Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0263/2014

Dibattiti :

PV 12/03/2014 - 6
CRE 12/03/2014 - 6

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.12
CRE 13/03/2014 - 14.12

Testi adottati :

P7_TA(2014)0248

Testi adottati
PDF 234kWORD 75k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
L-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja
P7_TA(2014)0248RC-B7-0263/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja (2014/2627(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, u b'riferiment partikolari għal dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tat-3 ta' Marzu 2014 tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana tal-4 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina insegwitu tal-laqgħa straordinarja tas-6 ta' Marzu 2014 tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,

A.  billi l-att ta' aggressjoni tar-Russja li kkonsista fl-invażjoni tal-Krimea jikkostitwixxi vjolazzjoni tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina, u jmur kontra d-dritt internazzjonali u jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tar-Russja bħala firmatarja tal-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà għall-Ukraina, fejn hija ggarantiet ir-rispett tal-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukraina;

B.  billi tiraturi pro-Russja u suldati Russi ħatfu binjiet essenzjali fil-kapitali tal-Krimea, Simferopol, kif ukoll installazzjonijiet Ukraini importanti u objettivi strateġiċi fil-Krimea, inklużi mill-inqas tliet ajruporti; billi l-parti l-kbira tal-unitajiet militari Ukraini fil-peniżola ġew iċċikundati iżda rrifjutaw li jċedu l-armi; billi mill-bidu tal-kriżi 'l hawn fl-Ukraina ġew skjerati numri sostanzjali ta' truppi Russi addizzjonali;

C.  billi l-argumenti ppreżentati mit-tmexxija Russa insostenn ta' din l-aggressjoni huma għalkollox infondati u bla ebda relazzjoni mar-realtà fil-post, peress li ma kien hemm l-ebda każ ta' attakki jew ta' intimidazzjoni fuq Russi jew ċittadini ta' etniċità Russa fil-Krimea;

D.  billi l-awtoritajiet awtoproklamati u illeġittimi tal-Krimea ddeċiedew fis-6 ta' Marzu 2014 li jitolbu lir-Russja tinkorpora lill-Krimea fil-Federazzjoni Russa u sejħu referendum għas-16 ta' Marzu 2014 dwar is-seċessjoni tal-Krimea mill-Ukraina, u b'hekk kisru l-kostituzzjonijiet kemm tal-Ukraina kif ukoll tal-Krimea;

E.  billi l-Prim Ministru Russu ħabbar pjanijiet għall-applikazzjoni malajr ta' proċeduri biex il-persuni ta' lsien Russu f'pajjiżi barranin jiksbu ċ-ċittadinanza Russa;

F.  billi fl-1 ta' Marzu 2014 il-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa awtorizza l-iskjerament tal-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina biex jipproteġi l-interessi tar-Russja u tal-persuni ta' lsien Russu fil-Krimea u fil-pajjiż kollu;

G.  billi hemm il-ħtieġa ta' azzjoni diplomatika internazzjonali qawwija fil-livelli kollha u ta' proċess negozjat bil-għan li titnaqqas l-intensità tas-sitwazzjoni, jittaffew it-tensjonijiet, jiġi pprevenut li l-kriżi tkompli tikber bla kontroll u jinkiseb eżitu paċifiku; billi jeħtieġ li l-UE tirreaġixxi b'mod effikaċi ħalli tippermetti lill-Ukraina teżerċita bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha ħielsa minn pressjoni esterna;

H.  billi t-28 Prim Ministru u Kap ta' Stat tal-UE ħarġu twissija b'saħħitha fir-rigward tal-implikazzjonijiet tal-azzjonijiet tar-Russja u ddeċidew li jissospendu t-taħdidiet bilaterali mar-Russja dwar kwistjonijiet ta' viża u n-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni ġdid u li jissospendu l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fit-tħejjijiet għas-Summit tal-G8 li għandu jseħħ f'Sochi f'Ġunju 2014;

1.  Jikkundanna bis-saħħa l-att ta' aggressjoni tar-Russja li kkonsista fl-invażjoni tal-Krimea, li hija parti inseparabbli mill-Ukraina u rikonoxxuta bħala tali mill-Federazzjoni Russa u mill-komunità internazzjonali; jitlob it-tnaqqis immedjat tal-intensità tal-kriżi, bl-irtirar minnufih tal-forzi militari kollha preżenti illegalment fit-territorju Ukrain, u jħeġġeġ ir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u tal-obbligi fis-seħħ imposti minn konvenzjonijiet;

