Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2277(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0149/2014

Testi mressqa :

A7-0149/2014

Dibattiti :

PV 12/03/2014 - 12
CRE 12/03/2014 - 12

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0239

Testi adottati
PDF 480kWORD 207k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Ir-rwol u l-operazzjonijiet tat-Trojka fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro
P7_TA(2014)0239A7-0149/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-inkjesta dwar ir-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni, FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro (2013/2277(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7, l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121, u l-Artikolu 174 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(1),

–  wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2013(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fil-futur tal-UEM(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina”,(6)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nofs il-perjodu)(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġits, u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0149/2014),

A.  billi t-Trojka, li tikkonsisti fil-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), oriġinat bid-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2010 minn Kapijiet ta’ Stat u Gvern taż-żona tal-euro biex tistabbilixxi programm konġunt u tipprovdi self kundizzjonali bilaterali lill-Greċja, u b’hekk tibni wkoll fuq ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Ecofin, u minn dak iż-żmien bdiet topera fil-Portugall, fl-Irlanda u f’Ċipru; billi hemm involviment sinifikanti tal-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro fid-deċiżjonijiet dwar id-dettalji tas-self bilaterali;

B.  billi t-Trojka u r-rwol tagħha ġew definiti fir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 u huma msemmija fit-Trattat dwar il-MES;

C.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kawża Pringle v l-Irlanda (Kawża C-370/12) li l-Kummissjoni u l-BĊE jistgħu jiġu fdati bil-kompiti mogħtija lilhom fit-Trattat dwar il-MES;

D.  billi, fit-Trojka, il-Kummissjoni, li taġixxi bħala aġent tal-Grupp tal-euro, hija responsabbli biex tinnegozja l-kundizzjonijiet għall-assistenza finanzjarja għal Stati Membri taż-żona tal-euro “b’koordinazzjoni mal-BĊE” u “fejn possibbli flimkien mal-FMI” (l-assistenza finanzjarja minn hawn ’il quddiem tissejjaħ “l-assistenza tal-UE-FMI”), madankollu l-Kunsill huwa responsabbli għall-approvazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku; billi kull membru tat-Trojka segwa l-proċess proċedurali tiegħu stess;

E.  billi t-Trojka s’issa kienet l-istruttura bażika għan-negozjati bejn il-mutwanti uffiċjali u l-gvernijiet tal-pajjiżi riċevituri, kif ukoll għar-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku; billi għall-aspett Ewropew, fil-każ tal-appoġġ tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), id-deċiżjonijiet finali fir-rigward tal-assistenza finanzjarja u l-kondizzjonalità jittieħdu mill-Grupp tal-euro, li għaldaqstant jerfa' r-responsabbiltà politika għall-programmi;

F.  billi kien hemm ftehim politiku wiesa’ biex tiġi evitata l-inadempjenza mhux ikkontrollata mill-Istati Membri tal-UE, u speċjalment fiż-żona tal-euro, u sabiex jiġi evitat kaos ekonomiku u soċjali, li jagħmilha impossibbli li jitħallsu l-pensjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema ċivili, kif ukoll joħloq effetti diżastrużi u qawwija fuq l-ekonomija, is-sistema bankarja u s-sistema tas-servizzi soċjali, flimkien mad-dejn sovran li huwa kompletament maqtugħ mis-swieq kapitali għal perjodu estiż;

G.  billi t-Trojka flimkien mal-Istat Membru kkonċernat hija responsabbli wkoll għall-preparazzjoni ta' deċiżjonijiet formali tal-Grupp tal-euro;

H.  billi bosta Stati Membri barra ż-żona tal-euro diġà rċevew jew qed jirċievu assistenza mill-UE skont l-Artikolu 143 tat-TFUE, mogħtija mill-UE flimkien mal-FMI;

I.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ħolqu bosta mekkaniżmi ad hoc biex jipprovdu assistenza finanzjarja lill-pajjiżi taż-żona tal-euro, l-ewwel nett permezz ta’ self bilaterali, inkluż minn bosta pajjiżi barra ż-żona tal-euro, imbagħad permezz ta' fondi ta' emerġenza temporanji, jiġifieri tal-EFSF u tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), maħluqa għall-Istati Membri tal-UE li jinsabu f'diffikultà, u fl-aħħar nett permezz tal-MES, li kellu jieħu post il-mekkaniżmi l-oħra kollha;

J.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, b'referenza għall-Artikolu 13(3) tat-Trattat dwar il-MES, dan l-aħħar ikkonfermat (fil-kawża Pringle) li huwa d-dmir tal-Kummissjoni, bl-involviment tagħha fit-Trattat dwar il-MES li “tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni” u “tiżgura li l-memoranda ta' qbil konklużi mill-MES ikunu konsistenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea”;

K.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża Pringle, iddeċidiet ukoll li l-MES huwa konsistenti mat-TFUE u ppreżentat l-opportunità għall-integrazzjoni possibbli ta' dak il-mekkaniżmu fl-acquis communautaire fi ħdan il-limiti attwali tat-Trattati;

L.  billi l-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) huwa definitbħala ftehim bejn l-Istat Membru kkonċernat u t-Trojka, bħala riżultat ta' negozjati u li permezz tiegħu Stat Membru jikkommetti ruħu li jwettaq għadd ta’ azzjonijiet preċiżi bi skambju ma’ assistenza finanzjarja; billi l-Kummissjoni tiffirma l-MtQ f’isem il-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro; billi madankollu, fost il-pubbliku mhuwiex magħruf kif fil-prattika tmexxew in-negozjati bejn it-Trojka u l-Istat Membru rilevanti u li barra minn hekk, hemm nuqqas ta' trasparenza dwar kemm l-Istat Membru li qed ifittex l-għajnuna seta’ jkollu influwenza fuq ir-riżultat tan-negozjati; billi fit-Trattat dwar il-MES huwa stipulat li Stat Membru li jitlob għal assistenza mill-MES huwa mistenni li jindirizza wkoll, kull meta possibbli, talba għal assistenza lill-FMI;

M.  billi l-ammont totali ta’ pakketti ta’ assistenza finanzjarja fl-erba’ programmi qatt ma kien hemm bħalu qabel, kif ukoll it-tul taż-żmien, il-forma u l-kontenut tal-programmi, u dan wassal għal sitwazzjoni mhux mixtieqa fejn l-assistenza kważi ħadet post b’mod esklussiv il-finanzjament tas-soltu provdut mis-swieq; b’hekk is-settur bankarju kien protett minn telf permezz tat-trasferiment ta’ ammonti kbar tad-dejn sovran tal-pajjiż tal-programm mill-karta tal-bilanċ tas-settur privat għal dik tas-settur pubbliku;

N.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kawża Pringle li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 125 tat-TFUE tiżgura li l-Istati Membri jibqgħu soġġetti għal-loġika tas-suq meta jidħlu fid-dejn, peress li din għandha ġġiegħlhom iżommu dixxiplina baġitarja u li l-konformità ma’ din id-dixxiplina tikkontribwixxi biex jintlaħaq objettiv ogħla fil-livell tal-Unjoni, jiġifieri ż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja tal-unjoni monetarja; billi madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-Artikolu 125 tat-TFUE ma jipprojbixxix l-għoti ta’ assistenza finanzjarja minn Stat Membru wieħed jew aktar lil Stat Membru li jibqa’ responsabbli għall-impenji tiegħu lejn il-kredituri tiegħu sakemm il-kundizzjonijiet marbuta ma’ din l-assistenza jkunu jwasslu lil dak l-Istat Membru jimplimenta politika baġitarja soda;

O.  billi l-kriżi finanzjarja wasslet għal kriżi ekonomika u soċjali; billi din is-sitwazzjoni ekonomika u l-iżviluppi riċenti kellhom impatti serji u negattivi li qabel ma kinux previsti fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjieg, l-aċċess għall-kreditu, il-livelli tad-dħul, il-protezzjoni soċjali u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà, bir-riżultat mingħajr dubju ta' diffikultà ekonomika u soċjali; billi dawn l-impatti negattivi setgħu jkunu konsiderevolment agħar mingħajr l-assistenza finanzjarja tal-UE-FMI u billi l-azzjoni fil-livell Ewropew għenet biex is-sitwazzjoni ma tiddeterjorax aktar;

P.  billi l-Artikolu 151 tat-TFUE jipprevedi li l-azzjoni meħuda mill-UE u mill-Istati Membri tagħha trid tkun konsistenti mad-drittijiet soċjali fundamentali stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 sabiex jitjieb, inter alia, id-djalogu soċjali;

Q.  billi l-Artikolu 152 tat-TFUE itenni li “L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tal-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom”;

R.  billi l-ispejjeż tas-servizzi għall-utenti tas-servizzi qed jogħlew f’xi Stati Membri, li jfisser li ħafna persuni m’għadhomx jaffordjaw livell ta’ servizz adegwat biex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, inkluż l-aċċess għal kura essenzjali;

S.  billi t-Task Force għall-Greċja twaqqfet biex issaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni Griega biex tfassal, timplimenta u tinforza riformi strutturali sabiex ittejjeb il-kompetittività u l-funzjonament tal-ekonomija, tas-soċjetà u tal-amministrazzjoni u biex toħloq il-kundizzjonijiet għal irkupru sostnut u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll biex tħaffef l-assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE fil-Greċja u biex tuża riżorsi kritiċi biex tiffinanzja l-investiment;

T.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012, il-Parlament talab għal standards għolja tar-responsabbiltà demokratika fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex ikunu applikati għall-istituzzjonijiet tal-UE li huma membri tat-Trojka; billi tali responsabbiltà hija imperattiva fir-rigward tal-kredibbiltà tal-programmi ta' assistenza, u b'mod partikolari, teħtieġ involviment aktar mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali, kif ukoll li l-membri tal-UE tat-Trojka jinstemgħu fil-Parlament Ewropew abbażi ta' mandat ċar qabel jibdew jaqdu dmirijiethom u jkunu soġġetti għal rappurtar regolari u skrutinju demokratiku mill-Parlament;

U.  billi l-programmi fuq żmien qasir primarjament kellhom l-għan li jevitaw l-inadempjenza mhux ikkontrollata u li jwaqqfu l-ispekulazzjoni dwar id-dejn sovran; billi l-għan fuq żmien medju kien li jiżgura li l-flejjes li kienu mislufa jkunu rimborżati, b’hekk ikun evitat telf finanzjarju kbir li jkun ta’ piż għall-kontribwenti mill-pajjiżi li qed jipprovdu assistenza u li jiggarantixxu l-fondi; billi dan jeħtieġ ukoll li l-programm iwassal għal tkabbir sostenibbli u tnaqqis ta’ dejn effettiv fuq żmien medju u twil; billi l-programmi ma kinux adattati biex jikkoreġu b'mod komprensiv l-iżbilanċi makroekonomiċi li f'ċerti każijiet akkumulaw matul deċennji ta' snin;

Is-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiżi tal-programm fil-bidu tal-kriżi

1.  Jikkunsidra li l-iskattaturi preċiżi għall-kriżijiet kienu differenti f'kull wieħed mill-erba’ Stati Membri għalkemm jistgħu jiġu osservati tendenzi komuni, bħaż-żieda rapida fl-influssi ta’ kapital u żieda fl-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE matul is-snin ta’ qabel il-kriżi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dejn eċċessiv privat u/jew pubbliku, li laħaq livell insostenibbli, u r-reazzjoni esaġerata minn swieq finanzjarji flimkien ma' spekulazzjoni u telf fil-kompetittività, kellhom rwol kruċjali u li l-ebda wieħed minn dawn ma seta' jiġi evitat permezz tal-qafas ta' governanza ekonomika eżistenti tal-UE; jinnota barra minn hekk li l-kriżijiet tad-dejn sovran fil-każijiet kollha kienu korrelatati b'mod qawwi mal-kriżi finanzjarja globali kkawżata minn regolamentazzjoni laxka u mġiba ħażina fl-industrija finanzjarja;

