ta' rifuġjati Sirjani Alawiti, li fittxew kenn fil-periferiji tal-bliet il-kbar u jitlob lit-Turkija tiżgura li l-assistenza fil-fatt tista' taslilhom; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg għall-popolazzjoni ta' rifuġjati u jesprimi, fl-istess ħin, tħassib dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-komunitajiet ta' rifuġjati fuq il-bliet u l-irħula qrib il-kampijiet tar-rifuġjati; jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali tikkoopera mill-qrib mat-Turkija fir-rigward tal-assistenza lill-popolazzjoni ta' rifuġjati;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-RGħ/VP, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

(1) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 98.
(2) ĠU L 257 E, 6.9.2013, p. 38.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0184.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0277.
(5) ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.

Avviż legali - Politika tal-privatezza