Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar aspetti soċjali u tal-impjieg tar-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni u FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro (2014/2007(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152 u 153 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta, b’mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha dwar id-dritt għal protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali,
– wara li kkunsidra s-seduta pubblika li saret mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fid-9 ta’ Jannar 2014, dwar “l-aspetti soċjali u tal-impjieg tar-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro”,
– wara li kkunsidra l-erba’ abbozzi ta’ noti ta’ politika b’evalwazzjonijiet tal-aspetti u l-isfidi soċjali u tal-impjieg fil-Greċja, il-Portugall, l-Irlanda u Ċipru, rispettivament, imħejjija f’Jannar 2014 mill-Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika tad-Direttorat għall-Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi tad-DĠ IPOL;
– wara li kkunsidra d-djalogu ekonomiku u skambju ta’ fehmiet mal-Ministru tal-Finanzi Grieg u l-Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali Grieg organizzat b’mod konġunt mill-Kumitati EMPL u ECON fit-13 ta’ Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-ħames deċiżjonijiet tal-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-22 ta’ April 2013 dwar l-iskemi tal-pensjonijiet fil-Greċja(1),
– wara li kkunsidra t-365 Rapport tal-Kumitat għal-Libertà ta’ Assoċjazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2013 dwar l-effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2012 dwar aspetti soċjali u tal-impjiegi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012(5),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2013 bit-titolu “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014” (COM(2013)0800) u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness miegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2013(6),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2013 bit-titolu ‘It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja’ (COM(2013)0690),
– wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000122/2013 - B7-0524/2013 lill-Kummissjoni, u r-riżoluzzjoni relatata tal-Parlament tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)’(7),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat EMPL bil-ħsieb tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina”(8),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 bit-titolu ‘Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali’ (COM(2010)0758), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2011 dwarha(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 rigward il-Patt dwar l-Investiment Soċjali – bħala reazzjoni għall-kriżi(10),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-12 ta’ Diċembru 2013 bit-titolu “Industrial relations and working conditions in Europe 2012” (Ir-relazzjonijiet industrijali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa 2012),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2013 bit-titolu ‘Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020’ (COM(2013)0083),
– wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000057/2013 - B7-0207/2013 lill-Kummissjoni, u r-riżoluzzjoni relatata tal-Parlament tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni - inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020”(11),
– wara li kkunsidra r-raba’ Rapport tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 ta’ Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma Nru 49 tal-ILO tat-30 ta’ April 2013 bit-titolu “The impact of the eurozone crisis on Irish social partnership: A political economy analysis” (L-impatt tal-kriżi fiż-żona tal-euro fuq is-sħubija soċjali Irlandiża: analiżi politika u ekonomika),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma Nru 38 tal-ILO tat-8 ta’ Marzu 2012 bit-titolu “Social dialogue and collective bargaining in times of crisis: The case of Greece” (Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fi żminijiet ta’ kriżi: Il-każ tal-Greċja),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tat-30 ta’ Ottubru 2013 bit-titolu “Tackling the job crisis in Portugal” (L-indirizzar tal-kriżi fl-impjiegi fil-Portugall);
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ Bruegel tas-17 ta’ Ġunju 2013 bit-titolu “EU-IMF assistance to euro-area countries: an early assessment” (L-assistenza mill-UE u l-FMI lill-pajjiżi taż-żona tal-euro: valutazzjoni bikrija) (Bruegel Blueprint 19),