2.  Jinnota li l-finanzi pubbliċi tal-Ewropa kienu diġà f'qagħda ħażina qabel il-kriżi u li mis-sebgħinijiet ’l hawn il-livell tad-dejn pubbliku tal-Istati Membri gradwalment żdied taħt l-impatt tad-diversi episodji ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li l-UE għaddiet minnhom; jinnota li l-ispejjeż tal-pjanijiet ta' rkupru, it-tnaqqis ta' dħul mit-taxxi u nfiq kbir fuq il-welfare kkawżaw żieda kemm fid-dejn pubbliku kif ukoll fil-proporzjon bejn id-dejn pubbliku u l-PDG fl-Istati Membri kollha, minkejja li mhux fi grad uniformi fl-Unjoni kollha;

3.  Ifakkar it-trijangolu ta' vulnerabilitajiet interkonnessi, fejn l-iżbilanċ fil-politika fiskali ta' xi Stati Membri amplifika d-defiċits pubbliċi ta' qabel il-kriżi u l-kriżi finanzjarja kkontribwiet b'mod sinifikanti biex tkompli tkabbar dawk id-defiċits, segwiti minn tensjonijiet fis-swieq tad-dejn sovran f'ċerti Stati Membri;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kriżi finanzjarja, ekonomika u bankarja riċenti hija l-aktar waħda severa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn; jirrikonoxxi li kieku ma tteħditx azzjoni fuq livell Ewropew, il-kriżi setgħet kellha konsegwenzi saħansitra aktar gravi; jinnota f’dan ir-rigward li l-President preċedenti tal-BĊE, Jean-Claude Trichet f’seduta ta’ smigħ pubbliku esprima t-tħassib tiegħu li mingħajr azzjoni rapida u qawwija, il-kriżi tad-dejn sovran setgħet wasslet għal kriżi fuq l-istess skala tad-Depressjoni l-Kbira tal-1929;

5.  Jinnota li, qabel ma beda l-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI fir-rebbiegħa tal-2010, kien hemm biżà doppja assoċjata mal-“insolvenza” u n-“nuqqas ta’ sostenibbiltà” tal-finanzi pubbliċi tal-Greċja bħala riżultat tal-kompetittività tal-ekonomija Griega li kienet qed tonqos b'mod kostanti u ta' bilanċ fiskali li kienu ilu jiddeterjora minħabba rata effettiva baxxa ta' ġbir tat-taxxa korportattiva bid-defiċit tal-gvern jilħaq il-15.7 % tal-PDG fl-2009, żieda minn -6.5 % fl-2007, u l-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikompli jikber, fejn fl-2003 kien ta’ 97.4 %, laħaq il-107.4 % fl-2007, il-129.7 % fl-2009 u l-156.9 % fl-2012; huwa tal-opinjoni li s-sitwazzjoni problematika tal-Greċja rriżultat ukoll minħabba l-frodi tal-istatistika fis-snin qabel ma twaqqaf il-programm; jilqa’ l-azzjoni deċiżiva min-naħa tal-gvern Grieg li jindirizza b’mod urġenti u effettiv dawn il-problemi, inkluż bit-twaqqif tal-Awtorità tal-Istatistika Ellenica indipendenti f’Marzu 2010; jinnota li l-iżvelar gradwali tal-frodi tal-istatistika fil-Greċja kellha impatt fuq il-ħtieġa li jiġu aġġustati mill-ġdid il-multiplikaturi, it-tbassir u l-miżuri proposti; ifakkar li minħabba l-insistenza tal-Parlament Ewropew, il-Eurostat (l-Uffiċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea) issa għandu s-setgħat u l-mezzi biex jipprovdi bażi soda ta’ statistika affidabbli u oġġettiva;

6.  Jinnota li l-Greċja daħlet f’riċessjoni fir-raba’ kwart tal-2008; jinnota li l-pajjiż esperjenza sitt kwarti ta' rata ta' tkabbir negattiva tal-PDG fis-sebgħa li jwasslu għall-attivazzjoni tal-programm ta' assistenza; jinnota li hemm korrelazzjoni mill-qrib bejn l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ż-żieda fid-dejn pubbliku fuq naħa waħda kif ukoll iż-żieda fid-dejn pubbliku u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq in-naħa l-oħra, bid-dejn pubbliku jiżdied minn EUR 254.7 biljun fl-aħħar tat-tielet kwart tal-2008 għal EUR 314,1 biljun fl-aħħar tat-tieni kwart tal-2010;

7.  Jinnota li wara t-talba tal-gvern Grieg għall-assistenza finanzjarja f'April 2010, is-swieq bdew jivvalutaw mill-ġdid l-elementi fundamentali ekonomiċi u s-solvenza tal-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro, u t-tensjonijiet sussegwenti fuq il-bonds sovrani Portugiżi malajr żiedu l-ispejjeż tal-finanzjament mill-ġdid tal-Portugall għal livelli insostenibbli;

8.  Jinnota li d-data ekonomika li ntużat inizjalment mill-gvern matul in-negozjati kellha tiġi riveduta;

9.  Jinnota li, qabel il-bidu tal-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI, l-ekonomija Portugiża sofriet minn PDG u tkabbir tal-produttività baxxi għal numru ta’ snin, kif ukoll minn influssi kbar tal-kapital, u li dawn it-tendenzi, ikkombinati ma' aċċellerazzjoni tal-infiq, partikolarment l-infiq diskrezzjonarju, b'mod konsistenti f'livell akbar mit-tkabbir tal-PDG u l-impatt tal-kriżi finanzjarja globali, irriżultaw f’defiċit fiskali kbir u livelli ta’ dejn pubbliku u privat għoli flimkien mal-konsegwenzi kontaġġjużi tal-kriżi Griega, li għollew l-ispejjeż tal-finanzjament mill-ġdid tal-Portugall fis-swieq kapitali għal livelli insostenibbli u effettivament qatgħu lis-settur pubbliku mill-aċċess għal dawk is-swieq; jenfasizza li fl-2010, qabel ma ntalbet l-assistenza finanzjarja fis-7 ta’ April 2011, ir-rata ta’ tkabbir tal-Portugall naqset għal 1,9 % u d-defiċit fiskali tiegħu laħaq 9,8 % (2010), il-livell ta’ dejn 94 % (2010) u d-defiċit tal-kont kurrenti tiegħu laħaq l-10,6 % tal-PDG, bir-rata tal-qgħad tkun ta’ 12 %; jinnota f’dan il-kuntest li l-elementi fundamentali makroekonomiċi ġenerali ddeterjoraw b’mod rapidu ħafna minn livelli raġonevolment tajbin fl-2007, qabel il-kriżi meta r-rata ta’ tkabbir tal-Portugall laħqet 2,4 %, id-defiċit fiskali tiegħu laħaq 3,1 %, il-livell ta’ dejn 62,7 % u d-defiċit tal-kont kurrenti tiegħu laħaq l-10,2 % tal-PDG, bir-rata tal-qgħad tkun ta’ 8.1 % għal reċessjoni qawwija li qatt ma kien hawn bħala qabel;

10.  Jinnota li, qabel il-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI, l-ekonomija Irlandiża kienet għadha kif għaddiet minn kriżi bankarja u ekonomika ta’ dimensjonijiet li qatt ma kienet rat bħalhom qabel li prinċipalment minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju Irlandiż kien espost għall-“kriżi tas-subprimes” tal-Istati Uniti, it-teħid ta’ riskji irresponsabbli mill-banek Irlandiżi u l-użu mifrux ta’ titoli abbażi ta’ assi, li wara l-garanzija totali u s-salvataġġ sussegwenti, kellha l-effett li taqta' s-settur pubbliku mill-aċċess għas-swieq kapitali, li waqqgħet il-PDG Irlandiż b’6,4 % fl-2009 (1,1 % fl-2010) minn livell ta’ tkabbir pożittiv ta’ 5 % tal-PDG fl-2007, żiedet il-qgħad minn 4,7 % fl-2007 għal 13,9 % fl-2010 u l-Bilanċ Fiskali tal-Gvern Ġenerali esperjenza defiċit li laħaq 30,6 % fl-2010, bħala riżultat tal-appoġġ tal-gvern Irlandiż għas-settur bankarju, waqa’ minn surplus ta' 0,2 % fl-2007; jinnota li l-kriżi bankarja parzjalment irriżultat mir-regolamentazzjoni inadegwata, rati tat-taxxa baxxi ħafna u settur bankarju kbir iżżejjed; jirrikonoxxi li t-telf privat tal-banek Irlandiżi ttieħed fil-bilanċ tad-dejn sovran Irlandiż sabiex jiġi evitat il-falliment tas-sistema bankarja Irlandiża u wkoll, biex jonqsu r-riskji li dan jinfirex fiż-żona tal-euro kollha, u li l-gvern Irlandiż aġixxa fl-interessi usa’ tal-Unjoni fir-reazzjoni tiegħu għall-kriżi bankarja; jinnota barra minn hekk li, fl-għaxar snin qabel il-programm ta' assistenza, l-ekonomija Irlandiża esperjenzat perjodu twil ta' rati ta' interess reali negattivi;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li żbilanċi fiskali qabel il-kriżi fl-Irlanda ma kinux jeżistu u għal livell estremament baxx ta’ dejn pubbliku; jenfasizza wkoll il-livell estiż ta' flessibbilà tas-suq tax-xogħol qabel il-kriżi; jinnota li t-trojka fil-bidu talbet li jitnaqqsu l-pagi; jiġbed l-attenzjoni għall-mudell bankarju insostenibbli u s-sistema ta' taxxa li kienet tiddependi wisq fuq id-dħul mit-tassazzjoni ta' sitwazzjoni superfiċjali immobiljari u dik tal-prezzijiet tal-assi, li ċċaħħad lill-istat mid-dħul meta din is-sitwazzjoni ma baqgħetx sostenibbli;

12.  Jinnota li madwar 40 % tal-PDG Irlandiż kien injettat fis-settur bankarju mill-kontribwent fi żmien meta rikapitalizzazzjoni interna ma kinitx disponibbli peress li dan wassal għal dibattitu konsiderevoli fi ħdan it-trojka;

13.  Jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa tal-impenn ta’ Ġunju 2012 min-naħa tal-mexxejja tal-UE biex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani u biex tiġi eżaminata aktar is-sitwazzjoni tas-settur finanzjarju Irlandiż b’mod li sostanzjalment itaffi l-piż tad-dejn tal-banek tal-Irlanda;

14.  Jinnota li fir-rigward tal-PSI fil-Greċja, ir-riperkussjonijiet fuq is-sistema bankarja ta' Ċipru, li diġà kienet kważi se taqa' kawża ta' mudell bankarju li kien qed ifalli, ma kinux ikkunsidrati biżżejjed u ġie ssuġġerit ukoll li l-assi relatati ma' xi Stati Membri akbar kienu qed jerġgħu jiġu protetti;