2.  Ifakkar li dawn l-azzjonijiet imorru b'mod ċar kontra l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà tal-1994, it-Trattat Bilaterali dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija tal-1997, il-Ftehim dwar l-Istatus u l-Kundizzjonijiet tal-Preżenza tal-Flotta Russa tal-Baħar Iswed fit-Territorju tal-Ukraina tal-1997 u l-obbligi internazzjonali tar-Russja; iqis li l-atti meħuda mir-Russja jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà tal-UE; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li ma tattendix il-laqgħa dwar is-sigurtà tal-Ukraina li ssejħet mill-firmatarji tal-memorandum u li kienet skedata għall-5 ta' Marzu 2014 f'Pariġi;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-integrità territorjali tal-Ukraina kienet iggarantita mir-Russja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit fil-Memorandum ta' Budapest iffirmat mal-Ukraina, u jirrimarka li skont il-kostituzzjoni tal-Ukraina, ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea tista' torganizza referenda fuq kwistjonijiet lokali biss u mhux fuq it-tibdil tal-fruntieri rikonoxxuti fil-livell internazzjonali tal-Ukraina; jenfasizza li referendum dwar il-kwistjoni tal-adeżjoni mal-Federazzjoni Russa għalhekk se jitqies bħala illeġittimu u illegali, bħal kull referendum ieħor li jmur kontra l-kostituzzjoni tal-Ukraina u d-dritt internazzjonali; huwa tal-istess fehma fir-rigward tad-deċiżjoni min-naħa tal-awtoritajiet illeġittimi u awtoproklamati tal-Krimea li jiddikjaraw l-indipendenza fil-11 ta' Marzu 2014;

4.  Jenfasizza l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha jinteraġixxu mar-Russja b'vuċi waħda u jappoġġaw id-dritt ta' Ukraina magħquda li tiddetermina l-futur tagħha b'mod ħieles; jilqa', għaldaqstant, u jappoġġa bil-qawwa, id-dikjarazzjoni konġunta tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014 li kkundannat l-atti ta' aggressjoni tar-Russja u appoġġat l-integrità territorjali, l-unità, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina; jappella għal kooperazzjoni trans-Atlantika mill-qrib fir-rigward tal-passi li għandhom jittieħdu biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi;

5.  Jikkundanna bħala li tmur kontra d-dritt internazzjonali u l-kodiċi ta' mġiba d-duttrina Russa li skontha l-Kremlin jippretendi d-dritt ta' intervenzjoni bil-forza fl-Istati sovrani ġirien biex 'jipproteġi' s-sigurtà tal-kompatrijoti Russi li jgħixu fihom; jirrimarka li din id-duttrina hija ekwivalenti għall-ħtif unilaterali tal-pożizzjoni tal-ogħla arbitru tad-dritt internazzjonali, u ntużat bħala ġustifikazzjoni għal bosta atti ta' intervent politiku, ekonomiku u militari;

6.  Ifakkar li fir-referendum għall-indipendenza li sar mal-pajjiż kollu fl-Ukraina fl-1991, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-Krimea vvotat favur l-indipendenza;

7.  Jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li l-ħolqien ta' djalogu kostruttiv hu l-aħjar triq 'il quddiem għas-soluzzjoni ta' kwalunkwe kunflitt u għall-istabbiltà fuq il-perjodu twil fl-Ukraina; ifaħħar il-ġestjoni responsabbli, meqjusa u kontrollata mill-Gvern Ukrain ta' din il-kriżi gravi, li qed thedded l-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż; jappella lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa b'mod determinat u ssostni lill-Ukraina;

8.  Jiċħad l-objettiv iddikjarat mir-Russja li tipproteġi l-parti tal-popolazzjoni tal-Krimea li hija ta' lsien Russu u jqis dan l-objettiv kompletament infondat, peress li din ma ħabbtitx wiċċha – u mhux qed tħabbat wiċċha – ma' xi tip ta' diskriminazzjoni; jiċħad bil-qawwa d-defamazzjoni tad-demostranti kontra l-politika ta' Yanukovych li ssejħu faxxisti mill-propoganda Russa;