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Eurostat dwar l-indikaturi tal-euro tat-12 ta’ Frar 2010 (22/2010) u tad-29 ta’ Novembru 2013 (179/2013),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Politika Ekonomika Nru 1 tal-OECD tat-12 ta’ April 2012 bit-titolu ‘Fiscal consolidation: How much, how fast and by what means? – An Economic Outlook Report’ (Il-konsolidazzjoni fiskali: Kemm, meta u kif? – Rapport ta’ Prospettiva Ekonomika),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Istitut Ewropew tat-Trade Unions (ETUI) ta’ Mejju 2013 bit-titolu “The Euro crisis and its impact on national and European social policies” (Il-kriżi tal-euro u l-impatt tagħha fuq il-politiki soċjali nazzjonali u Ewropej),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2013 bit-titolu “Labour Market Developments in Europe 2013” (Żviluppi fis-Suq tax-Xogħol fl-Ewropa 2013) (Nru 6/2013 fis-serje European Economy),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ Caritas Europa ta’ Frar 2013 bit-titolu “The impact of the European Crisis: a study of the impact of the crisis and austerity on people, with a special focus on Greece, Ireland, Italy, Portugal and Spain” (L-impatt tal-Kriżi Ewropea: studju tal-impatt tal-kriżi u l-awsterità fuq il-persuni, b’attenzjoni speċjali għall-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall u Spanja”),
– wara li kkunsidra n-Nota ta’ Politika tal-Oxfam ta’ Settembru 2013 bit-titolu “A cautionary tale: the true cost of austerity and inequality in Europe” (Storja li għandha sservi ta’ twissija: l-ispiża reali tal-awsterità u l-inugwaljanza fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0135/2014),
A. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja bla preċedent li ħarġet fil-beraħ il-fraġilità tal-finanzi pubbliċi f’xi Stati Membri, u l-miżuri tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku adottati b’reazzjoni għas-sitwazzjoni mġarrba mill-Greċja (Mejju 2010 u Marzu 2012), l-Irlanda (Diċembru 2010), il-Portugall (Mejju 2011) u Ċipru (Ġunju 2013), kellhom impatt dirett u indirett fuq il-livelli tal-impjieg u fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ ħafna persuni; billi l-programmi kollha, għalkemm ġew iffirmati formalment mill-Kummissjoni, tfasslu b’mod konġunt mill-FMI, il-Grupp tal-euro, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Kummissjoni, u l-Istati Membri li qed jiġu salvati li lkoll flimkien iddeterminaw ukoll il-kondizzjonalità tagħhom;
B. billi ladarba s-sostenibbiltà ekonomika u baġitarja tal-erba’ pajjiżi tkun tista’ tiġi ggarantita, l-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq l-aspetti soċjali, b’attenzjoni speċjali għall-ħolqien tal-impjiegi;
C. billi l-Artikolu 9 TFUE jistabbilixxi li: ‘Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem’;
D. billi l-Artikolu 151 TFUE jipprevedi li l-azzjoni meħuda mill-UE u mill-Istati Membri tagħha trid tkun konsistenti mad-drittijiet soċjali fundamentali stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 sabiex jitjieb, fost l-oħrajn, id-djalogu soċjali; billi l-Artikolu 152 TFUE jafferma li: ‘L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tal-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom’;
E. billi l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jimpenja lill-Unjoni biex tirrikonoxxi u tirrispetta “l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skont it-Trattati, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni”; billi l-Artikolu 14 TFUE jistabbilixxi li “meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni tal-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, skont il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu tal-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom”; billi l-Artikolu 345 tat-TFUE jipprevedi li t-Trattati “għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”; u billi l-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali jelabora fuq il-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;
F. billi l-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jafferma li: ‘L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000 (...), li għandu jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati’, u billi l-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu jipprevedu l-adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u jistipulaw li dawn id-drittjiet għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;
G. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprevedi, fost l-oħrajn, id-dritt ta’ negozjar u ta’ azzjoni kollettiva (l-Artikolu 28), il-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta (l-Artikolu 30), kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa (l-Artikolu 31), ir-rikonoxximent u r-rispett tad-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u servizzi soċjali u, sabiex ‘jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar’, id-dritt għal ‘eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti’ (l-Artikolu 34), id-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika (l-Artikolu 35), u r-rikonoxximent u r-rispett għad-dritt tal-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (l-Artikolu 36);
H. billi l-istrateġija Ewropa 2020 proposta mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Marzu 2010 u approvata mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Ġunju 2010 tinkludi, fost il-ħames miri ewlenin li jridu jintlaħqu sal-2020: li 75 % tal-irġiel u n-nisa fl-età ta’ bejn 20 u 64 sena jkunu fl-impjieg; li jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola għal taħt l-10 % u li tal-inqas 40 % ta’ dawk bejn 30 u 34 sena jkunu lestew edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti; u li jitnaqqas il-faqar billi tal-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali;
