Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2130(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0120/2014

Testi mressqa :

A7-0120/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.13
CRE 13/03/2014 - 14.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0249

Testi adottati
PDF 427kWORD 135k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew
P7_TA(2014)0249A7-0120/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew (2013/2130(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(2), u tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u difiża(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7–0120/2014),

A.  billi t-Trattat ta' Lisbona japprofondixxi l-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea billi jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-proċedura li twassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u għall-investitura tal-Kummissjoni Ewropea;

B.  billi, skont il-proċedura l-ġdida għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea li jipprovdi għaliha t-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea b'maġġoranza tal-membri kollha tiegħu;

C.  billi t-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi li l-Kunsill Ewropew għandu jqis ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u għandu jikkonsulta l-Parlament il-ġdid qabel ma jipproponi kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea;

D.  billi kull wieħed mill-partiti politiċi Ewropej ewlenin jinsab fil-proċess li jinnomina l-kandidat tiegħu proprju għall-Presidenza tal-Kummissjoni;

E.  billi l-President elett tal-Kummissjoni l-ġdida għandu jagħmel użu sħiħ mill-prerogattivi mogħtija lilu fit-Trattat ta’ Lisbona u jieħu l-passi kollha xierqa biex jiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-Kummissjoni li jmiss minkejja d-daqs tagħha, li, minħabba d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew, mhux se jonqos kif previst fit-Trattat ta’ Lisbona;

F.  billi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni lejn il-Parlament għandha tissaħħaħ permezz tal-ipprogrammar annwali u pluriennali tal-Unjoni kif ukoll billi tinħoloq simmetrija bejn il-maġġoranzi meħtieġa għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni u għall-mozzjoni ta’ ċensura;

G.  billi r-rwol tal-Parlament bħala dak li jistabbilixxi l-aġenda f’materji leġiżlattivi jeħtieġ jissaħħaħ u billi għandu jiġi implimentat b’mod sħiħ il-prinċipju li fil-materji leġiżlattivi l-Parlament u l-Kunsill jaġixxu fuq bażi ta’ ugwaljanza, li huwa mnaqqax fit-Trattat ta’ Lisbona;

H.  billi, fl-okkażjoni tal-investitura tal-Kummissjoni l-ġdida, il-ftehimiet interistituzzjonali eżistenti għandhom jiġu riveduti u mtejba;

I.   billi l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (Rappreżentant Għoli) għandu jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u tal-politika ta' sigurtà u difiża komuni, u jinfurmah bl-evoluzzjoni ta' dawn il-politiki; ir-Rappreżentant Għoli għandu jassigura li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut;

J.  billi d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli dwar ir-Responsabbiltà Politika(7), li saret mal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-SEAE, tiddikjara li r-Rappreżentant Għoli għandha teżamina mill-ġdid u fejn meħtieġ tipproponi li jiġu aġġustati d-dispożizzjonijiet eżistenti(8) dwar l-aċċess għall-Membri tal-Parlament Ewropew għal dokumenti u informazzjoni klassifikati fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u difiża;

K.   billi l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura għan-negozjar u għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali u billi dik id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-ftehimiet relatati mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni;

Leġittimità u responsabbiltà politika tal-Kummissjoni

(Investitura u tneħħija tal-Kummissjoni)

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu il-leġittimità demokratika, l-indipendenza u r-rwol politiku tal-Kummissjoni; jistqarr li l-proċedura l-ġdida fejn il-President tal-Kummissjoni jiġi elett mill-Parlament se ssaħħaħ il-leġittimità u r-rwol politiku tal-Kummissjoni u tagħmel l-elezzjonijiet Ewropej aktar importanti, billi torbot b’mod aktar dirett l-għażla tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni;

2.  Jenfasizza li l-potenzjalitajiet għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea pprovduti mit-Trattat ta' Lisbona għandhom jiġu implimentati b'mod sħiħ, inter alia permezz tal-ħatra ta' kandidati għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni mill-partiti politiċi Ewropej, u b'hekk l-elezzjonijiet Ewropej jingħataw dimensjoni politika ġdida u jgħaqqdu aktar mill-qrib il-vot taċ-ċittadini mal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew;

3.  Iħeġġeġ il-Konvenzjoni li jmiss tikkunsidra l-mod li bih tiġi ffurmata l-Kummissjoni bil-għan li ssaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Kummissjoni; Iħeġġeġ lill-President tal-Kummissjoni li jmiss jikkunsidra b'liema mod il-kompożizzjoni, il-kostruzzjoni u l-prijoritajiet ta' politiċi se jsaħħu politika ta’ qorbien lejn iċ-ċittadini;