9.  Jappella għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi kurrenti u r-rispett sħiħ tal-prinċipji u l-obbligi previsti mid-dritt internazzjonali huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni trid tiġi kontenuta u li trid titnaqqas aktar l-intensità tagħha bil-ħsieb li tiġi evitata konfrontazzjoni militari fil-Krimea;

10.  Jissottolinja l-importanza assoluta tal-osservazzjoni u l-medjazzjoni internazzjonali; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jkunu lesti jeżawrixxu kull triq diplomatika u politika possibbli u jaħdmu mingħajr waqfien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha, bħan-NU, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiżguraw soluzzjoni paċifika, li trid tkun ibbażata fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jitlob, għalhekk, l-iskjerament ta' missjoni ta' osservazzjoni kompleta tal-OSKE fil-Krimea;

11.  Jilqa' l-inizjattiva meħuda għat-twaqqif ta' Grupp ta' Kuntatt taħt l-awspiċji tal-OSKE, iżda jiddispjaċih dwar il-fatt li gruppi armati xekklu d-dħul fil-Krimea tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE fis-6 ta' Marzu 2014; jikkritika lill-awtoritajiet awtoproklamati Russi u dawk tal-Krimea talli ma kkooperawx mal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE jew talli ma tawx lill-membri tagħha aċċess sħiħ u sigur għar-reġjun;

12.  Jiddeplora l-fatt li l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Krimea kellu jwaqqaf il-missjoni tiegħu qabel iż-żmien insegwitu ta' theddid vjolenti fil-konfront tiegħu;

13.  Hu tal-fehma li ċerti aspetti tal-ftehim tal-21 ta' Frar 2014, kif negozjat minn tliet ministri għall-affarijiet barranin f'isem l-UE, iżda miksur minn Yanuovych, li naqas milli jirrispettah billi ffirma liġi kostituzzjonali ġdida, għad jistgħu jkunu utli għall-ħruġ minn dan l-impass; hu tal-fehma, madankollu, li ħadd ma jista' jinnegozja u/jew jaċċetta soluzzjonijiet li jippreġudikaw is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, u jafferma mill-ġdid id-dritt fundamentali tal-poplu Ukrain li jiddetermina b'mod ħieles il-futur ta' pajjiżu;

14.  Jinnota bi tħassib kbir ir-rapporti dwar persuni armati li qed jimmarkaw id-djar tat-Tatari Ukraini fiż-żoni tal-Krimea fejn it-Tatari u r-Russi jgħixu flimkien; jinnota li t-Tatari tal-Krimea, li rritornaw f'art twelidhom insegwitu tal-indipendenza tal-Ukraina, wara li ġew diportati minn Stalin, ilhom jitolbu lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-integrità territorjali tal-Ukraina u biex jintlaħaq ftehim legali u politiku komprensiv dwar ir-restawr tad-drittijiet tagħhom bħala poplu indiġenu tal-Krimea; jitlob lill-komunità internazzjonali, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jipproteġu d-drittijiet ta' din il-komunità minoritarja u ta' ta' kwalunkwe komunità minoritarja oħra fil-peniżola tal-Krimea; jitlob investigazzjoni sħiħa fir-rigward tal-intimidazzjoni tal-Lhud u l-attakki fuq is-siti reliġjużi Lhudin insegwitu tal-invażjoni tal-Krimea;