15.  Jinnota li f’Mejju 2011, Ċipru tilef l-aċċess għas-swieq internazzjonali minħabba li l-finanzi pubbliċi ddeterjoraw b'mod sinifikanti filwaqt li s-settur bankarju Ċiprijott kien espost ħafna għall-ekonomija Griega u r-ristrutturar tad-dejn pubbliku fil-Greċja li wassal għal telf konsiderevoli f'Ċipru; ifakkar li fis-snin qabel il-bidu tal-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI fl-2013, kien tqajjem tħassib serju dwar l-instabbiltà sistemika fl-ekonomija Ċiprijotta minħabba inter alia, is-settur bankarju b'wisq dejn u riskji u l-fatt li hu espost għal kumpaniji tal-proprjetà lokali b'dejn kbir, il-kriżi tad-dejn Griega, it-tnaqqis fil-grad tal-bonds tal-gvern Ċiprijott minn aġenziji ta’ klassifikazzjoni internazzjonali, l-inabbiltà tar-rifużjoni tal-infiq pubbliku mis-swieq internazzjonali, u n-nuqqas ta’ rieda tal-awtoritajiet pubbliċi Ċiprijotti biex jirristrutturaw is-settur finanzjarju, u minflok jagħżlu li jiddependu fuq injezzjoni immensa tal-kapital mir-Russja; ifakkar ukoll li s-sitwazzjoni saret aktar ikkumplikata minħabba dipendenza żejda fuq it-tfaddil ta’ ċittadini Russi u r-rikors għal self mingħand l-awtoritajiet Russi; jinnota barra minn hekk, li fl-2007, il-proporzjoni tad-dejn għall-PDG Ċiprijott kien ta' 58,8 %, li żdied għal 86,6 % fl-2012 filwaqt li fl-2007 kien hemm surplus ġenerali tal-gvern ta' 3,5 % tal-PDG li madankollu nbidel f'defiċit ta' -6,4 % sal-2012;

L-assistenza finanzjarja tal-UE-FMI, il-kontenut tal-MtQ u l-politiki implimentati

16.  Jinnota li t-talba inizjali għal assistenza finanzjarja saret mill-Greċja fit-23 ta’ April 2010 u li l-qbil bejn l-awtoritajiet Griegi fuq naħa u l-UE u l-FMI fuq oħra ġie adottat fit-2 ta’ Mejju 2010 fil-MtQ rilevanti li jinkludu l-kondizzjonalità tal-politika għall-assistenza finanzjarja tal-UE-FMI; jinnota barra minn hekk li, wara ħames reviżjonijiet u s-suċċess insuffiċjenti tal-ewwel programm, kellu jiġi adottat it-tieni programm f’Marzu 2012, li ġie rivedut tliet darbiet minn dak iż-żmien; jinnota li l-FMI ma kkunsidrax b’mod effettiv l-oġġezzjonijiet ta’ terz mill-membri tal-bord tiegħu fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-benefiċċji u l-piż li jirriżultaw mill-ewwel programm Grieg;

17.  Jinnota li l-ewwel qbil ta' Mejju 2010 ma setax jinkludi dispożizzjonijiet għal ristrutturar ta' dejn Grieg, minkejja li dan ġie l-ewwel propost mill-FMI, li skont il-prattika tas-soltu tiegħu, kien jippreferi ristrutturar bikri tad-dejn; ifakkar in-nuqqas ta' rieda tal-BĊE li jikkunsidra kwalunkwe forma ta' ristrutturar tad-dejn fl-2010 u l-2011 fuq il-bażi li dan kien iwassal għall-fatt li l-kriżi tinfirex fuq Stati Membri oħra, u r-rifużjoni tiegħu li jipparteċipa fir-ristrutturar miftiehem fi Frar 2012; jinnota li l-Bank Ċentrali tal-Greċja f’Novembru 2010 kkontribwixxa għall-intensifikazzjoni tal-problemi fis-suq billi wissa lill-investituri pubblikament li l-attivitajiet ta’ likwidità tal-BĊE ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati fil-każ ta’ dejn sovran Grieg; jinnota barra minn hekk li kien hemm impenn minn Stati Membri li l-banek tagħhom se jżommu l-esponiment tagħhom għas-swieq tal-bonds Griegi, impenn li huma ma kinux kapaċi jżommu;

18.  Jinnota li t-talba inizjali għal assistenza finanzjarja saret mill-Portugall fis-7 ta’ April 2011 u li l-qbil bejn l-awtoritajiet Portugiżi fuq naħa u l-UE u l-FMI fuq oħra ġie adottat fis-17 ta’ Mejju 2011 fil-MtQ rilevanti li jinkludu l-kondizzjonalità tal-politika għall-assistenza finanzjarja tal-UE-FMI; jinnota barra minn hekk li l-programm Portugiż kien rivedut regolarment minn dak iż-żmien biex jiġu aġġustati l-miri u l-objettivi, minħabba l-għanijiet inizjali li ma setgħux jintlaħqu, u dan wassal għall-għaxar reviżjoni b'suċċess tal-programm tal-aġġustament ekonomiku tal-Portugall, bi prospetti tajba li l-programm jitlesta dalwaqt;

19.  Ifakkar il-pressjoni bilaterali li ġie rapportat li għamel il-BĊE fuq l-Awtoritajiet Irlandiżi qabel il-qbil inizjali bejn l-awtoritajiet Irlandiżi u l-UE u l-FMI li ġie adottat fis-7 ta’ Diċembru 2010 u s-16 ta' Diċembru 2010 rispettivament fil-MtQ rilevanti li jinkludu l-kondizzjonalità tal-politika għall-assistenza tal-UE-FMI; jinnota li l-programm kien ibbażat l-aktar fuq il-Pjan ta’ Rkupru Nazzjonali 2011-2014 tal-Gvern Irlandiż stess, li ġie ppubblikat fl-24 ta’ Novembru 2010; jinnota barra minn hekk li l-programm Irlandiż kien rivedut regolarment minn dak iż-żmien, u dan wassal għat-tnax u l-aħħar reviżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2013 u li dan il-programm tlesta fil-15 ta’ Diċembru 2013;

20.  Jinnota li fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti lill-MES l-għażla tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek b'mod dirett, wara deċiżjoni regolari u ladarba jkun stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku u effettiv; jinnota barra minn hekk li l-qafas operazzjonali għal strument ta' rikapitalizzazzjoni diretta, soġġett għall-kondizzjonalità, ġie definit mill-Grupp tal-euro fl-20 ta' Ġunju 2013;

21.  Jinnota li l-ħsieb dwar ir-rikapitalizzazzjoni interna evolviet matul iż-żmien; fil-każ tal-Irlanda fl-2010, ir-rikapitalizzazzjoni interna tad-detenturi ta’ bonds superjuri ma kinitx għażla disponibbli għall-awtoritajiet Irlandiżi filwaqt li f’Ċipru fl-2013, ir-rikapitalizzazzjoni interna ta’ depożituri assigurati tressqet bħala miżura ta’ politika, li żiedet id-differenza bejn l-istrumenti użati biex itaffu l-kriżijiet tad-dejn bankarju u dak sovran;

22.  Jinnota li Ċipru għamel it-talba inizjali tiegħu għall-assistenza finanzjarja fil-25 ta’ Ġunju 2012, iżda li differenzi fil-pożizzjonijiet fir-rigward tal-kondizzjonalità, kif ukoll ir-rifjut tal-abbozz ta’ programm inizjali mill-Parlament Ċiprijott fid-19 ta' Marzu 2013, li inkluda rikapitalizzazzjoni mill-ġdid ta' depożitanti assigurati minħabba li kien kontra l-ispirtu tad-dritt Ewropew u kien jipprevedi telf impost fuq id-depożiti żgħar ta’ inqas minn EUR 100 000, wassal għal dewmien fil-qbil finali dwar il-programm ta’ assistenza tal-UE-FMI sal-24 ta’ April 2013 (UE) u l-15 ta’ Mejju 2013 (FMI) rispettivament, u fit-30 ta’ April 2013 il-Kamra tad-Deputati Ċiprijotta fl-aħħar approvat il-qbil; jinnota li kien hemm proposti inizjali għal programmi ta' kompetizzjoni fil-każ ta’ Ċipru bejn membri differenti tat-Trojka u jenfasizza n-nuqqas ta’ spjegazzjoni suffiċjenti dwar kif l-inklużjoni ta’ depożitanti assigurati ġiet konkluża mill-Kummissjoni Ewropea u mill-ministri tal-finanzi tal-UE; barra minn hekk, jiddispjaċih għall-fatt li l-awtoritajiet Ċiprijotti rreferew għad-diffikultajiet biex jikkonvinċu lir-rappreżentanti tat-Trojka dwar it-tħassib tagħhom matul il-proċess tan-negozjati, u wkoll il-fatt li l-Gvern Ċiprijott ingħad li kien obbligat jaċċetta l-istrument ta' rikapitalizzazzjoni interna fuq id-depożiti tal-bank fil-dawl tal-livell eċċezzjonalment għoli tad-dejn privat fir-rigward tal-PDG; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Bank Ċentrali ta' Ċipru u l-kumitat ministerjali kienu involuti sew fin-negozjati u t-tfassil tal-programm ta' assistenza finanzjarja u fl-aħħar, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Ċipru ffirma b'mod konġunt il-MtQ mal-Ministru tal-Finanzi, u ta' min jinnota li kien hemm żmien estremament limitat għal aktar negozjati fid-dettall tal-aspetti tal-MtQ;

23.  Jinnota l-effetti sekondarji serji tal-applikazjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna, li jinkludu l-impożizzjoni ta’ kontrolli tal-kapital; jenfasizza li l-ekonomija reali Ċiprijotta għadha qed tiffaċċja sfidi ewlenin peress li l-għeluq tal-linji ta' kreditu qiegħed jagħfas fuq is-setturi produttivi tal-ekonomija;

24.  Jinnota li l-FMI huwa istituzzjoni globali impenjata biex tipprovdi assistenza finanzjarja kundizzjonali lil stati li qed jesperjenzaw problemi bil-bilanċ tal-pagamenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri kollha huma membri tal-FMI u għaldaqstant għandhom id-dritt li jitolbu l-għajnuna tiegħu, b’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, fid-dawl tal-valutazzjoni tal-interessi tal-UE u tal-Istat Membru inkwistjoni; jinnota li fid-dawl tal-kobor ta’ din il-kriżi, id-dipendenza fuq il-mezzi finanzjarji tal-FMI biss ma kinitx tkun biżżejjed biex tindirizza l-problemi tal-pajjiżi li jeħtieġu l-assistenza finanzjarja;

25.  Jinnota li l-FMI rrimarka b'mod ċar ir-riskji tal-programm Grieg, partikolarment fir-rigward tas-sostenibbiltà tad-dejn; josserva li apparti li aċċetta li l-programm jinqasam u jkun negozjat mit-trojka, il-FMI ddeċieda li jimmodifika l-kriterji tiegħu tal-Politika tal-Aċċess Eċċezzjonali dwar is-sostenibbiltà tad-dejn sabiex ikun possibbli li jsellef lill-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib espress fir-rigward tas-sorveljanza mill-BĊE tal-assistenza ta' emerġenza fil-likwidità; jikkunsidra li l-kunċett ta' solvenza applikat mill-BĊE jonqos mit-trasparenza u l-prevedibbiltà;

27.  Jinnota n-nuqqas ta' preparazzjoni tal-UE u l-istituzzjonijiet internazzjonali għal kriżi tad-dejn sovran fuq skala kbira, kif ukoll l-oriġini u l-konsegwenzi differenti ta' dan fiż-żona tal-euro, li wassal, fost fatturi oħra, għall-kriżi finanzjarja l-aktar serja mill-1929; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' bażi legali vijabbli biex titratta kriżi ta' din in-natura; jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex ikun hemm rispons malajr u b'mod riżolut, iżda jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill irrifjuta b'mod konsistenti li jiżviluppa approċċ fuq żmien twil, komprensiv u sistemiku; jiddeplora l-fatt li l-Fondi Strutturali tal-UE u l-politiki tal-UE li jimmiraw lejn il-konverġenza ekonomika fuq żmien twil fl-Unjoni ma twettqux b’mod effettiv;