4.  Jafferma mill-ġdid li l-partiti politiċi Ewropej għandhom jaħtru l-kandidati tagħhom għal President tal-Kummissjoni kmieni biżżejjed qabel id-data skedata għall-elezzjonijiet Ewropej;

5.  Jistenna li l-kandidati għal President tal-Kummissjoni jkollhom rwol sinifikanti fil-kampanja għall-elezzjonijiet Ewropej, billi jxerrdu u jippromwovu fl-Istati Membri kollha l-programm politiku tal-partit politiku Ewropew tagħhom;

6.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill Ewropew biex jiċċara, fi żmien xieraq u qabel l-elezzjonijiet, kif ser iqis l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jonora l-għażla taċ-ċittadini meta jressaq kandidat għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni, fil-qafas tal-konsultazzjonijiet li għandhom isiru bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew taħt id-Dikjarazzjoni 11 annessa mat-Trattat ta’ Lisbona; f'dan il-kuntest, jerġa' jistieden lill-Kunsill Ewropew jiftiehem mal-Parlament Ewropew dwar l-arranġamenti għall-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(7) tat-TUE u jiggarantixxi l-funzjonament bla tfixkil tal-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, kif provdut fid-Dikjarazzjoni 11 tal-Artikolu 17(6) u 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

7.  Jitlob li għadd kbir kemm jista’ jkun mill-Membri tal-Kummissjoni l-ġdida jintgħażlu minn fost il-Membri eletti tal-Parlament Ewropew;

8.  Jesprimi l-opinjoni li l-President elett tal-Kummissjoni għandu jaġixxi b’mod iżjed awtonomu fil-proċess tal-għażla tal-Membri l-oħra tal-Kummissjoni; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jagħmlu proposti bbilanċjati mil-lat tas-sessi rigward il-kandidati; iħeġġeġ lill-President elett tal-Kummissjoni jinsisti mal-gvernijiet tal-Istati Membri li l-kandidati għall-kariga ta' Kummissarju għandhom iħalluh ikun jista’ jibni kulleġġ tal-Kummissarji bbilinċjat mil-lat tas-sessi, u għandhom jippermettulu li jirrifjuta kwalunkwe kandidat propost li jonqos milli juri kompetenza ġenerali, impenn Ewropew u indipendenza li tmur lilhinn minn kull dubju;

9.  Jesprimi l-fehma, wara l-qbil politiku li ntlaħaq fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-11 u tat-12 ta' Diċembru 2008 u wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 dwar in-numru ta' Membri tal-Kummissjoni Ewropea, li għandhom jiġu previsti miżuri addizjonali, bħall-ħatra ta’ Kummissarji mingħajr portafoll jew l-istabbiliment ta' sistema ta' Viċi Presidenti tal-Kummissjoni li jkollhom responsabilitajiet ta’ raggruppamenti tematiċi maġġuri u li jkollhom il-kompetenzi biex jikkorrdinaw ix-xogħol tal-Kummissjoni fl-oqsma korrispondenti, għall-funzjonament aktar effettiv tal-Kummissjoni, mingħajr ħsara għad-dritt li jinħatar Kummissarju għal kull Stat Membru u għad-dritt tal-vot tal-Kummissarji;

10.  Jistieden lill-Konvenzjoni li jmiss tikkunsidra mill-ġdid il-kwistjoni tad-daqs tal-Kummissjoni, kif ukoll dik tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tagħha;

11.  Jikkunsidra li l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura l-istabbiltà fin-numru u fil-kontenut tal-portafolli u fl-istess waqt tiggarantixxi proċess ibbilanċjat tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

12.  Jenfasizza li, kif imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, il-kandidat għal President tal-Kummissjoni għandu jintalab jippreżenta lill-Parlament Ewropew, wara n-nomina tiegħu mill-Kunsill Ewropew, il-linji gwida politiċi għall-mandat tiegħu, segwiti minn skambju komprensiv ta’ fehmiet, qabel ma l-Parlament jeleġġi l-kandidat propost għal President tal-Kummissjoni;

13.  Iħeġġeġ lill-President innominat futur tal-Kummissjoni jikkunsidra kif dovut il-proposti u r-rakkomandazzjonijiet għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li kienu saru qabel mill-Parlament abbażi ta’ rapporti magħmula fuq inizjattiva proprja jew riżoluzzjonijiet li rċevew l-appoġġ ta’ maġġoranza kbira tal-Membri tal-Parlament Ewropew u li l-Kummissjoni ta’ qabel ma kinitx segwiet b’mod sodisfaċenti sal-aħħar tal-mandat tagħha;