I. billi, skont ir-Reviżjoni Trimestrali tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2013 bit-titolu “EU Employment and Social Situation” (Il-Qagħda Soċjali u tal-Impjieg fl-UE), it-tnaqqis qawwi fil-PDG tal-Greċja, il-Portugall u l-Irlanda ġie tradott l-aktar fi tnaqqis fl-impjiegi;
J. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2013, il-Parlament laqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2013 bit-titolu ‘It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja’ u l-proposta tagħha li tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi ewlenin soċjali u dwar l-impjiegi, li tkun komplementari għall-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku (MIP) u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (JER), bħala pass lejn id-dimensjoni soċjali tal-UEM; jenfasizza li dawk l-indikaturi għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw il-kopertura komprensiva u trasparenti tal-qagħda soċjali u tal-impjieg fl-Istati Membri; billi r-riżoluzzjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġi żgurat li dan il-monitoraġġ ikun immirat biex inaqqas id-diverġenzi soċjali bejn l-Istati Membri u tiġi promossa l-konverġenza soċjali progressiva u l-progress soċjali;
K. billi d-data disponibbli turi li l-erba’ pajjiżi waqgħu lura fil-kisba tal-miri soċjali ta’ Ewropa 2020 (ara l-Anness 1), bl-eċċezzjoni tal-miri relatati mat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien, it-taħriġ u l-għadd ta’ persuni b’edukazzjoni terzjarja;
L. billi l-prospetti ekonomiċi fit-tul f’dawn il-pajjiżi qed jitjiebu; billi dan it-titjib għandu jibda jgħin il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’dawn l-ekonomiji u jbiddel ix-xejra ta’ tnaqqis fl-impjiegi;
1. Jinnota li l-istituzzjonijiet tal-UE (il-BĊE, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-euro) huma responsabbli wkoll għall-kundizzjonijiet tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku; jinnota wkoll li hemm il-ħtieġa li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom protezzjoni soċjali xierqa;
2. Jiddeplora l-fatt li l-Parlament tħalla barra għalkollox fil-fażijiet kollha tal-programmi: il-fażi tat-tħejjija, l-iżvilupp tal-mandati u l-monitoraġġ tal-impatt tar-riżultati miksuba mill-programmi u minn miżuri relatati; jinnota li, għalkemm din l-assoċjazzjoni mal-Parlament Ewropew ma kinitx obbligatorja minħabba nuqqas ta’ bażi ġuridika, l-assenza tal-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll dak tal-mekkaniżmi finanzjarji Ewropej kien ifisser li l-programmi kellhom jiġu improvizzati, u dan wassal għal ftehimiet finanzjarji u istituzzjonali lil hinn mill-metodu Komunitarju; jinnota, fl-istess linja, li l-BĊE ħa deċiżjonijiet li ma jaqgħux fil-mandat tiegħu; ifakkar fir-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati u li dan ir-rwol kellu jiġi rispettat dejjem; iqis li istituzzjonijiet ġenwinament demokratiċi biss għandhom jidderieġu l-proċess politiku tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament għall-pajjiżi f’diffikultajiet finanzjarji serji;
3. Jiddeplora l-fatt li dawn il-programmi tfasslu mingħajr mezzi suffiċjenti biex issir valutazzjoni tal-konsegwenzi permezz ta’ studji dwar l-impatt jew koordinazzjoni mal-Kumitat għall-Impjiegi, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) jew il-Kummissarju għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali; jiddeplora, ukoll, il-fatt li l-ILO ma ġietx ikkonsultata u li, minkejja l-implikazzjonijiet soċjali importanti, il-korpi konsultattivi stabbiliti mit-Trattat, b’mod partikolari l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), ma ġewx ikkonsultati;
4. Jiddeplora l-fatt li l-kondizzjonalità imposta bi tpattija għall-assistenza finanzjarja kienet ta’ theddida għall-għanijiet soċjali tal-UE għal diversi raġunijiet:
–
l-UE ma kinitx ippreparata u attrezzata sew biex tiffaċċja l-problemi li rriżultaw, b’mod partikolari l-kriżi enormi tad-dejn sovran, sitwazzjoni li kienet teħtieġ reazzjoni immedjata sabiex jiġi evitat il-falliment;
–
filwaqt li l-programmi għandhom terminu speċifiku, għadd ta’ miżuri stipulati taħt dawn il-programmi ma kellhomx ikunu ta’ natura fit-tul;
–
il-miżuri huma partikolarment ibsin, l-aktar għaliex id-deterjorament tal-qagħda ekonomika u soċjali ma ġiex innutat fil-ħin, ftit ingħata żmien biex jiġu implimentati dawn il-miżuri, u ma sarux valutazzjonijiet tal-impatt xierqa tal-impatt distributtiv fuq gruppi differenti tas-soċjetà;
–
minkejja l-appelli tal-Kummissjoni, il-fondi tal-UE li kien fadal mill-qafas tal-2007-2013 ma ntużawx fil-pront;
–
il-miżuri setgħu ġew akkumpanjati minn sforzi akbar biex jitħarsu l-gruppi vulnerabbli, bħal miżuri biex jiġu evitati livelli għoljin ta’ faqar, privazzjoni u inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa li jirriżultaw mill-fatt li l-gruppi bi dħul baxx jiddependu b’mod speċjali fuq is-sistemi tas-saħħa pubbliċi;
L-impjiegi