15.  Jilqa' l-impenn tal-Gvern tal-Ukraina li jimplimenta aġenda ta' riforma ambizzjuża li tinkludi bidla politika, ekonomika u soċjali; jilqa', għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti lill-Ukraina pakkett ta' għajnuna finanzjarja u appoġġ fuq perjodu qasir u medju b'valur ta' EUR 11-il biljun ħalli tgħinha tistabbilizza s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż; jistenna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jressqu malajr kemm jista' jkun, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Ewropew tal-Investiment u pajjiżi oħra, pakkett fuq perjodu twil ta' appoġġ finanzjarju robust biex jgħin lill-Ukraina tindirizza s-sitwazzjoni ekonomika u socjali tagħha li qed tmur għall-agħar u biex jipprovdi appoġġ ekonomiku ħalli tvara r-riformi profondi u komprensivi meħtieġa tal-ekonomija Ukraina; ifakkar il-bżonn li tiġi organizzata u koordinata konferenza internazzjonali tad-donaturi, li għandha tissejjaħ mill-Kummissjoni u sseħħ kemm jista' jkun malajr; jitlob lill-Fond Monetarju Internazzjonali jevita li jimponi miżuri ta' awsterità insostenibbli li jkomplu jiggravaw is-sitwazzjoni soċjoekonomika diġà diffiċli tal-pajjiż;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja, biex jipprovdu, flimkien mal-assistenza finanzjarja, assistenza teknika fir-rigward tar-riforma kostituzzjonali, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ukraina; jittama riżultati pożittivi f'dan ir-rigward u jenfasizza li l-Maidan u l-Ukraini kollha qed jistennew bidla radikali u sistema ta' governanza xierqa;

17.  Jitlob elezzjonijiet ħielsa, ġusti, trasparenti u mifruxin mal-pajjiż kollu bl-osservazzjoni tal-OSKE-ODHIR u jtenni li lest joħloq missjoni proprja bl-istess għan; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iħeġġu livelli għolja ta' parteċipazzjoni ta' votanti fl-elezzjonijiet presidenzjali, inkluż fil-partijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-pajjiż; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Ukraini biex iwettqu dawn l-elezzjonijiet parlamentari bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u jappoġġa l-adozzjoni ta' sistema ta' votazzjoni proporzjonali li għandha tiffaċilita r-rappreżentanza xierqa taċ-ċirkostanzi lokali fil-pajjiż; jenfasizza l-importanza tal-parlament u tal-membri tiegħu, kemm fil-livell ċentrali u kemm f'dak lokali, li jirrispetta l-istat tad-dritt;

18.  Jistieden lill-Ukraina ma ċċedix għall-pressjonili qed tiffaċċja biex tipposponi l-elezzjonijiet presidenzjali previsti għall-25 ta' Mejju 2014;

19.  Jappella għal Gvern tal-Ukraina b'bażi wiesgħa u kemm jista' jkun inklużiv sabiex jimminimizza r-riskju ta' tfaċċar mill-ġdid tal-vjolenza u ta' frammentazzjoni territorjali; iwissi bil-qawwa lir-Russja kontra azzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal polarizzazzjoni qawwija fuq linji etniċi jew lingwistiċi; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, f'konformità mal-istandards internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-Ukraini ta lsien Russu, ikunu protetti u rispettati bis-sħiħ, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-OSKE u mal-Kunsill tal-Ewropa; itenni t-talba tiegħu għal reġim lingwistiku mifrux ħafna b'appoġġ għal-lingwi minoritarji kollha;

20.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Aġent President li jbarri l-att immirat li jirrevoka l-Liġi dwar il-Politika tal-Lingwi tat-3 ta' Lulju 2012; ifakkar li f'kull każ din il-liġi ma' tapplikax għall-Krimea; jistieden lill-Verkhovna Rada biex eventwalment tirriforma l-leġiżlazzjoni fis-seħħ u b'hekk iġġibha konformi mal-obbligi tal-Ukraina imposti mill-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;

21.  Jilqa' r-rieda tat-28 Kap ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE li jiffirmaw il-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) malajr kemm jista' jkun u qabel l-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta' Mejju 2014 u li jadottaw miżuri unilaterali, bħal tnaqqis fit-tariffi għall-esportazzjonijiet Ukraini lejn l-UE, li jippermetti lill-Ukraina tgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), kif propost mill-Kummissjoni fil-11 ta' Marzu 2014; jirrimarka li l-UE hija lesta tiffirma l-FA/DCFTA kemm jista' jkun malajr, u malli l-Gvern Ukrain ikun lest jieħu dan il-pass; jinsisti fuq sinjali ċari li juru lir-Russja li ma hemm xejn f'dan il-ftehim li jipperikola jew jippreġudika r-relazzjonijiet futuri ta' kooperazzjoni bilaterali fil-qasam politiku u ekonomiku bejn l-Ukraina u r-Russja; jirrimarka, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir Membru tal-Unjoni, dejjem jekk taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt;