14.  Jikkunsidra li, f’reviżjoni futura tat-Trattati, il-maġġoranza li bħalissa hija meħtieġa taħt l-Artikolu 234 tat-TFUE għal mozzjoni ta’ ċensura kontra l-Kummissjoni għandha titnaqqas sabiex tkun teħtieġ biss maġġoranza tal-Membri li jiffurmaw il-Parlament Ewropew, mingħajr ma jitpoġġa f'riskju l-funzjonament tal-istituzzjonijiet;

15.  Jikkunsidra li minkejja r-reponsabbiltà kollettiva tal-kulleġġ għall-azzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissarji individwali jistgħu jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tad-Direttorat Ġenerali tagħhom;

Inizjattiva u attività leġiżlattivi

(Kompetenza u skrutinju parlamentari)

16.  Jenfasizza li t-Trattat ta' Lisbona kien maħsub bħala pass 'il quddiem fl-iżgurar li l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet ikunu aktar trasparenti u demokratiċi, li jirriflettu l-impenn tat-Trattat għal unjoni eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod miftuħ kemm jista' jkun u mill-qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadin, billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, u b'hekk ikun hemm proċeduri aktar demokratiċi u trasparenti għall-adozzjoni ta' atti tal-Unjoni, li huma essenzjali fid-dawl tal-impatt li dawn l-atti għandhom fuq iċ-ċittadini u n-negozji; jirrimarka, madankollu, li l-ilħiq ta' dan il-għan demokratiku jiddgħajjef jekk l-istituzzjonijiet tal-UE ma jirrispettawx il-kompetenzi ta' xulxin, il-proċeduri stabbiliti fit-Trattati u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura leġiżlattiva fir-rigward tal-iskambju ta' dokumenti, bħalma huma opinjonijiet legali, sabiex ikun jista’ jsir djalogu kostruttiv, sinċier u legalment validu bejn l-istituzzjonijiet;

18.  Josserva li, mindu daħal fis-seħħ it-TFUE, il-Parlament wera li huwa koleġiżlatur impenjat u responsabbli, u li l-interazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni kienet, kumplessivament, waħda pożittiva u msejsa fuq komunikazzjoni fluwida u approċċ ta' kooperazzjoni;

19.  Huwa tal-fehma li, filwaqt li l-valutazzjoni generali tar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni hija waħda pożittiva, għad hemm numru ta’ kwistjonijiet u nuqqasijiet, li jirrikjedu iżjed attenzjoni u azzjonijiet;

20.  Jenfasizza li l-ispinta għall-effiċjenza m’għandhiex tfisser inqas kwalità ta’ leġiżlazzjoni jew li jiġu ċeduti l-objettivi proprji tal-Parlament; huwa tal-fehma li, flimkien mal-ispinta għall-effiċjenza, il-Parlament għandu jżomm standards leġiżlattivi xierqa u jkompli jsegwi l-objettivi tiegħu proprji, filwaqt li jiżgura li l-leġiżlazzjoni hija mfassla b'mod tajjeb, twieġeb għal ħtiġijiet identifikati b'mod ċar u hija konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

21.  Jenfasizza li l-isfida tat-trasparenza hija preżenti dejjem u hija komuni għall-istituzzjonijiet kollha, speċjalment fil-ftehimiet fl-ewwel qari tagħhom; jinnota li l-Parlament irrisponda għal din l-isfida b'mod xieraq billi adotta l-Artikoli l-ġodda 70 u 70a tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;

22.  Jinsab imħasseb dwar il-problemi li għadhom jeżistu fl-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b’mod speċjali fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (il-"Programm ta' Stokkolma") kif ukoll fl-allinjament tal-atti ta’ dak li qabel kien it-Tielet Pilastru mal-ġerarkija tan-normi tat-Trattat ta’ Lisbona u b’mod ġenerali fir-rigward tal-‘asimmetrija’ kontinwa fir-rigward tat-trasparenza tal-involviment tal-Kummissjoni fil-ħidma preparatorja taż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza tal-metodi ta’ ħidma tal-Kunsill li qed jiġu adattati sabiex jagħmluha possibbli għar-rappreżentanti tal-Parlament biex jipparteċipaw f’uħud mil-laqgħat tiegħu meta dan ikun ġustifikat kif dovut taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera reċiproka bejn l-istituzzjonijiet;