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rati ta' kofinanzjament għall-Fondi Strutturali tal-UE ġew miżjuda biex laħqu 95 % għal uħud mill-Istati Membri li l-aktar intlaqtu mill-kriżi u li rċevew assistenza finanzjarja taħt programm ta' aġġustament; jenfasizza li hemm bżonn li l-amministrazzjonijiet lokali u nazzjonali jissaħħu biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-programmi tal-UE, b'hekk jitħaffef l-assorbiment tal-finanzjamenti tal-Fondi Strutturali;

29.  Jirrikonoxxi, minkejja dak imsemmi hawn fuq, li l-isfida immensa li ffaċċjat it-Trojka fil-perjodu qabel il-kriżi kien uniku bħala riżultat ta', inter alia, l-istat fqir tal-finanzi pubbliċi, il-ħtieġa għal riformi strutturali f'ċerti Stati Membri, regolamentazzjoni insuffiċjenti tas-servizzi finanzjarji fil-livell Ewropew u nazzjonali, u żbilanċi makroekonomiċi kbar li nbnew fuq bosta snin, kif ukoll il-fallimenti tal-politiki u dawk istituzzjonali u l-fatt li l-istrumenti makroekonomiċi l-aktar tradizzjonali bħall-politika baġitarja jew l-iżvalutar estern ma kinux disponibbli minħabba r-restrizzjonijiet tal-unjoni monetarja u n-natura mhux kompluta taż-żona tal-euro; jinnota, barra minn hekk, il-pressjoni taż-żmien konsiderevoli li hija parzjalment kawża tal-fatt li t-talbiet għal assistenza finanzjarja ġeneralment saru fi żmien fejn il-pajjiżi kienu diġà qrib inadempjenza u kienu diġà tilfu aċċess għas-swieq, filwaqt li l-ostakli legali kellhom jiġu ċċarati, il-biża' ta' kollass taż-żona tal-euro kienet palpabbli, kien hemm bżonn ċar li jintlaħqu l-ftehimiet politiċi u jittieħdu deċiżjonijiet dwar ir-riformi, l-ekonomija dinjija kienet għaddejja minn reċessjoni , u n-numru ta' pajjiżi li kellhom jikkontribwixxu appoġġ finanzjarju raw id-dejn pubbliku u privat tagħhom stess jiżdied b'mod allarmanti;

30.  Jikkundanna n-nuqqas ta’ trasparenza fin-negozjati tal-MtQ; jinnota l-ħtieġa li jkun evalwat jekk dokumenti formali kinux ikkomunikati b’mod ċar u kkunsidrati f’ħin xieraq fil-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew u jekk kinux diskussi b'mod xieraq mas-sħab soċjali; jinnota barra minn hekk, l-impatt negattiv possibbli ta’ dawn il-prattiki li jinvolvu ż-żamma tal-informazzjoni fil-magħluq fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, l-istabbiltà tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiżi kkonċernati u l-fiduċja taċ-ċittadini fid-demokrazija u l-proġett Ewropew;

31.  Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-MtQ imorru kontra l-politika ta’ modernizzazzjoni mfassla fil-forma tal-istrateġija ta’ Lisbona u l-istrateġija tal-Ewropa 2020; jinnota wkoll il-fatt li l-Istati Membri b’MtQ huma eżentati mill-proċessi kollha ta’ rappurtar tas-Semestru Ewropew, inkluż ir-rappurtar fil-qafas tal-miri kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali u ma rċevewx Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, minbarra l-implimentazzjoni tal-MtQ tagħhom; ifakkar li l-MtQ jeħtieġu jkunu adattati sabiex jikkunsidraw il-prattika u l-istituzzjonijiet għall-formazzjoni tal-pagi u l-programm għar-riformi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 472/2013 (Artikolu 7(1)); iħeġġeġ li dan isir fejn għadu mhux il-każ; jirrimarka madankollu li dan jista’ jkun parzjalment spjegat, anke jekk mhux kompletament iġġustifikat, mill-fatt li l-programmi kellhom ikunu implimentati taħt pressjoni ta’ żmien kunsiderevoli u f’ambjent politiku, ekonomiku u finanzjarju diffiċli;

32.  Jiddispjaċih li l-programmi għall-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall jinkludu għadd ta' preskrizzjonijiet ddettaljati għal riforma tas-sistemi tas-saħħa u t-tnaqqis fl-infiq; jiddispjaċih għall-fatt li l-programmi mhumiex marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew bid-dispożizzjonijiet tat-Trattati, inkluż l-Artikolu 168(7) tat-TFUE;

33.  Jirrimarka li l-Ministri tal-Finanzi tal-UE approvaw il-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku;

Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali

34.  Jiddispjaċih li l-miżuri implimentati wasslu għal żieda fl-inugwaljanza tad-distribuzzjoni tal-introjtu; jinnota li kien hemm żieda fuq il-medja ta' dawn l-inugwaljanzi fl-erba' pajjiżi; jinnota li t-tnaqqis fil-benefiċċji u s-servizzi soċjali u ż-żieda fil-qgħad riżultat tal-miżuri inklużi fil-programmi bl-intenzjoni li jindirizzaw is-sitwazzjoni makroekonomika, kif ukoll it-tnaqqis fil-pagi, qed iżidu l-livelli tal-faqar;

35.  Jiġbed l-attenzjoni għal-livell inaċċettabbli tal-qgħad, il-qgħad fuq żmien twil u l-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mod partikolari fl-erba’ Stati Membri fil-programmi ta’ assistenza; jenfasizza li r-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija ta' periklu għall-opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku futur, kif juri l-fluss ta' migranti żgħażagħ min-Nofsinhar tal-Ewropa kif ukoll mill-Irlanda, li għandu r-riskju li jikkawża eżodu ta' mħuħ; ifakkar li l-edukazzjoni, it-taħriġ u bażi xjentifika u teknoloġika b’saħħitha ġew identifikati b’mod sistematiku bħala passaġġ ta’ importanza kritika sabiex dawn l-ekonomiji jagħmlu l-aġġornament strutturali; għaldaqstant jilqa’ l-inizjattivi riċenti fil-livell tal-UE dwar l-edukazzjoni u l-impjieg taż-żgħażagħ, il-programm Erasmus+, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, is-EUR 6 biljun għall-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE, iżda jitlob għal attenzjoni politika u ekonomika aktar b'saħħitha meta jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li l-kompetenzi marbuta mal-impjieg jibqgħu primarjament f'idejn l-Istati Membri; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jimmodernizzaw is-sistemi edukattivi nazzjonali tagħhom u jinvolvu ruħhom fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

36.  Jilqa' t-tmiem tal-programm fl-Irlanda minħabba li l-missjonijiet tat-Trojka ġew konklużi u l-pajjiż kien kapaċi jaċċessa b'suċċess is-swieq tal-bonds fis-7 ta' Jannar 2014, flimkien mat-tmiem mistenni tal-programm għall-Portugall; jirrikonoxxi l-aġġustament fiskali bla preċedenti fil-Greċja, madankollu jiddispjaċih għar-riżultati irregolari fil-Greċja minkejja li twettqu riformi bla preċedent; jirrikonoxxi l-isforzi impenjattivi ħafna mitluba mingħand individwi, familji, impriżi u istituzzjonijiet oħra tas-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi taħt il-programmi ta’ aġġustament; jinnota l-ewwel sinjali ta' titjib ekonomiku parzjali f'ċerti pajjiżi tal-programm; jirrimarka madankollu, li r-rati għolja tal-qgħad persistenti huma ta' piż għall-irkupru ekonomiku, u li l-isforzi kontinwi u ambizzjużi għadhom meħtieġa kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE;

It-Trojka: id-dimensjoni ekonomika, il-bażi teoretika u l-impatt tad-deċiżjonijiet

37.  Jenfasizza li l-mudelli ekonomiċi adegwati u speċifiċi għall-pajjiż kif ukoll għaż-żona tal-euro kollha, mibnija fuq suppożizzjonijiet prudenti, data indipendenti, l-involviment tal-partijiet interessati u t-trasparenza, huma meħtieġa sabiex jipproduċu programmi ta’ aġġustament kredibbli u effiċjenti, filwaqt li jirrikonoxxi li t-tbassir ekonomiku normalment jinkludi grad ta' inċertezza u nuqqas ta' prevedibbiltà; jiddeplora l-fatt li statistiċi u informazzjoni adegwati mhux dejjem kienu disponibbli;

38.  Jilqa' l-fatt li l-assistenza finanzjarja fi żmien qasir kisbet l-objettiv li tiġi evitata l-inadempjenza mhux ikkontrollata fuq id-dejn sovran b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali estremament gravi li kienu jkunu agħar mill-konsegwenzi attwali, kif ukoll l-effetti konsegwenzjali għal pajjiżi oħra ta’ skala inkalkolabbli, u possibbilment il-ħruġ furzat ta’ pajjiżi miż-żona tal-euro; jinnota madankollu li m’hemmx garanzija li dan jiġi evitat fuq żmien twil; jinnota wkoll li l-assistenza finanzjarja u l-programm ta' aġġustament fil-Greċja ma evitawx la l-inadempjenza kontrollata u lanqas effett ta' kontaġju tal-kriżi fuq Stati Membri oħra, u li l-kunfidenza tas-suq ġiet restawrata u nfirxet fuq id-dejn sovran li beda jonqos biss meta l-BĊE forna azzjonijiet li kienu diġà ttieħdu mill-programm tat-Tranżazzjonijiet Monetarji Definittivi (OMT) f'Awwissu 2012; jiddeplora t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u soċjali li sar evidenti meta l-korrezzjonijiet fiskali u makroekonomiċi daħlu fis-seħħ; jinnota li l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kienu jkunu agħar mingħajr l-assistenza finanzjarja u teknika tal-UE-FMI;

39.  Jinnota li t-Trojka mill-bidu ppubblikat dokumenti komprensivi dwar l-analiżi, l-istrateġija biex jingħelbu l-problemi, sett ta’ miżuri tal-politika mfassla flimkien mal-gvern nazzjonali kkonċernat, u t-tbassir ekonomiku, u dan kollu huwa aġġornat fuq bażi regolari; jinnota li dawn id-dokumenti ma ppermettewx lill-pubbliku jifforma idea ġenerali tan-negozjati u għaldaqstant, dan ma inkludiex meżżi suffiċjenti ta' responsabbiltà;

40.  Jiddeplora s-suppożizzjonijiet xi kultant ottimisti żżejjed mit-Trojka, speċjalment fejn jidħlu t-tkabbir u l-qgħad, li ġejjin inter alia mir-rikonoxximent insuffiċjenti tal-effetti konsegwenzjali transkonfinali (kif rikonoxxut mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha intitolat “Fiscal consolidations and spillovers in the Euro area periphery and core”), ir-reżistenza politika għall-bidla f'ċerti Stati Membri, u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-aġġustament; jiddeplora l-fatt li dan affettwa wkoll l-analiżi tat-Trojka tal-interazzjoni bejn il-konsolidazzjoni u t-tkabbir fiskali; jinnota li riżultat ta' dan, ma setgħux jintlaħqu l-miri fiskali fiż-żmien previst;

41.  Jifhem mis-seduti li teżisti relazzjoni stretta bejn it-tul tal-programm ta’ aġġustament u l-assistenza disponibbli permezz tal-fondi ddedikati bħall-MES, li jfisser li perjodu ta’ aġġustament itwal inevitabbilment ikun ifisser li ammonti sostanzjalment ikbar kienu jsiru disponibbli u li dawn kienu jiġu ggarantiti mill-pajjiżi l-oħra taż-żona tal-euro u l-FMI, sitwazzjoni li ma kinitx ikkunsidrata bħala politikament fattibbli fid-dawl tal-ammonti involuti li diġà huma għoljin ħafna; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tul tal-programmi ta’ aġġustament u l-perjodi ta’ rimborż huma definitivament itwal minn dawk tal-programmi normali ta’ assistenza finanzjarja tal-FMI;