22.  Ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-esportazzjoni ta’ armi u teknoloġija militari tista’ tipperikola l-istabbiltà u l-paċi tar-reġjun kollu kemm hu, u għandha tintemm; jiddeplora profondament il-fatt li Stati Membri tal-UE esportaw b'mod estensiv armi u teknoloġija militari lejn ir-Russja, inklużi kapaċitajiet konvenzjonali strateġiċi maġġuri;

23.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2014 dwar l-ewwel għadd ta' miżuri mmirati fil-konfront tar-Russja, bħas-sospensjoni ta' diskussjonijiet bilaterali dwar kwistjonijiet tal-viża u l-Ftehim il-Ġdid, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE li jissospendu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-Summit tal-G8 f'Sochi; iwissi, madankollu, li fin-nuqqas ta' tnaqqis fl-intensità tat-tensjonijiet jew ta' żieda ulterjuri fl-intensità tat-tensjonijiet fir-rigward tal-annessjoni tal-Krimea, l-UE għandha tieħu malajr miżuri adegwati, li għandhom jinkludu embargo fuq l-armi u t-teknoloġija ta' użu doppju, restrizzjonijiet fuq il-viża u l-iffriżar tal-assi, l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus fil-konfront ta' individwi involuti fil-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-invażjoni tal-Ukraina, miżuri kontra l-kumpaniji Russi u s-sussidjarji tagħhom sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi tal-UE, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija, u jkollhom konsegwenzi għar-rabtiet politiċi u ekonomiċi mar-Russja;

24.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni parlamentari stabbilita bejn il-Parlament Ewropew u d-Duma Statali Russa u l-Kunsill tal-Federazzjoni ma tistax titmexxa bl-istess mod kif kienet titmexxa qabel;

25.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta sanzjonijiet fil-konfront ta' 18-il individwu, inkluż Yanukovych, iffokati fuq l-iffriżar u l-irkupru ta' fondi Ukraini miżapproprjati;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tappoġġa l-proġetti fil-Kuritur tan-Nofsinhar li b’mod effettiv jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija, u jħeġġeġ lill-Istati Membri ma jinvolvux lill-kumpaniji pubbliċi tagħhom fi proġetti ma’ kumpaniji Russi li jżidu l-vulnerabilità Ewropea;

27.  Jenfasizza l-importanza ta' provvista ta' enerġija sikura, diversifikata u ekonomikament sostenibbli għall-Ukraina; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li tagħha l-Ukraina għandha l-presidenza fl-2014, u l-importanza tat-tisħiħ tar-reżistenza tal-Ukraina fil-konfront tat-theddid tar-Russja fl-ambitu tal-enerġija; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' ħażna tal-UE u li jiġi provdut fluss invers mill-Istati Membri tal-UE għall-Ukraina; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi modernizzata s-Sistema ta' Tranżitu tal-Gass tal-Ukraina u li tgħinha fil-pagament tad-dejn lil Gazprom; jenfasizza l-bżonn urġenti li jsir aktar progress għall-ilħiq ta' politika komuni dwar is-sigurtà tal-enerġija b'suq intern b'saħħtu u provvista tal-enerġija diversifikata, u li jsir xogħol fuq l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija, biex b'hekk l-UE tkun inqas dipendenti miż-żejt u l-gass Russu;

28.  Jistieden lill-Kunsill jawtorizza immedjatament ill-Kummissjoni tħaffef il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Ukraina, sabiex tiġi avvjata l-introduzzjoni ta' reġim mingħajr viża, fuq il-linja tal-Moldova; jappella, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri ta' għoti ta' viżi temporanji, sempliċi ħafna u rħas fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

29.  Jemmen bil-qawwa li l-avvenimenti fl-Ukraina jenfasizzaw il-bżonn li l-UE tirdoppja l-impenn u l-appoġġ tagħha għall-għażla Ewropea u għall-integrità territorjali tal-Moldova u tal-Ġeorġja hekk kif dawn qed iħejju biex jiffirmaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA mal-UE, aktar tard din is-sena;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0170
(2) Texts adopted, P7_TA(2013)0595.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0101.

Avviż legali - Politika tal-privatezza