5. Jinnota li l-kriżi ekonomika u finanzjarja diffiċli ħafna u l-politiki ta’ aġġustament fl-erba’ pajjiżi wasslu għal żidiet fir-rati tal-qgħad u ta’ telf ta’ impjiegi, u fl-għadd ta’ persuni qiegħda fit-tul, u f’xi każijiet wasslu biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol marru lura; jirrimarka li r-rati tal-qgħad għandhom rwol fundamentali fis-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet, kif ukoll fil-kisba tal-miri soċjali u dwar l-impjiegi ta’ Ewropa 2020;
6. Jinnota li l-aspettattivi ta’ ritorn għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi permezz tad-devalwazzjoni interna, sabiex tinkiseb lura l-kompetittività, ma ntlaħqux, jenfasizza l-fatt li dawn l-aspettattivi li fallew jirriflettu tendenza li tkun sottovalutata n-natura strutturali tal-kriżi kif ukoll l-importanza li tinżamm id-domanda domestika, l-investiment u l-appoġġ ta' kreditu għall-ekonomija reali; jenfasizza n-natura proċiklika tal-miżuri ta’ awsterità u l-fatt li ma kinux akkumpanjati minn bidliet u riformi strutturali fuq bażi ta’ każ b’każ, li fihom tingħata attenzjoni speċjali għall-gruppi vulnerabbli tas-soċjetà bil-għan li jinkiseb it-tkabbir, flimkien mal-koeżjoni soċjali u l-impjiegi;
7. Jinnota li r-rati għoljin ta’ qgħad u sottoimpjieg, flimkien ma’ tnaqqis fis-salarji fis-settur pubbliku u f’dak privat u, f’xi każijiet, nuqqas ta’ azzjoni effettiva fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa flimkien ma’ tnaqqis fir-rati tal-kontribuzzjonijiet, qegħdin ixekklu s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi pubbliċi tas-sigurtà soċjali minħabba t-tnaqqis fil-fondi tas-sigurtà soċjali;
8. Jinnota li d-deterjorament tal-kundizzjonijiet u t-telf ta’ SMEs hija waħda mill-kawżi ewlenin ta’ telf ta’ impjiegi u l-akbar theddida għall-irkupru fil-futur; jinnota li l-politiki ta’ aġġustament ma qisux is-setturi strateġiċi li kellhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġu ppreservati t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali għall-futur; jinnota li dan wassal biex intilfu ħafna impjiegi f’setturi strateġiċi bħall-industrija u r-RŻI; jirrimarka li l-erba’ pajjiżi jeħtieġ jagħmlu sforz biex joħolqu l-kundizzjonijiet favorevoli meħtieġa biex il-kumpaniji, u l-SMEs b’mod partikolari, ikunu jistgħu jiżviluppaw is-sostenibbiltà kummerċjali tagħhom fit-tul; jirrimarka li ntilfu ħafna impjiegi fis-settur pubbliku f’oqsma pubbliċi bażiċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi pubbliċi soċjali;
9. Jiddeplora l-fatt li huma ż-żgħażagħ dawk li l-aktar qegħdin ibatu mill-ogħla livelli ta’ qgħad, u s-sitwazzjoni f’pajjiżi bħall-Greċja (fejn ir-rata hija ta’ ’l fuq minn 50 %), il-Portugall u l-Irlanda (fejn taqbeż it-30 %), u Ċipru (fejn hija madwar 26,4 %) hija partikolarment serja; jinnota li dawn iċ-ċifri, ħames snin minn meta bdiet il-kriżi, għadhom jippersistu; jiddeplora l-fatt li anke meta ż-żgħażagħ jirnexxielhom isibu impjieg, ħafna minnhom – medja ta’ 43 %, imqabbel ma’ 13 % ta’ ħaddiema adulti – bosta drabi jsibu ruħhom jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji jew b’kuntratti part-time, li jagħmilha diffiċli għalihom li jkunu indipendenti mill-familji tagħhom, u dan jirriżulta f’telf ta’ innovazzjoni u riżorsi esperti li mbagħad jaffettwa l-produzzjoni u t-tkabbir;
10. Jinnota li l-aktar gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol – il-persuni qiegħda fit-tul, in-nisa, il-ħaddiema migranti u l-persuni b’diżabilità – kienu l-aktar li batew u qegħdin jesperjenzaw rati ta’ qgħad ogħla mill-medja nazzjonali; jinnota ż-żieda qawwija fir-rata tal-qgħad fit-tul tan-nisa u tal-ħaddiema anzjani, u d-diffikultajiet addizzjonali li dawn il-ħaddiema se jiffaċċjaw biex jippruvaw jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol meta l-ekonomija eventwalment tirkupra; jenfasizza li dawn il-ħaddiema jeħtieġu miżuri mmirati;
11. Iwissi li, jekk ma jinstabx rimedju, dawn id-diverġenzi kbar, speċjalment fil-każ tal-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa, fuq terminu twil għad jirriżultaw fi ħsara strutturali fis-suq tax-xogħol tal-erba’ pajjiżi, jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jirkupraw, iwasslu għal migrazzjoni involontarja li tkabbar l-effetti ta’ eżodu ta’ mħuħ li diġà għaddej, u jżidu d-diverġenzi persistenti bejn l-Istati Membri li jissupplixxu l-impjiegi u dawk li jissupplixxu ħaddiema li jitħallsu ftit; jiddispjaċih li l-iżviluppi soċjali u ekonomiċi negattivi huma fost ir-raġunijiet ewlenin li jimmotivaw liż-żgħażagħ biex jemigraw u jeżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom;
12. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f’xi każijiet u setturi, hemm, flimkien ma’ telf ta’ impjiegi, tnaqqis fil-kwalità tal-impjiegi, żieda f’forom prekarji ta’ impjieg u tnaqqis fl-istandards bażiċi tax-xogħol; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtieġ jagħmlu sforzi dedikati biex jindirizzaw iż-żieda fl-impjieg part-time involontarju u fil-kuntratti temporanji, it-taħriġ u l-apprendistat bla ħlas, u l-impjieg indipendenti fittizju, kif ukoll l-attivitajiet tal-ekonomija moħbija; jinnota, barra minn hekk, li għalkemm l-iffissar tal-pagi ma jaqax fil-kompetenzi tal-UE l-programmi kellhom impatt fuq il-pagi minimi; fl-Irlanda nħasset il-ħtieġa li l-paga minima titnaqqas bi kważi 12 % (deċiżjoni li, madankollu, aktar tard inbidlet), u fil-Greċja ġie deċiż tnaqqis radikali ta’ 22 %;