42.  Jilqa’ t-tnaqqis tad-defiċits strutturali fil-pajjiżi kollha tal-programm mill-bidu tal-programmi ta’ assistenza rispettivi tagħhom; jiddispjaċih li dan għadu ma wassalx għal tnaqqis fil-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku għall-PDG; jinnota li l-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG, minflok, żdied ħafna fil-pajjiżi kollha tal-programm, hekk kif id-dħul tas-self kundizzjonali naturalment iwassal għal żieda fid-dejn pubbliku u li l-politika implimentata jkollha impatt ta' reċessjoni fuq żmien qasir; jemmen barra minn hekk, li l-istima preċiża tal-multiplikaturi fiskali hija ta’ importanza kruċjali sabiex l-aġġustament fiskali jkun ta’ suċċess fit-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG; jinnota li hija meħtieġa progressjoni lejn livelli aktar sostenibbli ta’ dejn privat aktar sostenibbli għal stabbiltà fuq żmien twil. jirrikonoxxi li, b’mod tipiku, jinħtieġu bosta snin qabel ma r-riformi strutturali jkunu jistgħu jagħmlu kontribut sinifikanti għaż-żieda fil-produzzjoni u l-impjieg;

43.  Jikkunsidra li l-multiplikaturi fiskali huma diffiċli biex ikunu vvalutati b’ċertezza; ifakkar li l-FMI ammetta f'dan ir-rigward li ssottovvaluta l-multiplikatur fiskali fit-tbassir ta’ tkabbir tiegħu qabel Ottubru 2012; jinnota li dan il-perjodu jinkludi l-konklużjonijiet tal-Memoranda ta’ Qbil inizjali għajr wieħed minn dawk taħt inkjesta f’dan ir-rapport; ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea, f’Novembru 2012, qalet li l-iżbalji tat-tbassir ma sarux minħabba s-sottovalutazzjoni tal-multiplikaturi fiskali; jirrimarka, madankollu, li l-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, saħqet li “l-multiplikaturi fiskali għandhom it-tendenza li jkunu ikbar fil-kriżi attwali milli fi żminijiet normali”; jifhem li l-multiplikaturi fiskali huma parzjalment endoġeni u jevolvu f'kundizzjonijiet makroekonomiċi li jinbidlu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din l-espressjoni tan-nuqqas ta’ qbil pubbliku bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-FMI dwar id-daqs tal-multiplikatur fiskali ma ġietx segwita minn pożizzjoni konġunta min-naħa tat-Trojka;

44.  Jirrimarka li filwaqt li l-objettiv iddikjarat tal-FMI fl-operazzjonijiet ta’ assistenza tiegħu fi ħdan il-qafas tat-Trojka huwa l-iżvalutar intern, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-pagi u tal-pensjonijiet, il-Kummissjoni qatt ma approvat dan l-objettiv b’mod espliċitu; jinnota li l-objettiv enfasizzat mill-Kummissjoni fl-erba’ pajjiżi tal-programm taħt inkjesta pjuttost kien il-konsolidazzjoni fiskali; jirrikonoxxi dawn id-differenzi tal-prijoritajiet bejn il-FMI u l-Kummissjoni u jieħu nota ta' din l-inkonsistenza preliminari tal-miri bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; jinnota li kien deċiż b'mod komuni li jserħu fuq taħlita taż-żewġ strumenti kif ukoll fuq ir-riformi strutturali, ma' miżuri oħra li jikkomplimentaw dan l-approċċ; jinnota li l-kombinazzjoni tal-konsolidazzjoni fiskali u l-politika restrittiva tal-pagi naqqset kemm id-domanda pubblika kif ukoll dik privata; jinnota li l-objettiv tar-riforma kemm tal-bażi industrijali kif ukoll tal-istrutturi istituzzjonali fil-pajjiżi tal-programm biex isiru aktar sostenibbli u effettivi, irċieva inqas attenzjoni mill-objettivi msemmija hawn fuq.

45.  Jikkunsidra li ngħatat ftit attenzjoni biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku negattiv tal-istrateġiji tal-aġġustament fil-pajjiżi tal-programm; ifakkar l-oriġini tal-kriżi; jiddeplora l-fatt li spiss wisq l-approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd għall-ġestjoni tal-kriżi ma kkunsidrax bis-sħiħ il-bilanċ fl-impatt soċjali u ekonomiku tal-miżuri ta’ politika preskritti;

46.  Jenfasizza li s-sjieda fuq livell nazzjonali hija kruċjali, u li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma għandu konsegwenzi fir-rigward tar-riżultati mistennija, li tikkawża diffikultà addizzjonali fuq perjodu itwal għall-pajjiż ikkonċernat; jieħu nota tal-esperjenza tal-FMI li s-sjieda tal-pajjiżi tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-fattur uniku l-aktar importanti fis-suċċess ta’ kwalunkwe programm ta’ assistenza finanzjarja; jenfasizza, madankollu, li s-sjieda fuq livell nazzjonali ma tistax tinkiseb mingħajr leġittimità demokratika u kontabilità xierqa fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE; jenfasizza f’dan ir-rigward il-fatt li l-deliberazzjoni mill-parlamenti nazzjonali tal-baġits u l-liġijiet għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament ekonomiku hija kruċjali biex jiġu pprovduti kontabilità u trasparenza fil-livell nazzjonali;

47.  jenfasizza li t-titjib fl-ugwaljanza bejn is-sessi hija element importanti għall-bini ta’ ekonomiji aktar b’saħħithom u li dan il-fattur qatt ma għandu jiġi injorat fl-analiżi jew fir-rakkomandazzjonijiet ekonomiċi;

It-Trojka: id-dimensjoni istituzzjonali u l-legittimità demokratika

48.  Jinnota li minħabba n-natura li qiegħda tevolvi tat-tweġiba tal-UE għall-kriżi, ir-rwol mhux ċar tal-BĊE fit-Trojka u n-natura tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tat-Trojka, il-mandat tat-Trojka kien qed ikun ikkunsidrat bħala mhux ċar u li huwa nieqes mit-trasparenza u mis-superviżjoni demokratika;

49.  Jirrimarka, madankollu, li l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 fil-21 ta' Mejju 2013, tinkludi - anke jekk insuffiċjenti - l-ewwel pass fil-kodifikazzjoni tal-proċeduri ta' sorveljanza biex tkun implimentata fiż-żona tal-euro għal pajjiżi li qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji, u li din tikkonferixxi mandat lit-Trojka; jilqa', inter alia: id-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvernijiet; il-proċeduri aktar trasparenti dwar l-adozzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku, inkluż il-ħtieġa li jiġu integrati effetti konsegwenzjali negattivi kif ukoll xokkijiet makroekonomiċi u finanzjarji u d-drittijiet ta’ skrutinju mogħtija lill-Parlament Ewropew; id-dispożizzjonijiet dwar l-involviment tas-sħab soċjali; ir-rekwiżiti li jikkunsidraw b’mod espliċitu l-prattiki u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi; il-ħtieġa li jiġu żgurati mezzi suffiċjenti għall-politiki fundamentali, bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa; u l-eżenzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri taħt assistenza mir-rekwiżiti rilevanti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

50.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-Grupp tal-euro li l-Grupp tal-euro jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja f’ismu d-dettalji tal-kundizzjonijiet marbuta mal-assistenza, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet tal-Istati Membri dwar elementi ewlenin tal-kondizzjonalità u, fid-dawl tar-restrizzjonijiet finanzjarji tagħhom, dwar id-daqs tal-assistenza finanzjarja; jinnota li l-proċedura msemmija hawn fuq fejn il-Grupp tal-euro jagħti mandat lill-Kummissjoni, mhijiex speċifikata fil-liġi tal-UE, peress li l-Grupp tal-euro mhuwiex istituzzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li minkejja li l-Kummissjoni taġixxi f’isem l-Istati Membri, ir-responsabbiltà politika aħħarija għat-tfassil u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku hija tal-ministri tal-finanzi tal-UE u l-gvernijiet tagħhom; jiddeplora n-nuqqas ta’ leġittimità demokratika u ta’ kontabilità fil-livell tal-UE tal-Grupp tal-euro meta jassumi setgħat eżekuttivi fil-livell tal-UE;

51.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mekkaniżmi ta' salvataġġ u t-Trojka kienu ta' natura ad hoc, u jiddispjaċih li ma kienx hemm bażi legali xierqa disponibbli għat-twaqqif tat-Trojka abbażi tal-liġi primarja tal-Unjoni, li wasslet għall-istabbilment ta' mekkaniżmi intergovernattivi fil-forma tal-EFSF, u eventwalment il-MES; jitlob li kwalunkwe soluzzjoni futura għandha tkun ibbażata fuq il-liġi primarja tal-Unjoni; jirrikonoxxi li dan jista’ jwassal għall-ħtieġa ta’ bidla fit-Trattati;

52.  Jinsab allarmat bl-ammissjoni mill-President preċedenti tal-Grupp tal-euro quddiem il-Parlament Ewropew li l-Grupp tal-euro approva r-rakkomandazzjonijiet tat-Trojka mingħajr ma kkunsidra l-implikazzjonijiet speċifiċi tal-politika tagħhom; jenfasizza li, jekk din l-ammissjoni hija preċiża, dan ma jeżentax lill-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro mir-responsabbiltà politika tagħhom għall-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u l-MtQ; jirrimarka li din l-ammissjoni toħloq preokkupazzjonijiet dwar l-ambitu sfukat tar-rwoli tal-“konsulenza teknika” u tal-“aġenzija tal-Grupp tal-euro” mogħtija kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-BĊE fil-qafas tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi ta’ assistenza; jiddeplora, f’din il-perspettiva, in-nuqqas ta’ mandati ċari u responsabbli abbażi ta’ każ b’każ mill-Kunsill u l-Grupp tal-euro lill-Kummissjoni;

53.  Iqajjem dubji dwar ir-rwol doppju tal-Kummissjoni fit-Trojka kemm bħala aġent tal-Istati Membri kif ukoll bħala istituzzjoni tal-UE; isostni li hemm kunflitt ta' interess potenzjali fi ħdan il-Kummissjoni bejn ir-rwol tagħha fit-Trojka u r-responsabbiltà tagħha bħala gwardjan tat-Trattati u l-acquis communautaire, speċjalment fl-oqsma tal-politika bħall-kompetizzjoni u l-politika ta' għajnuna mill-Istat u l-koeżjoni soċjali, u fir-rigward tal-politika tal-pagi u dik soċjali tal-Istati Membri, qasam li fih il-Kummisjoni m'għandiex kompetenza, kif ukoll ir-rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li din is-sitwazzjoni toħloq kuntrast mar-rwol normali tal-Kummissjoni, li taġixxi bħala fattur indipendenti li jħares l-interess tal-UE u jiżgura l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE fi ħdan il-limiti stabbiliti mit-Trattati;

54.  Jirrimarka bl-istess mod, il-kunflitt potenzjali ta’ interess bejn ir-rwol attwali tal-BĊE fit-Trojka bħala “konsulent tekniku” u l-pożizzjoni tiegħu bħala kreditur tal-erba’ Stati Membri kif ukoll il-mandat tiegħu skont it-Trattat hekk kif dan ikkundizzjona l-azzjonijiet tiegħu għad-deċiżjonijiet li huwa stess parti minnhom; madankollu, jilqa' l-kontribuzzjoni tiegħu fl-indirizzar tal-kriżi iżda jitlob li kunflitti ta’ interess potenzjali tal-BĊE, b’mod speċjali fir-rigward tal-politika kruċjali dwar il-likwidità, jiġu skrutinizzati b’attenzjoni; jinnota li matul il-kriżi, il-BĊE kellu informazzjoni kruċjali dwar is-saħħa tas-settur bankarju u l-istabbiltà finanzjarja inġenerali, u li b'dan il-ħsieb, sussegwentement eżerċita effett ta’ lieva politika fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, tal-inqas fil-każijiet tar-ristrutturar tad-dejn Grieg, fejn il-BĊE insista li s-CACs kellhom jitneħħew mill-bonds tal-gvern li kellu, tal-operazzjonijiet ta’ ELA Ċiprijotta u tan-nuqqas ta’ inklużjoni Irlandiża tad-detenturi ta’ bonds superjuri fir-rikapitalizzazzjoni interna; jistieden lill-BĊE jippubblika l-ittra tad-19 ta' Novembru 2010 li Jean-Claude Trichet kien bagħat lill-Ministru tal-Finanzi Irlandiż ta' dakinhar, kif mitlub mill-Ombudsman Ewropew;