23.  Jindika li l-għażla ta' bażi ġuridika korretta, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hi kwistjoni ta' natura kostituzzjonali, għax tiddetermina l-eżistenza u l-livell ta' kompetenza tal-UE, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kompetenzi rispettivi tal-atturi istituzzjonali involuti fl-adozzjoni ta' att; jiddispjaċih, għaldaqstant, għall-fatt li l-Parlament kellu b'mod ripetut jagħmel kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-annullament ta' atti adottati mill-Kunsill minħabba l-għażla ta' bażi ġuridika, inkluż kontra żewġ atti li ġew adottati fl-ambitu tat-‘tielet pilastru’, li żmienu għadda, ħafna wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(9);

24.  Iwissi kontra li d-dritt ta' leġiferazzjoni tal-Parlament jiġi evitat billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet li għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-proposti għal atti tal-Kunsill, billi jintużaw sempliċi linji gwida tal-Kummissjoni jew atti ta' implimentazzjoni jew delegati mhux applikabbli jew billi tonqos milli tiġi proposta l-leġiżlazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni jew tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment internazzjonali;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu aħjar mill-fażi pre-leġiżlattiva, b’mod partikolari tal-kontribut utli miġbur abbażi tal-Green u l-White Papers, u tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew bil-ħidma preparatorja mwettqa mis-servizzi tagħha, fuq bażi ugwali mal-Kunsill;

26.  Jesprimi l-fehma li l-Parlament għandu jiżviluppa aktar l-istruttura awtonoma tiegħu u jagħmel użu sħiħ tagħha għall-valutazzjoni tal-impatt ta’ kwalunkwe bidliet jew modifiki sostanzjali fil-proposta oriġinali sottomessa mill-Kummissjoni;

27.  Jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu wkoll isaħħaħ il-valutazzjoni awtonoma tiegħu tal-impatt li għandhom fuq id-drittijiet fundamentali l-proposti leġiżlattivi u l-emendi li jkunu qed jiġu kkunsidrati bħala parti mill-proċess leġiżlattiv u jistabbilixxi mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

28.  Jiddeplora l-fatt li filwaqt li l-Kummissjoni qiegħda formalment twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha billi twieġeb fi żmien tliet xhur għat-talbiet tal-Parlament għal inizjattivi leġiżlattivi , mhux dejjem ipproponiet azzjoni ta’ segwitu reali u sostanzjali;

29.  Jitlob li, fir-reviżjoni tat-Trattati li jmiss, id-dritt tal-Parlament għal inizjattiva leġiżlattiva jkun rikonoxxut bis-sħiħ billi jsir mandatarju li l-Kummissjoni twettaq segwitu tat-talbiet kollha sottomessi mill-Parlament taħt l-Artikolu 225 tat-TFUE billi tippreżenta proposta leġiżlattiva f'limitu ta' żmien xieraq;

30.  Jikkunsidra li, fir-reviżjoni tat-Trattati li jmiss, is-setgħa tal-Kummissjoni li tirtira proposti leġiżlattivi għandha tkun limitata għal dawk il-każijiet fejn, wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari, il-Parlament ikun qabel li l-proposta m’għadhiex ġustifikata minħabba ċirkostanzi mibdula;

31.  Jindika li l-Parlament laqa', fil-prinċipju, l-introduzzjoni ta' atti delegati fl-Artikolu 290 tat-TFUE li jipprovdu aktar lok ta' sorveljanza, iżda jenfasizza li kemm l-għoti ta' dawn is-setgħat delegati kif ukoll l-għoti tas-setgħat ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291, qatt ma huwa obbligu; jirrikonoxxi li għandu jitqies l-użu ta' atti delegati fejn ikunu meħtieġa l-flessibbiltà u l-effiċjenza u dawn ma jkunux jistgħu jitwettqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, sakemm l-objettiv, il-kontenut, il-kamp ta' applikazzjoni u d-durata ta' dik id-delega jkunu ddefiniti b'mod espliċitu u l-kundizzjonijiet li għalihom id-delega tkun soġġetta jkunu stabbiliti b'mod ċar fl-att bażiku; jesprimi tħassib dwar it-tendenza tal-Kunsill li jinsisti fuq l-użu ta' atti ta' implimentazzjoni għal dispożizzjonijiet li għalihom għandom jintużaw biss att bażiku jew atti delegati; jenfasizza li l-leġiżlatur jista' jiddeċiedi li jippermetti atti ta' implimentazzjoni li għandhom jintużaw biss għall-adozzjoni ta' elementi li ma jirriżultawx f’aktar orjentazzjoni politika; jirrikonoxxi li l-Artikolu 290 espliċitament jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti delegati għall-elementi mhumiex essenzjali ta' att leġiżlattiv u li għalhekk l-atti delegati ma jistgħux jintużaw f'relazzjoni mar-regoli li huma essenzjali għall-materja tal-leġiżlazzjoni relevanti;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ssir distinzjoni xierqa bejn l-elementi essenzjali ta’ att leġiżlattiv, li jistgħu jkunu deċiżi biss mill-awtorità leġiżlattiva fl-att leġiżlattiv innifsu, u l-elementi mhux essenzjali, li jistgħu jkunu ssupplementati jew emendati permezz ta' atti delegati;