13. Ifakkar li l-istrateġija Ewropa 2020 tgħid ċar u tond li ċ-ċifra l-aktar importanti hija r-rata ta’ impjieg, li tindika d-disponibbiltà ta’ riżorsi umani u finanzjarji biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell ekonomiku u soċjali tagħna; jitlob li t-tnaqqis fir-rata tal-qgħad ma jiġix konfuż mal-irkupru ta’ impjiegi mitlufa peress li dan ma jqisx iż-żieda fl-emigrazzjoni; josserva li t-tnaqqis fl-impjieg industrijali kien diġà problema qabel ma tnedew il-programmi; jenfasizza li hemm il-ħtieġa ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar; ifakkar li fl-aħħar erba’ snin l-impjiegi mitlufa laħqu ż-2 miljuni fl-erba’ pajjiżi, jew 15 % tal-impjiegi li kien hemm fl-2009; jilqa’ l-fatt li data riċenti turi żieda żgħira fiċ-ċifri tal-impjieg għall-Irlanda, Ċipru u l-Portugall;
Il-faqar u l-esklużjoni soċjali
14. Jinsab imħasseb li, fost il-kundizzjonijiet għall-assistenza finanzjarja, il-programmi jinkludu rakkomandazzjonijiet għal tnaqqis speċifiku fin-nefqa soċjali reali f’oqsma fundamentali, bħall-pensjonijiet, is-servizzi bażiċi, il-kura tas-saħħa u, f’xi każijiet, prodotti farmaċewtiċi għall-protezzjoni bażika ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, kif ukoll fil-ħarsien tal-ambjent, minflok rakkomandazzjonijiet li jagħtu lill-gvernijiet nazzjonali flessibbiltà akbar biex jiddeċiedu fejn jistgħu jiffrankaw il-flus; jibża’ li l-impatt ewlieni ta’ dawn il-miżuri huwa fuq il-ġlieda kontra l-faqar, b’mod speċjali l-faqar fost it-tfal; itenni li l-ġlieda kontra l-faqar, b’mod speċjali fost it-tfal, għandha tibqa’ waħda mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri u li l-politiki ta’ konsolidazzjoni fiskali u baġitarja m’għandhomx imorru kontriha;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ aġġustament ekonomiku, ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni għall-impatt tal-politika ekonomika fuq l-impjieg jew l-implikazzjonijiet soċjali tagħha u li, fil-każ tal-Greċja, l-ipotesi tax-xogħol instab li kienet ibbażata fuq assunzjoni żbaljata rigward l-effett multiplikatur tal-ekonomija, li rriżulta f’nuqqas ta’ azzjoni fil-ħin għall-protezzjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli kontra l-faqar, il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-esklużjoni soċjali; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-indikaturi soċjali wkoll għall-iskop ta’ negozjar mill-ġdid tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku u sostituzzjoni tal-miżuri rakkomandati għal kull Stat Membru, bil-għan li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet neċessarji għat-tkabbir u l-konformità sħiħa mal-prinċipji u l-valuri soċjali bażiċi tal-UE;
16. Jinnota li minkejja l-fatt li l-Kummissjoni, fir-Reviżjoni Trimestrali tagħha ta’ Ottubru 2013 (“EU Employment and Social Situation”) (Il-Qagħda Soċjali u tal-Impjieg fl-UE), tenfasizza l-importanza tan-nefqa tal-protezzjoni soċjali bħala salvagwardja kontra riskji soċjali, mill-2010 ’l hawn il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall kellhom l-akbar tnaqqis fl-infiq soċjali fl-UE;
17. Jenfasizza li qed joħorġu forom ġodda ta’ faqar li jmissu l-klassijiet tan-nofs u tal-ħaddiema f’xi każijiet fejn id-diffikultajiet biex jitħallsu l-ipoteki u l-prezzijiet għolja tal-enerġija qed joħolqu faqar enerġetiku u żieda fl-iżgumbramenti u l-kanċellamenti; jinsab imħasseb bl-evidenza qed jiżdied l-għadd ta’ persuni bla dar u esklużi mill-akkomodazzjoni; ifakkar li dan jirrappreżenta ksur tad-drittijiet fundamentali; jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali tagħhom jintroduċu politiki tal-akkomodazzjoni newtrali li jiffavorixxu akkomodazzjoni soċjali u għall-but ta' kulħadd, li jindirizzaw il-kwistjoni ta’ postijiet battala u li jimplimentaw politiki ta’ prevenzjoni effettivi biex jitnaqqas in-numru ta’ żgumbramenti;
18. Jesprimi tħassib li s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika (mikro u makro) f’dawn il-pajjiżi qed tiggrava d-disparitajiet reġjonali u territorjali, u b’hekk tikkomprometti l-objettiv iddikjarat tal-UE li ssaħħaħ il-koeżjoni reġjonali interna;
19. Jinnota li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u soċjali wissew li s-sistema ġdida ta’ salarji, karigi u tkeċċijiet fis-settur pubbliku se jkollha impatt fuq id-disparità bejn is-sessi; jinnota li l-ILO esprimiet tħassib dwar l-impatt sproporzjonat ta’ forom flessibbli ġodda ta’ impjieg fuq il-pagi tan-nisa; jinnota, barra minn hekk, li l-ILO talbet lill-gvernijiet jissorveljaw l-impatt tal-awsterità fuq il-pagi tal-irġiel u n-nisa fis-settur privat; jinnota bi tħassib li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa m’għadhiex qed tonqos fil-pajjiżi li qed jgħaddu minn aġġustament, fejn id-disparitajiet huma akbar mill-medja tal-UE; itenni li l-inugwaljanzi fil-pagi u t-tnaqqis fir-rata ta’ impjieg fost in-nisa għandhom jingħataw aktar attenzjoni fl-Istati Membri li qed jgħaddu minn aġġustament;