55.  Jinnota li r-rwol tal-BĊE mhuwiex definit biżżejjed, kif imsemmi fit-Trattat dwar il-MES u fir-Regolament (UE) Nru 472/2013 li l-Kummissjoni għandha taħdem “b’koordinazzjoni mal-BĊE”, b’hekk jitnaqqas ir-rwol konsultattiv tal-BĊE; jinnota li l-Grupp tal-euro talab għall-involviment tal-BĊE bħala fornitur tal-ispeċjalizzazzjoni biex jikkomplimenta l-opinjonijiet tas-sħab l-oħra tat-Trojka, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Pringle li l-kompiti allokati lill-BĊE mit-Trattat dwar il-MES huma konformi mal-kompiti varji li t-TFUE u l-Istatut tas-SEBĊ [u tal-BĊE] jagħtu lill-BĊE ladarba għadd ta' kundizzjonijiet jkunu ssodisfati b'mod permanenti; jirrimarka r-responsabbiltà tal-grupp tal-Euro li jippermetti lill-BĊE jaġixxi fi ħdan it-Trojka, iżda jfakkar li l-mandat tal-BĊE huwa limitat mit-TFUE għall-oqsma tal-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja u li l-involviment tal-BĊE fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet relatat ma' politiki baġitarji, fiskali u strutturali mhuwiex previst fit-Trattati; ifakkar li l-Artikolu 127 tat-TFUE jistipula li, mingħajr preġudizzju għall-objettiv ta' stabbiltà fil-prezzijiet, is-SEBĊ għandha tappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 3 tat-TUE.

56.  Jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà demokratika ġeneralment dgħajfa tat-Trojka fil-pajjiżi tal-programm fuq livell nazzjonali; jinnota madankollu li din ir-responsabbiltà demokratika tvarja bejn il-pajjiżi, u tiddependi fuq ir-rieda tal-eżekuttivi nazzjonali u l-kapaċità effettiva ta' skrutinju tal-parlamenti nazzjonali, kif intwera fil-każ taċ-ċaħda tal-MtQ oriġinali mill-parlament Ċiprijott; jinnota madankollu li meta ġew ikkonsultati, il-parlamenti nazzjonali iffaċċjaw l-għażla bejn li eventwalment ikunu inadempjenti fuq id-dejn tagħhom jew jaċċettaw Memoranda ta' Qbil negozjati bejn it-Trojka u l-awtoritajiet nazzjonali; jirrimarka li l-MtQ ma kienx ratifikat mill-parlament nazzjonali fil-Portugall; jinnota bi tħassib li l-fatt li t-Trojka hija magħmula minn tliet istituzzjonijiet indipendenti b’distribuzzjoni mhux uniformi tar-responsabbiltà bejniethom, flimkien ma’ mandati differenti u strutturi ta’ negozjar u tat-teħid ta' deċiżjonijiet b’livelli differenti ta’ responsabbiltà, irriżultaw f’nuqqas ta’ skrutinju xieraq u responsabbiltà demokratika tat-Trojka b’mod ġenerali;

57.  Jiddispjaċih għall-fatt li minħabba l-istatuti tiegħu, il-FMI ma jistax jidher formalment quddiem jew jirrapporta bil-miktub lill-parlamenti nazzjonali jew Ewropej; jinnota li l-istruttura ta' governanza tal-FMI tipprevedi l-obbligu tal-kontabbiltà għall-188 pajjiż membru permezz tal-Bord tal-FMI; jenfasizza li l-involviment tal-FMI bħala mutwant tal-aħħar istanza li jipprovdi terz tal-finanzjament, ipoġġi lill-istituzzjoni fi rwol ta' minorità;

58.  Jinnota li, wara l-ħidma preparatorja tat-Trojka, id-deċiżjonijiet formali jsiru b'mod separat u skont l-istatuti legali u r-rwoli rispettivi tagħhom, mill-Grupp tal-euro u l-FMI, li b'hekk jakkwistaw rispettivament ir-responsabbiltà politika tal-azzjonijiet tat-Trojka; jinnota barra minn hekk li ngħata rwol kruċjali lill-MES bħala l-organizzazzjoni responsabbli għad-deċiżjonijiet dwar l-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, u b'hekk ipoġġi lill-eżekuttivi nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, inklużi l-gvernijiet ta' dawk direttament ikkonċernati, fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet meħuda;

59.  Jinnota li l-leġittimità demokratika tat-trojka fil-livell nazzjonali ġejja mir-responsabbiltà politika tal-Grupp tal-euro u l-membri tal-ECOFIN quddiem il-parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom; jiddispjaċih għall-fatt li t-Trojka hija nieqsa mil-leġittimità demokratika fil-livell tal-UE minħabba l-istruttura tagħha;

60.  Jiddeplora l-mod li bih l-istituzzjonijiet tal-UE qed jitpenġew bħala ħatja għall-effetti negattivi fl-aġġustament makroekonomiku tal-Istati Membri meta fil-fatt huma l-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri li jerfgħu r-responsabbiltà politika tat-Trojka u l-operazzjonijiet tagħha; jenfasizza li dan jista’ jwassal għal żieda fl-Ewroxettiċiżmu minkejja li r-responsabbiltà hija fil-livell nazzjonali mhux dak Ewropew;

61.  Jistieden lill-Grupp tal-euro, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jassumu r-responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet tat-Trojka;

62.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-MES huwa korp intergovernattiv li mhuwiex parti mill-istruttura legali tal-Unjoni Ewropea u huwa marbut bir-regola tal-unanimità fil-proċedura regolari; jemmen għal din ir-raġuni, li jinħtieġ spirtu ta’ impenn u solidarjetà reċiproku; jinnota li t-Trattat dwar il-MES introduċa l-prinċipju tal-kondizzjonalità ta’ self taħt forma ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku; jirrimarka li t-Trattat dwar il-MES ma jkomplix jiddefinixxi l-kontenut tal-programmi ta’ kondizzjonalità jew ta' aġġustament, u għaldaqstant, dan jippermetti flessibbiltà kbira fir-rakkomandazzjoni ta' din il-kondizzjonalità;

63.  Jistenna li l-qrati tal-awdituri nazzjonali jassumu bis-sħiħ ir-responsabiltajiet ġuridiċi tagħhom fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-effikaċja tas-sistemi superviżorji u ta' kontroll; jistieden lill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

Proposti u rakkomandazzjonijiet

64.  Jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni, il-BĊE, il-President tal-Grupp tal-euro u l-FMI kif ukoll il-gvernijiet nazzjonali u l-banek ċentrali ta’ Ċipru, l-Irlanda, il-Greċja u l-Portugall kif ukoll tas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jikkooperaw u jipparteċipaw fl-evalwazzjoni mill-Parlament tar-rwol u l-operazzjonijiet tat-Trojka, inkluż billi jwieġbu l-kwestjonarju dettaljat u/jew jipparteċipaw f’seduti formali u informali;

65.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew ma kkunsidrax biżżejjed il-proposti li jinsabu fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali; jenfasizza li l-implimentazzjoni tagħhom kienet tiffavorixxi l-konverġenza ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja biex tiġi żgurata leġittimità demokratika sħiħa għall-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u baġitarji;

Il-perjodu ta' żmien qasir għal dak medju

66.  Jitlob, bħala l-ewwel pass, għall-istabbiliment ta’ regoli ta’ proċedura ċari, trasparenti u vinkolanti għall-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fit-Trojka u l-allokazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltà fihom; jemmen bis-sħiħ li tinħtieġ definizzjoni u diviżjoni ċara tal-kompiti sabiex titjieb it-trasparenza, ikun permess kontroll demokratiku aktar b’saħħtu u tkun żgurata l-kredibbiltà tal-ħidma tat-Trojka;

67.  Jitlob għall-iżvilupp ta’ strateġija imtejba ta’ komunikazzjoni għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja kontinwi u futuri; iħeġġeġ sabiex dan it-tħassib jingħata l-akbar prijorità minħabba li nuqqas ta’ azzjoni f’dan il-qasam finalment iħassar l-immaġni tal-Unjoni;

68.  Jitlob għal evalwazzjoni trasparenti għall-għoti ta’ kuntratti lil konsulenti esterni, in-nuqqas ta’ offerti pubbliċi, it-tariffi għoljin ħafna u l-kunflitti ta’ interess potenzjali;

L-impatt ekonomiku u soċjali

69.  Ifakkar li l-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 involviet l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet li jeħtieġu li l-programmi tal-aġġustament makroekonomiku jinkludu pjanijiet ta’ kontinġenza f’każ li xenarji previsti ta’ linja bażi ma jimmaterjalizzawx u f’każ ta’ dewmin minħabba ċirkostanzi barra l-kontroll tal-Istat Membru taħt assistenza, bħal xokkijiet ekonomiċi internazzjonali mhux mistennija; jenfasizza li għal tfassil ta’ politika prudenti dawn il-pjanijiet huma prerekwiżit minħabba l-fraġilità u l-affidabbiltà fqira ta’ mudelli ekonomiċi li jirfdu l-previżjonijiet tal-programm kif jidher fl-Istati Membri kollha taħt il-programmi ta’ assistenza;

70.  Iħeġġeġ lill-UE sabiex tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni finanzjarja, fiskali u ekonomika fl-Istati Membri u biex toħloq sistema istituzzjonalizzata ta’ inċentivi pożittivi li tippremja kif suppost lil dawk li jilħqu l-aħjar prattiki f’dan ir-rigward u dawk li huma għalkollox konformi mal-programmi tal-aġġustament tagħhom;

71.  Jeżiġi li t-Trojka teżamina d-dibattitu attwali dwar il-multiplikaturi fiskali u tikkunsidra r-reviżjoni tal-MtQ abbażi tal-aħħar riżultati empiriċi;

72.  Jitlob lit-Trojka tipproċedi għal valutazzjonijiet għas-sostenibbiltà ta’ dejn ġdid u b’urġenza tindirizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż tad-dejn pubbliku Grieg kif ukoll il-ħruġ qawwi ta’ kapital mill-Greċja li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għaċ-ċirku vizzjuż li jikkaratterizza d-depressjoni ekonomika attwali fil-pajjiż; ifakkar li għal dan ir-ristrutturar tad-dejn jeżistu numru ta’ possibbiltajiet, minbarra t-telf impost fuq il-kapital tal-bonds, inkluż l-iskambju tal-bonds, l-estensjoni tal-maturità tal-bonds u t-tnaqqis tal-kupuni; jemmen li l-possibbiltajiet differenti għar-ristrutturar tad-dejn għandhom jintiżnu b'attenzjoni;