33.  Jifhem li l-atti delegati jistgħu jkunu għodda flessibbli u effettiva; jenfasizza l-importanza tal-għażla bejn atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni mill-aspett li r-rekwiżiti tat-Trattat jiġu rrispettati filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-prerogattivi ta’ tfassil tar- regolamenti li għandu l-Parlament, u jtenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni u l-Kunsill jaqblu mal-Parlament dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għall-użu tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, sabiex l-atti ta' implimentazzjoni ma jintużawx bħala sostitut għal atti delegati;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b’mod adegwat tinvolvi l-Parlament fil-fażi preparatorja tal-atti delegati u tagħti lill-Membri tiegħu l-informazzjoni relevanti kollha, skont il-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni timxi skont il-Ftehim Qafas dwar l-aċċess għall-esperti tal-Parlament għal-laqgħat tal-esperti tal-Kummissjoni billi tipprekludi li jiġu kkunsidrati bħala kumitati ta' ‘komitoloġija’ sakemm dawn jittrattaw kwistjonijiet oħra u mhux miżuri ta' implimentazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011;

36.  Jenfasizza s-siwi u l-konsegwenzi partikolari tal-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fit-Trattat ta’ Lisbona; jirrimarka li l-Karta saret legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, u b'hekk il-valuri bażiċi ġew trasformati fi drittijiet speċifiċi;

37.  Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa d-dritt il-ġdid li jvara l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI); jenfasizza l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli tekniċi u burokratiċi kollha li għadhom ixekklu l-użu effikaċi tal-ECI, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki tal-UE;

38.  Jenfasizza r-rwol akbar mogħti lill-parlamenti nazzjonali fit-Trattat ta' Lisbona u jisħaq li, flimkien mar-rwol li għandhom li jissorveljaw ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, huma jistgħu u qegħdin jagħtu kontributi pożittivi fil-qafas tad-Djalogu Politiku; jikkunsidra li r-rwol attiv li jistgħu jiżvolġu l-parlamenti nazzjonali biex jiggwidaw lill-membri tal-Kunsill tal-Ministri, flimkien ma' kooperazzjoni tajba bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, jista’ jgħin biex jinħoloq kontrobilanċ parlamentari sod għall-eżerċizzju tas-setgħa eżekuttiva fil-funzjonament tal-UE; jirreferi wkoll għall-opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2, li jistqarr li l-kamp ta' applikazzjoni wiesa' tad-delega skont l-Artikolu 290 tat-TFUE f'att propost ma jippermettix li ssir valutazzjoni ta' jekk ir-realtà leġiżlattiva konkreta tkunx konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà jew le.

Relazzjonijiet internazzjonali

(Kompetenza u skrutinju parlamentari)

39.  Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona żied ir-rwol u s-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali, u jirrimarka li l-ftehimiet internazzjonali issa kulma jmur iżjed qed ikopru oqsma li jikkonċernaw il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u li tradizzjonalment, u fl-ambitu tad-dritt primarju tal-UE, jagħmlu parti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proċeduri leġiżlattivi ordinarji; jikkunsidra li hu imperattiv li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li tistipula li l-Parlament jeħtieġ li jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali tkun applikata b'mod li jkun kompatibbli mal-Artikolu 10 tat-TUE, li skontu l-funzjonament tal-Unjoni hu bbażat fuq demokrazija rappreżentattiva, li tinħtieġ it-trasparenza u dibattiti demokratiċi dwar il-kwistjonijiet li jridu jiġu deċiżi;

40.  Jinnota li ċ-ċaħda tal-ftehimiet SWIFT u l-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) kienu turijiet li l-Parlament kien qed juża l-prerogattivi li kien għadu kif kiseb;