20. Jinnota li ċ-ċifri tal-Eurostat u tal-Kummissjoni, flimkien ma’ diversi studji oħra, juru li, f’xi każijiet, l-inugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-introjtu kibret bejn l-2008 u l-2012, u li t-tnaqqis fil-benefiċċji soċjali u tal-qgħad, kif ukoll it-tnaqqis fil-pagi minħabba r-riformi strutturali, qegħdin jgħollu l-livelli tal-faqar; jinnota, barra minn hekk, li r-rapport tal-Kummissjoni sab livelli relattivament għoljin ta’ faqar fost dawk li jaħdmu, minħabba li l-pagi minimi baxxi tnaqqsu jew ġew iffriżati;
21. Jiddeplora l-fatt li, f’ħafna każijiet, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali żdied; jinnota, barra minn hekk, li din l-istatistika taħbi realtà ħafna aktar ħarxa, jiġifieri li meta jonqos il-PDG per capita, jonqos ukoll il-livell limitu tal-faqar, li jfisser li persuni li sa ftit ilu kienu jitqiesu bħala foqra issa ma jitqisux bħala foqra; jirrimarka li, fil-pajjiżi li għaddejjin minn aġġustament u kriżi baġitarja, it-tnaqqis fil-PDG, it-tnaqqis qawwi fl-investiment pubbliku u privat u t-tnaqqis fl-investment fir-R&Ż qed iwasslu għal tnaqqis fil-PDG potenzjali u qed joħolqu faqar fit-tul;
22. Jilqa’ l-fatt li fl-istudji msemmija aktar kmieni l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-uniku mod biex l-UE kollha tkun tista’ tilħaq il-miri ta’ Ewropa 2020 huwa li jkun hemm bidla qawwija fix-xejriet attwali;
23. Jiddeplora l-fatt li, tal-inqas għall-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall, il-programmi kienu jinkludu għadd ta’ preskrizzjonijiet dettaljati dwar ir-riforma tas-sistema tas-saħħa u tnaqqis fl-infiq, li kellhom impatt fuq il-kwalità u l-aċċessibbiltà universali tas-servizzi soċjali, speċjalment fis-saħħa u l-kura soċjali, minkejja l-fatt li l-Artikolu 168(7) TFUE jistabbilixxi li l-UE għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri; jinsab imħasseb dwar il-fatt li f’xi każijiet dan wassal biex għadd ta’ persuni ġew imċaħħda minn kopertura ta’ assigurazzjoni fuq is-saħħa jew aċċess għall-protezzjoni soċjali, u b’hekk żdied ir-riskju ta’ faqar estrem u esklużjoni soċjali, kif jidher min-numru dejjem jikber ta’ persuni foqra u bla dar u n-nuqqas ta’ aċċess li għandhom għall-prodotti u s-servizzi bażiċi;
24. Jiddeplora l-fatt li ma sar ebda sforz immirat biex jiġu identifikati l-ineffiċjenzi fis-sistemi tas-saħħa u fid-deċiżjonijiet biex isir tnaqqis ġenerali fil-baġits tas-saħħa; iwissi li l-implimentazzjoni tal-kopagamenti tista’ twassal biex il-pazjenti jdumu ma jfittxu kura, u dan iqiegħed il-piż finanzjarju fuq il-familji; iwissi li tnaqqis fis-salarji għall-professjonisti tas-saħħa jista’ jkollu effett negattiv fuq is-sikurezza tal-pazjenti u jikkawża l-migrazzjoni ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa;
25. Itenni li l-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) jipprevedi li kulħadd għandu dritt għall-ogħla standard possibbli ta’ saħħa fiżika u mentali; jinnota li l-erba’ pajjiżi huma lkoll firmatarji tal-Patt u b’hekk għarfu d-dritt tas-saħħa għal kulħadd;
26. Ifakkar li l-Kunsill tal-Ewropa diġà kkundanna t-tnaqqis fis-sistema pubblika tal-pensjonijiet Griega, u kkunsidrah bħala ksur tal-Artikolu 12 tal-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u tal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ magħha, filwaqt li ddikjara li ‘l-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-dritt domestiku jfittxu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ obbligi legali oħrajn ma jneħħihomx mill-ambitu tal-Karta’(12); jinnota li dan il-prinċipju li s-sistema tal-pensjonijiet tinżamm f’livell sodisfaċenti biex tippermetti lill-pensjonanti jgħixu ħajja deċenti huwa ġeneralment applikabbli f’kull wieħed mill-erba’ pajjiżi u kellu jitqies;
27. Jiddeplora t-tnaqqis fir-riżorsi għal ħajja indipendenti għall-persuni b’diżabilità;
28. Jirrimarka li meta l-Kumitat ta’ Esperti tal-ILO evalwa l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Nru 102 fil-każ tar-riformi Griegi, ikkritika bil-qawwa r-riformi radikali tas-sistema tal-pensjonijiet, u li din l-istess osservazzjoni kritika ġiet inkluża fid-29 rapport annwali tiegħu tal-2011; ifakkar li l-Konvenzjoni Nru 102 hija ġeneralment applikabbli f’kull wieħed mill-erba’ pajjiżi u kellha titqies;
29. Jenfasizza li l-faqar soċjali dejjem ikbar fl-erba’ pajjiżi qed jipproduċi wkoll żieda fis-solidarjetà fost l-aktar gruppi vulnerabbli, permezz ta’ sforzi privati, netwerks tal-familja u organizzazzjonijiet ta’ għajnuna; jenfasizza li dan it-tip ta’ intervent ma għandux isir is-soluzzjoni strutturali għall-problema, anke jekk itaffi s-sitwazzjoni ta’ dawk l-aktar fil-bżonn u juri l-kwalitajiet taċ-ċittadinanza Ewropea;
30. Jinnota bi tħassib iż-żieda konsistenti fil-koeffiċjent ta’ Gini kontra t-tendenza ’l isfel ġenerali fiż-żona tal-euro, li jfisser li kien hemm żieda sinifikanti fl-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tal-ġid fil-pajjiżi ta’ aġġustament;
It-tluq bikri mill-iskola
31. Jilqa’ l-fatt li l-għadd ta’ tfal li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien qiegħed jonqos fl-erba’ pajjiżi; Jinnota li dan jista’ jkun parzjalment spjegat mid-diffikultjiet li ż-żgħażagħ qegħdin jiffaċċjaw biex isibu impjieg; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li jiġu rkuprati sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità, peress li dan huwa wieħed mill-aħjar modi biex tittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.