73.  Jinsisti li l-MtQ għandhom isiru biex jirrispettaw, fejn dan mhux il-każ, l-objettivi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-promozzjoni tal-impjieg u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jinżamm it-titjib, kif ukoll il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ impjieg dejjiemi u l-ġlieda kontra l-esklużjoni, kif iddikjarat fl-Artikolu 151 tat-TFUE; jappoġġja t-tiġdid kawt tal-perjodi taż-żmien tal-aġġustament fiskali li diġà ġew issodisfati fil-memoranda hekk kif naqset il-biżà ta' kollass ġenerali; jappoġġja l-kunsiderazzjoni ta' aktar aġġustamenti fid-dawl ta' aktar żviluppi makroekonomiċi;

74.  Jiddispjaċih li l-piż ma ġiex maqsum bejn dawk kollha li aġixxew b’mod irresponsabbli u li l-protezzjoni tad-detenturi ta’ bonds ġiet meqjusa bħala bżonn tal-UE fl-interess tal-istabbilità finanzjarja; jitlob lill-Kummissjoni tattiva l-qafas dwar it-trattament ta’ assi legati li ddeċidiet dwarhom sabiex tkisser iċ-ċirku vizzjuż bejn is-sovrani u l-banek u ttaffi l-piż tad-dejn pubbliku fl-Irlanda, il-Greċja, il-Portugall u Ċipru; iħeġġeġ lill-Grupp tal-euro biex iwettaq l-impenn tiegħu li jeżamina s-sitwazzjoni tas-settur finanzjarju Irlandiż bil-għan li jtejjeb aktar is-sostenibbiltà tal-aġġustament fl-Irlanda, u, wara li kkunsidra dan kollu t’hawn fuq, iħeġġeġ lill-Grupp tal-euro biex jagħmel tajjeb għall-impenn sabiex l-Irlanda tittratta dan il-piż tad-dejn bankarju; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-applikazzjoni għall-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għaż-żieda tad-dejn rilevanti, minħabba li dan tal-aħħar huwa meqjus fl-Irlanda bħala inġust u piż għall-pajjiż skont id-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà tal-patt riformat; iqis li, fuq perjodu itwal, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż għandha tirrifletti d-distribuzzjoni tad-detenturi ta’ bonds protetti; jieħu nota tat-talba tal-awtoritajiet Irlandiżi għal trasferiment ta' sehem tad-dejn pubbliku li jikkorrispondi mal-ispiża tas-salvataġġ tas-settur finanzjarju għall-MES;

75.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, il-Grupp tal-euro u l-FMI għandhom jesploraw aktar il-kunċett ta’ “bonds konvertibbli kontinġenti”, fejn ir-redditi tad-dejn sovran li jkun għadu kemm inħareġ fl-Istati Membri taħt assistenza jkunu marbuta ma’ tkabbir ekonomiku;

76.  Ifakkar il-bżonn ta’ miżuri biex ikunu salvagwardjati d-dħul mit-taxxi, b’mod partikolari għall-pajjiżi fil-programm kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ir-rapport Gauzès), billi jieħdu “miżuri b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u flimkien mal-BĊE u, fejn xieraq, mal-FMI, bl-għan li jkunu msaħħa l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kapaċità tal-ġbir tad-dħul u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, bl-għan li jiżdied id-dħul fiskali”; ifakkar il-passi effettivi li għandhom jittieħdu malajr biex tkun miġġielda u evitata l-frodi fiskali fl-UE u ’l barra minnha; jirrakkomanda miżuri ta' implimentazzjoni li jwasslu għall-partijiet kollha biex jikkontribwixxu b'mod ġust għad-dħul tat-taxxa;

77.  Jitlob għall-pubblikazzjoni tal-użu li sar mill-fondi tas-salvataġġ; jenfasizza li l-kwantità ta’ fondi diretti għall-finanzjament tad-defiċit, biex jiffinanzjaw il-gvern u jħallsu lura lill-kredituri privati għandha tiġi kjarifikata;

78.  Jitlob għall-involviment effettiv tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-aġġustament, attwali u futuri; jemmen li l-ftehimiet milħuqa mis-sħab soċjali fil-qafas tal-programmi għandhom ikunu rispettati sakemm huma kompatibbli mal-programmi; jenfasizza li r-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistipula li l-programmi ta' assistenza għandhom jirrispettaw il-prattiki u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi;

79.  Jitlob għall-involviment tal-BEI fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri relatati mal-investiment sabiex jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali;

80.  Jiddispjaċih li l-programmi mhumiex marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea, minħabba l-fatt li mhumiex ibbażati fuq id-dritt primarju tal-Unjoni;

81.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej jeħtieġu jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, taħt iċ-ċirkostanzi kollha;

82.  Jenfasizza li t-tiftix tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha m'għandux idgħajjef l-istabbiltà soċjali, il-mudell soċjali Ewropew u d-drittijiet soċjali taċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li l-involviment tas-sħab soċjali fid-djalogu ekonomiku fil-livell Ewropew, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, għandu jkun fuq l-aġenda politika; jitlob għall-involviment meħtieġ tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' aġġustament attwali u futuri;

Il-Kummissjoni

83.  Jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa u s-sjieda sħiħa tar-Regolament (UE) Nru 472/2013; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda negozjati interistituzzjonali mal-Parlament sabiex tiġi definita proċedura komuni sabiex il-kumitat kompetenti tal-Parlament jiġi infurmat dwar il-konklużjonijiet li ħarġu mill-monitoraġġ tal-programm tal-aġġustament makroekonomiku kif ukoll il-progress li sar fil-preparazzjoni tal-abbozz tal-programm tal-aġġustament makroekonomiku previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013; ifakkar lill-Kummissjoni biex twettaq u tippubblika evalwazzjonijiet ex-post tar-rakkomandazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trojka; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dawn il-valutazzjonijiet fir-rapport ta’analiżi previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013; ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jipprevedi li l-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja, mit-30 ta’ Mejju 2013 għandhom ikunu soġġetti għal dan ir-Regolament minn dik id-data; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex f’konformità mal-Artikolu 265 tat-TFUE jaġixxu sabiex jissimplifikaw u jallinjaw il-programmi ta’ assistenza finanzjarja ad hoc mal-proċeduri u l-atti msemmija fir-Regolament (UE) Nru 472/2013; jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi biex jibbenefikaw mill-esperjenza tat-Trojka meta jfasslu u jimplimentaw il-passi li jmiss tal-UEM; inkluż meta jiġi rivedut ir-Regolament (UE) Nru 472/2013;

84.  Ifakkar lill-Kummissjoni u l-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu li ħa fis-seduta plenarja fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 472/2013; jenfasizza b’mod partikolari li huwa stabbilixxa dispożizzjonijiet f’din il-pożizzjoni li jżidu aktar it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jwassal għall-adozzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku, jipprovdi għal mandat aktar ċar u delimitat sew u rwol ġenerali għall-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tevalwa u tintegra dawn id-dispożizzjonijiet fil-qafas ta’ proposta futura li temenda r-Regolament (UE) Nru 472/2013; ifakkar, minn dik il-perspettiva, li l-preparazzjoni għall-programmi ta' assistenza futuri għandhom jitpoġġew taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li għandha titlob għal parir, fejn xieraq, minn partijiet terzi bħall-BĊE, il-FMI u korpi oħra;

85.  Jitlob ir-responsabbiltà sħiħa tal-Kummissjoni b'mod konformi mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 u lil hinn minnu, meta taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala membru tal-mekkaniżmu ta’ assistenza tal-UE; jitlob li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni f'dak il-mekkaniżmu, jinstemgħu mill-Parlament qabel ma jibdew il-ħidma tagħhom; jeżiġi li jkunu soġġetti għal rappurtar regolari fil-konfront tal-Parlament Ewropew;

86.  Jipproponi li għal kull programm tal-pajjiż il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi “task force tat-tkabbir” magħmula minn, inter alia, esperti li ġejjin (inter alia) mill-Istati Membri u l-BEI, f’assoċjazzjoni ma’ rappreżentanti tas-settur privat u s-soċjetà ċivili sabiex tippermetti s-sjieda, tissuġġerixxi għażliet għall-promozzjoni ta’ tkabbir li jikkomplementaw il-konsolidazzjoni fiskali u r-riformi strutturali; din it-task force għandu jkollha l-objettiv li terġa’ tagħti l-kunfidenza u għaldaqstant tippermetti l-investimenti; il-Kummissjoni għandha tibni fuq l-esperjenza tal-istrument ta’ “ġemellaġġ” għall-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u l-pajjiżi benefiċjarji;

87.  Huwa tal-opinjoni li s-sitwazzjoni taż-żona tal-euro bħala waħda sħiħa (inklużi l-effetti konsegwenzjali fuq Stati Membri oħra li jirriżultaw minn politiki nazzjonali) għandha titqies aħjar meta wieħed iħares lejn il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku jew meta l-Kummissjoni qiegħda tabbozza is-SAT;

88.  Jemmen li l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku għandha tevalwa wkoll b’mod ċar kwalunkwe dipendenza żejda fuq settur partikolari ta’ attività;

89.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproċedi għal eżaminazzjoni bir-reqqa fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-provvedimenti ta’ likwidità mis-SEBĊ;

90.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala “gwardjan tat-Trattati”, biex tippreżenta sal-aħħar tal-2015, studju ddettaljat tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-programmi tal-aġġustament fl-erba' pajjiżi, sabiex tipprovdi fehim preċiż tal-impatt kemm fuq żmien twil kif ukoll fuq żmien qasir tal-programmi, b'hekk tagħmilha possibbli li l-informazzjoni li tirriżulta tkun użata għal miżuri futuri ta' assistenza; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-korpi konsultattivi rilevanti kollha, inkluż il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali, biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-Parlament meta jabbozzaw dan l-istudju; jemmen li r-rapport tal-Kummissjoni għandu jirrifletti wkoll il-valutazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem;

91.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw l-involviment tad-Direttortati Ġenerali (DĠ) kollha tal-Kummissjoni u l-ministeri nazzjonali fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-MtQ; jenfasizza b'mod partikolari r-rwol tad-DĠ Impjiegi flimkien mad-DĠ ECFIN u DĠ MARKT fl-iżgurar tad-dimensjoni soċjali bħala kunsiderazzjoni ewlenija fin-negozjati u li l-impatt soċjali wkoll huwa kkunsidrat;

Il-BĊE

92.  Jitlob li fi kwalunkwe riforma tal-qafas tat-Trojka, ir-rwol tal-BĊE jiġi analizzat bir-reqqa sabiex jiġi allinjat mal-mandat tal-BĊE; jitlob, b’mod partikolari, li l-BĊE jingħata l-istatus ta' osservatur sieket bi rwol konsultattiv trasparenti u definit b’mod ċar, filwaqt li ma jitħallihx ikun sieħeb sħiħ fin-negozjati u jitwaqqaf milli jibqa’ kofirmatarju tal-istqarrijiet tal-missjoni tal-BĊE;

93.  Jitlob lill-BĊE biex iwettaq u jippubblika evalwazzjonijiet ex-post tal-impatt tar-rakkomandazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tiegħu fit-Trojka;

94.  Jirrakkomanda li l-BĊE jaġġorna l-linji gwida tiegħu dwar l-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità u r-regolamenti qafas kollaterali, sabiex titjieb it-trasparenza tad-dispożizzjonijiet tal-likwidità fl-Istati Membri li qed jirċievu assistenza u tiżdied iċ-ċertezza legali madwar il-kunċett ta' solvenza użat mis-SEBĊ;

95.  Jistieden lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) biex jippubblikaw informazzjoni komprensiva dwar l-assistenza ta’ emerġenza fil-likwidità f’ħin tajjeb, inkluż il-kundizzjonijiet għall-appoġġ bħas-solvenza, il-mod kif l-assistenza ta’ emerġenza fil-likwidità huma ffinanzjati mill-BĊN, il-qafas legali u l-funzjonament prattiku;

Il-FMI

96.  Jemmen li wara bosta snin ta’ esperjenza fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi finanzjarji, l-istituzzjonijiet Ewropej kisbu l-għarfien neċessarju biex ifassluhom u jimplimentawhom waħedhom mingħajr ma l-involviment tal-FMI jkun definit mill-ġdid, skont il-linji proposti f'dan ir-rapport;

97.  Jitlob li kwalunkwe involviment futur tal-FMI fiż-żona tal-euro għandu jibqa' volontarju;

98.  Jistieden lill-FMI sabiex jiddefinixxi mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe involviment futur minn naħa tiegħu fi programmi ta’ assistenza relatati mal-UE għal dak ta’ mutwant katalitiku li jipprovdi finanzjament u speċjalizzazzjoni minimi lill-pajjiż li qed jissellef u lill-istituzzjonijiet tal-UE waqt li jżomm l-għażla ta’ ħruġ mill-programm f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil;

99.  Jitlob lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 138 tat-TFUE, biex tipproponi miżuri xierqa ħalli tkun żgurata rappreżentazzjoni magħquda taż-żona tal-euro mal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-konferenzi internazzjonali u b’mod partikolari fil-FMI, sabiex tiġi sostitwita s-sistema attwali tar-rappreżentazzjoni individwali tal-Istat Membru fl-livell internazzjonali; jinnota li dan jeħtieġ bidla fl-istatuti tal-FMI;

100.  Jitlob li l-Parlament ikun konsultat dwar l-involviment tal-FMI fiż-żona tal-euro fuq bażi ad-hoc;

Il-Kunsill u l-Grupp tal-euro

101.  Jitlob għar-rivalutazzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Grupp tal-euro, biex jinkludi r-responsabbiltà demokratika xierqa kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell Ewropew; jitlob li l-linji gwida Ewropej ikunu stabbiliti sabiex jiżguraw kontroll demokratiku xieraq fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri f'livell nazzjonali li jikkunsidra l-kwalità tal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni u jiżgura aċċess għas-sistemi soċjali kollha; jipproponi li l-Presidenza permanenti tal-Grupp tal-euro għandha tkun responsabbiltà full-time; jissuġġerixxi li l-President ikun wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni, li jkun responsabbli lejn il-Parlament; jitlob għall-istabbilment ta' djalogu regolari, fuq żmien qasir, bejn it-Trojka u l-Parlament;

102.  Jistieden lill-Grupp tal-euro, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jassumu r-responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet tat-Trojka; jinsab imħasseb, b'mod partikolari, dwar titjib tar-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-euro fir-rigward tal-assistenza finanzjarja, peress li l-ministri tal-finanzi għandhom ir-responsabbiltà politika aħħarija għall-programmi tal-aġġustament makroekonomiku u l-implimentazzjoni tagħhom filwaqt li spiss l-ebda wieħed minnhom ma hu responsabbli għad-deċiżjonijiet speċifiċi għall-parlamenti nazzjonali tagħhom u lanqas għall-Parlament Ewropew; jemmen li qabel ma tingħata l-assistenza finanzjarja, il-President tal-Grupp tal-euro għandu jinstema’ quddiem il-Parlament Ewropew u quddiem il-ministri tal-finanzi tal-UE fil-parlamenti rispettivi tagħhom; jenfasizza li l-President tal-Grupp tal-euro u l-ministri tal-finanzi għandhom ikunu meħtieġa jirrappurtaw regolarment quddiem il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

103.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex iżidu s-sjieda nazzjonali tagħhom fil-ħidmiet u d-deċiżjonijiet tas-Semestru Ewropew u biex iwettqu l-miżuri u r-riformi kollha li qablu magħhom fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; ifakkar li l-Kummissjoni identifikat livell sinifikanti ta’ progress meta mqabbel mas-snin preċedenti fi 15 % biss tal-madwar 400 rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi;

Il-MES

104.  Jenfasizza li minħabba l-eliminazzjoni gradwali tat-Trojka, hemm bżonn li istituzzjoni tieħu f’idejha l-iskrutinju tar-riformi li jkunu għaddejjin;

105.  Jenfasizza li, essenzjalment, il-ħolqien tal-EFSF u l-MES barra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrappreżenta ostaklu fl-iżvilupp tal-Unjoni, għad-detriment tal-Parlament, il-Qorti tal-Awdituri u l-Qorti tal-Ġustizzja;

106.  Jeżiġi li l-MES għandu jkun integrat fil-qafas legali tal-Unjoni u jevolvi lejn mekkaniżmu bbażat fuq il-metodu Komunitarju, kif imsemmi fit-Trattat dwar il-MES; jitlob li jkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, inkluż fir-rigward tad-deċiżjonijiet biex tingħata assistenza finanzjarja kif ukoll biex jittieħdu deċiżjonijiet li jagħtu porzjonijiet tas-self ġodda; jirrikonoxxi li sakemm l-Istati Membri jagħmlu kontribuzzjonijiet diretti mill-baġit nazzjonali tagħhom lill-MES, huma għandhom japprovaw l-assistenza finanzjarja; jitlob li l-MES jiżviluppa aktar, kapaċitajiet xierqa li jagħti self u jissellef , u li jkun stabbilit djalogu bejn il-bord tal-MES u s-sħab soċjali Ewropej u l-integrazzjoni tal-MES fil-baġit tal-UE; jistieden lill-membri tal-MES, sakemm dan imsemmi hawn fuq isir realtà, biex jastjenu mill-ħtieġa tal-unanimità fuq żmien qasir ħalli jippermettu li jittieħdu deċiżjonijiet standard minn maġġoranza kwalifikata aktar milli b'unanimità, u li jkun possibbli li tingħata assistenza ta' prekawzjoni;

107.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Grupp tal-euro biex jirrispettaw l-impenn magħmul mill-President tal-Kunsill Ewropew li jinnegozja arranġament interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew sabiex ikun stabbilit mekkaniżmu interim xieraq għaż-żieda tar-responsabbiltà tal-MES; jitlob ukoll, f'dak il-kuntest, għal aktar trasparenza fil-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv tal-MES;

108.  Jenfasizza li l-każistika u l-ġurisprudenza ‘Pringle’ tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-possibbiltà li tressaq il-MES lejn il-qafas tal-Komunità bi Trattat kostanti abbażi tal-Artikolu 352 tat-TFUE; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni biex, sal-aħħar tal-2014, tressaq proposta leġiżlattiva b’dak l-objettiv;

Il-perjodu ta' żmien medju għal dak fit-tul

109.  Jitlob li l-memoranda jitpoġġew fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità sabiex tkun promossa strateġija ta’ konsolidazzjoni kredibbli u sostenibbli, u b'hekk taqdi l-objettivi tal-istrateġija għal tkabbir fl-Unjoni u l-objettivi ddikjarati tal-koeżjoni soċjali u l-impjiegi; jirrakkomanda li, sabiex il-programmi ta' assistenza jingħataw il-leġittimità demokratika xierqa, il-mandati tan-negozjati għandhom ikunu sottomessi għal vot fil-Parlament Ewropew, u li l-Parlament għandu jkun ikkonsultat dwar il-MtQ li jirriżultaw;

110.  Itenni t-talba tiegħu għad-deċiżjonijiet relatati mat-tisħiħ tal-UEM biex jittieħdu abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; huwa tal-opinjoni li devjazzjoni mill-metodu Komunitarju u użu akbar tal-ftehimiet intergovernattivi (bħall-ftehimiet kontrattwali) jaqsmu, idgħajfu u jisfidaw il-kredibbiltà tal-Unjoni, inkluża ż-żona tal-euro; huwa konxju tal-fatt li r-rispett sħiħ tal-metodu Komunitarju f'aktar riformi tal-mekkaniżmu ta' assistenza tal-Unjoni jista' jeħtieġ bidla fit-trattat, u jenfasizza li kwalunkwe bidla bħal din għandha tinvolvi bis-sħiħ il-PE u tkun soġġetta għal konvenzjoni;

111.  Huwa tal-opinjoni li għandha tkun ikkunsidrat l-għażla tal-bidla tat-Trattat li tippermetti l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 143 preżenti tat-TFUE għall-Istati Membri kollha u mhux ristretta għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro;

112.  Jitlob għall-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropew abbażi tad-dritt tal-Unjoni li għandu jkun soġġett għall-metodu tal-Komunità; jemmen li dan il-Fond Monetarju Ewropew għandu jikkombina l-mezzi finanzjarji tal-MES, li huma mmirati biex jappoġġjaw pajjiżi li qed jesperjenzaw problemi ta’ bilanċ ta’ pagamenti jew qed jiffaċċjaw insolvenza tal-istat, mar-riżorsi u l-esperjenza li l-Kummissjoni kisbet matul dawn l-aħħar snin f’dan il-qasam; jirrimarka li dan il-qafas jista’ jevita l-kunflitti ta’ interess inerenti possibbli għar-rwol attwali tal-Kummissjoni bħala aġent tal-Grupp tal-euro u r-rwol ħafna aktar komprensiv tiegħu bħala “gwardjan tat-trattat”; jemmen li l-Fond Monetarju Ewropew għandu jkun soġġett għall-ogħla standards demokratiċi ta' responsabbiltà u leġittimità; jemmen li dan il-qafas se jiżgura t-trasparenza fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u li l-istituzzjonijiet kollha involuti huma kompletament responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

113.  Huwa tal-opinjoni li se jkun hemm bżonn ta’ reviżjoni tat-trattat sabiex ikun ankrat bis-sħiħ il-qafas għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżi tal-UE fuq bażi legalment soda u ekonomikament sostenibbli;

114.  Huwa tal-opinjoni li għandha tkun eżaminata l-għażla li jkun żviluppat mekkaniżmu b’passi proċedurali ċari għal pajjiżi li huma fil-periklu ta’ insolvenza, skont ir-regoli “tas-six pack” u “t-two pack”; f'dan il-kuntest, jinkoraġġixxi lill-FMI u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwasslu lill-FMI għal pożizzjoni komuni sabiex jerġa’ jibda d-dibattitu dwar mekkaniżmu għall-istrutturar tad-dejn sovran internazzjonali bil-għan li jiġi adottat approċċ multilaterali ġust u sostenibbli f’dan il-qasam;

115.  Iqassar ir-rakkomandazzjoni tiegħu li r-rwoli rispettivi u l-kompiti ta' kull parteċipant fit-Trojka għandhom ikunu ċċarati kif ġej:

   a) Fond Monetarju Ewropew, li jikkombina l-mezzi finanzjarji tal-MES u r-riżorsi umani li l-Kummissjoni kisbet f'dawn l-aħħar snin, li jieħu r-rwol tal-Kummissjoni, u jagħmilha possibbli li din tal-aħħar taġixxi b'mod konformi mal-Artikolu 17 tat-TUE u b'mod partikolari biex taġixxi bħala gwardjan tat-Trattati;
   b) il-BĊE jipparteċipa bħala osservatur sieket matul il-proċess tan-negozjati, sabiex ikun possibbli li jqajjem it-tħassib serju fir-rwol konsultattiv tiegħu lill-Kummissjoni, u aktar tard lill-Fond Monetarju Ewropew jekk xieraq;
   c) il-FMI, jekk l-involviment tiegħu jkun strettament meħtieġ, ikun mutwant marġinali u għaldaqstant ikun jista’ jħalli l-programm f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil;

116.  Jikkunsidra li l-ħidma li bdiet b'dan ir-rapport tkun segwita; jistieden lill-Parlament li jmiss biex iwettaq il-ħidma ta’ dan ir-rapport u jiżviluppa aktar ir-riżultati ewlenin u jagħmel aktar investigazzjoni;

o
o   o

117.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-euro, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-FMI.

(1) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(2) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0447.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0332.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0269.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0430.
(7) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 140.
(8) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 19.

Avviż legali - Politika tal-privatezza