32. Jilqa’ l-fatt li l-għadd ta’ persuni b’edukazzjoni terzjarja qiegħed jiżdied f’kull wieħed mill-erba’ pajjiżi; jinnota li dan jista’ jkun parzjalment spjegat mill-ħtieġa li ż-żgħażagħ itejbu ċ-ċansijiet futuri tagħhom fis-suq tax-xogħol;
33. Jiddeplora l-fatt li, l-aktar minħabba t-tnaqqis fil-fondi pubbliċi, il-kwalità tas-sistemi edukattivi mhijiex issegwi din it-triq pożittiva, u dan ikabbar il-problemi ffaċċjati miż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (‘NEET’) u mit-tfal bi bżonnijiet speċjali; jinnota li dawn il-miżuri jista’ jkollhom implikazzjonijiet prattiċi għall-kwalità tal-edukazzjoni kif ukoll fuq ir-riżorsi materjali u umani disponibbli, id-daqs tal-klassijiet, il-kurrikula u l-konċentrazzjoni tal-iskejjel;
Id-djalogu soċjali
34. Jenfasizza li s-sħab soċjali fil-livell nazzjonali għandhom jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil inizjali tal-programmi; jiddeplora l-fatt li l-programmi mfassla għall-erba’ pajjiżi f’xi każijiet jippermettu li l-impriżi jagħżlu li joħorġu minn ftehimiet ta’ negozjar kollettiv u li jirrevedu l-ftehimiet dwar il-pagi settorjali, li għandu konsegwenzi diretti għall-istruttura u l-valuri tal-arranġamenti ta’ negozjar kollettiv stabbiliti fil-kostituzzjonijiet nazzjonali rispettivi; jinnota li l-Kumitat ta’ Esperti tal-ILO talab li jiġi stabbilit mill-ġdid id-djalogu soċjali; jikkundanna t-tkasbir tal-prinċipju tar-rappreżentazzjoni kollettiva, li jipperikola t-tiġdid awtomatiku tal-ftehimiet ta’ negozjar li, f’xi pajjiżi, huwa importanti, u li minħabba fih l-għadd ta’ ftehimiet kollettivi fis-seħħ naqas b’mod sostanzjali; jikkundanna t-tnaqqis fil-pagi minimi u l-iffriżar tal-pagi minimi nominali; jenfasizza li din is-sitwazzjoni hija l-konsegwenza tal-eżistenza ta’ riformi strutturali limitati li jinvolvu biss id-deregolamentazzjoni tar-relazzjonijiet industrijali u t-tnaqqis fil-pagi, li jmur kontra l-objettivi ġenerali tal-UE u l-politiki tal-istrateġija Ewropa 2020;
35. Jirrimarka li m’hemm ebda soluzzjoni unika li tista’ tiġi applikata b’mod ġenerali fl-Istati Membri kollha;
Rakkomandazzjonijiet
36. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dettaljat tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, u tal-programmi ta’ aġġustament imwettqa b’reazzjoni għaliha fl-erba’ pajjiżi sabiex tipprovdi fehim preċiż tal-effetti fuq l-impjiegi u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali kemm fl-immedjat kif ukoll fit-tul, u fuq l-acquis soċjali Ewropew, b’attenzjoni partikolari għall-ġlieda kontra l-faqar, iż-żamma ta’ djalogu soċjali tajjeb u l-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fir-relazzjonijiet industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-korpi konsultattivi tagħha, kif ukoll il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, fit-tħejjija ta’ dan l-istudju; jissuġġerixxi li l-KESE jintalab iħejji rapport speċifiku;
37. Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-ILO u lill-Kunsill tal-Ewropa jħejju rapporti dwar il-possibbiltà ta’ miżuri korrettivi u inċentivi meħtieġa biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjali f’dawn il-pajjiżi, il-finanzjament tagħhom u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, u biex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-Karta Soċjali Ewropea, mal-Protokoll ta’ magħha u mal-Konvenzjonijiet Ewlenin tal-ILO u l-Konvenzjoni 94 tagħha, peress li l-obbligi li jirriżultaw minnhom ġew affettwati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u mill-miżuri ta’ aġġustament baġitarju u r-riformi strutturali mitluba mit-Trojka;
38. Jistieden lill-UE, fid-dawl tas-sagrifiċċji li għamlu dawn il-pajjiżi, tagħti appoġġ, wara valutazzjoni u b’riżorsi finanzjarji suffiċjenti fejn ikun xieraq, fl-irkupru tal-istandards tal-protezzjoni soċjali, fil-ġlieda kontra l-faqar, fl-appoġġ għas-servizzi edukattivi, b’mod partikolari dawk immirati għal tfal bi bżonnijiet speċjali u persuni b’diżabilità, u fit-tiġdid tad-djalogu soċjali permezz ta’ pjan ta’ rkupru soċjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-Grupp tal-euro jeżaminaw mill-ġdid u, fejn meħtieġ u kemm jista’ jkun malajr, jirrevedu l-miżuri eċċezzjonali li ttieħdu;
39. Jitlob konformità mal-obbligi legali stabbiliti fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u msemmija aktar kmieni, peress li n-nuqqas ta’ konformità jikkostitwixxi ksur tal-liġi primarja tal-UE; jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tevalwa bir-reqqa l-impatt tal-miżuri fuq id-drittijiet tal-bniedem u toħroġ rakkomandazzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-Karta;
40. Jistieden lit-Trojka u lill-Istati Membri kkonċernati jtemmu l-programmi kemm jista’ jkun malajr u jimplimentaw mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-kriżi li jippermettu lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inkluż il-Parlament, jilħqu l-objettiv soċjali u politiċi – anke dawk relatati mad-drittijiet individwali u kollettivi tal-persuni li huma fl-akbar riskju ta’ esklużjoni soċjali – stabbiliti fit-Trattati, fil-ftehimiet mas-sħab soċjali Ewropej u f’obbligi internazzjonali oħra (il-Konvenzjonijiet tal-ILO, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem); jitlob trasparenza u responsabbiltà politika akbar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament;
41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħtu l-istess attenzjoni lill-iżbilanċi soċjali, u lill-korrezzjoni tagħhom, bħalma jagħtu lill-iżbilanċi makroekonomiċi, u jaraw li l-miżuri ta’ aġġustament ifittxu li jiżguraw il-ġustizzja soċjali u jippermettu bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u l-konsolidazzjoni tal-baġit; jistieden, barra minn hekk, liż-żewġ istituzzjonijiet biex jagħtu prijorità lill-ħolqien tal-impjiegi u l-appoġġ lill-intraprenditorija, u, għal dan il-għan, jagħtu l-istess attenzjoni lill-EPSCO u l-prijoritajiet tiegħu bħalma jagħtu lill-ECOFIN u lill-Grupp tal-euro u, meta jkun hemm bżonn, isejħu laqgħa tal-ministri tax-xogħol u tal-affarijiet soċjali tal-Grupp tal-euro qabel is-summits tal-euro;
42. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-infiq fuq is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni mhux bħala nfiq espost għal tnaqqis iżda bħala investiment pubbliku fil-futur tal-pajjiż, li għandu jiġi rispettat u miżjud sabiex jittejjeb l-irkupru ekonomiku u soċjali tiegħu;
43. Jirrakkomanda li ladarba l-agħar mument tal-kriżi finanzjarja għadda, il-pajjiżi tal-programm għandhom, flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, jimplimentaw pjanijiet ta’ rkupru tal-impjiegi biex jirrestawraw l-ekonomiji tagħhom b’mod suffiċjenti biex jirkupraw il-qagħda soċjali tal-perjodu ta’ qabel il-programm, peress li dan huwa neċessarju biex jiġi kkonsolidat l-aġġustament makroekonomiku tagħhom u jiġu ekwilibrati l-iżbilanċi tas-setturi pubbliċi tagħhom, bħalma huma d-dejn u d-defiċit; jenfasizza li għandhom jiġu implimentati pjanijiet ta’ rkupru tal-impjiegi li jqisu:
–
il-ħtieġa li tissewwa malajr is-sistema tal-kreditu, l-aktar għall-SMEs,
–
il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-kumpaniji, biex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fit-tul u b’mod sostenibbli, u li jiġu promossi l-SMEs b’mod partikolari peress li huma jiżvolġu rwol ċentrali fil-ħolqien tal-impjiegi;
–
l-aħjar użu mill-opportunitajiet offruti mill-fondi strutturali tal-UE, b’mod speċjali l-FSE,
–
politika tal-impjiegi reali b’politiki attivi fis-suq tax-xogħol,
–
servizzi pubbliċi tal-impjiegi ta’ kwalità u Ewropej, politika li tgħolli l-pagi,
–
garanzija Ewropea ta’ xogħol għaż-żgħażagħ;
–
il-ħtieġa li jiġi żgurat impatt distributtiv ġust, u
–
programm għall-familji bla impjieg u, fl-aħħar, ġestjoni fiskali aktar attenta;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar il-progress magħmul lejn il-miri ta’ Ewropa 2020, b’attenzjoni speċifika għan-nuqqas ta’ progress fil-pajjiżi tal-programm, u tressaq proposti biex dawn il-pajjiżi jitpoġġew fuq triq kredibbli lejn il-miri kollha ta’ Ewropa 2020;
45. Jirrakkomanda li r-riformi futuri tal-Istati Membri fil-qasam tax-xogħol iqisu l-kriterji tal-flessigurtà biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji mogħtija fl-Istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jqisu elementi oħra bħall-ispejjeż tal-enerġija, il-kompetizzjoni inġutsa, id-dumping soċjali, sistema finanzjarja ġusta u effiċjenti, politiki fiskali favur it-tkabbir u l-impjiegi, u, b’mod ġenerali, dak kollu li jgħin lill-ekonomija reali u l-intraprenditorija jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt soċjali qabel ma timponi riformi kbar fil-pajjiżi tal-programm, u tikkunsidra l-effetti sekondarji ta’ dawn il-miżuri, bħall-effett fuq il-faqar, l-esklużjoni soċjali, ir-rati ta’ kriminalità u l-ksenofobija;
46. Jitlob miżuri urġenti għall-prevenzjoni taż-żieda ta’ persuni bla dar fil-pajjiżi tal-programm, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja dan permezz ta’ analiżi tal-politika u l-promozzjoni ta’ prattiki tajbin;
47. Jinnota li skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament qabel l-1 ta’ Jannar 2014 dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rapport mingħajr dewmien u tinkludi l-implikazzjonijiet ta’ dan ir-regolament għall-programmi ta’ aġġustament ekonomiku attwali;
48. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsultaw mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u korpi professjonali dwar miżuri futuri relatati mas-saħħa fil-programmi ta’ aġġustament, u jagħmlu użu mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, sabiex jiġi żgurat li r-riformi jżidu l-effiċjenza tas-sistemi u r-riżorsi mingħajr ma jipperikolaw l-aktar gruppi vulnerabbli u l-protezzjoni soċjali l-aktar importanti, inklużi l-akkwist u l-użu tal-mediċini, l-aktar ħtiġijiet bażiċi u l-kunsiderazzjoni tal-persunal tas-saħħa;
o o o
49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.