41.  Jissottolinja, abbażi tal-Artikolu 18 tat-TUE, ir-responsabbiltajiet tal-RGħ/VP li tiżgura l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-UE; jissottolinja, barra minn hekk, li l-RGħ/VP, skont l-l-Artikoli 17 u 36 tat-TUE, għandha l-obbligu li tagħti rendikont lill-Parlament u għandha obbligi tat-trattat lejn il-Parlament;

42.  Ifakkar, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ftehimiet internazzjonali, fil-prerogattiva tal-Parlament li jitlob lill-Kunsill ma jawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati qabel ma l-Parlament ikun iddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar mandat propost ta’ negozjar, u jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni lil Ftehim Qafas mal-Kunsill;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Parlament jiġi infurmat minn qabel mill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha li tagħti bidu għal negozjati internazzjonali, li jkollu opportunità ġenwina li jesprimi opinjoni infurmata dwar il-mandati ta' negozjar, u li l-opinjoni tiegħu tiġi kkunsidrata; jinsisti li l-ftehimiet internazzjonali għandhom jinkludu l-kondizzjonalitajiet xierqa biex ikunu jirrispettaw l-Artikolu 21 tat-TUE;

44.  Jagħti importanza kbira lill-inseriment tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali u tal-kapitoli relatati mal-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment, u jesprimi sodisfazzjon għall-inizjattivi tal-Parlament intiżi biex jiġu adottati pjanijiet direzzjonali rigward il-kundizzjonalitajiet fundamentali; ifakkar lill-Kummissjoni fil-bżonn li jitqiesu l-fehmiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, kif ukoll li jingħata rispons dwar il-mod li bih iddaħħlu fin-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali u fl-abbozzi ta' leġiżlazzjoni; jesprimi t-tama tiegħu li l-istrumenti meħtieġa għall-iżvilupp tal-politika ta' investiment tal-UE se jsiru operattivi meta jkun il-waqt;

45.  Jitlob bi dritt li, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Parlament jinżamm informat b'mod immedjat, totali u preċiż fl-istadji kollha tal-proċeduri għall-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet konklużi fil-qasam tal-PESK, u jingħata aċċess għat-testi tan-negozjati tal-Unjoni suġġetti għal proċeduri u kundizzjonijiet xierqa, sabiex jiġi żgurat li l-Parlament ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu b’għarfien eżawrjenti dwar il-materja; jenfasizza li biex din id-dispożizzjoni tkun tagħmel sens, il-membri tal-kumitat ikkonċernati għandu jkollhom aċċess għall-mandati ta' negozjar u dokumenti relevanti oħra tan-negozjar;

46.  Jirrimarka, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju li l-approvazzjoni tal-Parlament għall-ftehimiet internazzjonali ma jistax ikun kundizzjonali, li hu intitolat li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-applikazzjoni fil-prattika tal-ftehimiet; Jitlob,għal dan il-għan, li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u kundizzjonijiet oħra tal-ftehimiet.

47.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi evitata l-applikazzjoni proviżorji ta' ftehimiet internazzjonali qabel ma tkun ingħatat l-approvazzjoni tal-Parlament, sakemm il-Parlament ma jaqbilx li jagħmel eċċezzjoni; jenfasizza li r-regoli meħtieġa għall-applikazzjoni interna ta' ftehimiet internazzjonali ma jistgħux ikunu adottati mill-Kunsill waħdu fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-konklużjoni tal-ftehim u li l-proċeduri leġiżlattivi xierqa skont it-Trattati għandhom jiġu osservati bis-sħiħ;

48.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-Parlament jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali;

49.  Jinsisti li l-Parlament għandu jkollu vuċi fid-deċiżjonijiet dwar is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali li l-konklużjoni tagħhom kienet teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament.

50.  Jistieden lill-RGħ/VP ittejjeb, skont id-Dikjarazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika, konsultazzjoni sistematika ex-ante mal-Parlament dwar dokumenti strateġiċi, dokumenti ta' politika u mandati ġodda;

51.  Jitlob, skont l-impenn meħud mill-VP/RGħ fid-Dikjarazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika, il-konklużjoni urġenti tan-negozjati dwar Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni;

52.  Itenni t-talba tiegħu għal rappurtar politiku min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni lil detenturi ta' karigi ewlenin tal-Parlament taħt aċċess regolat;

53.  Jitlob għall-adozzjoni ta' Memorandum ta' Qbil Kwadrig bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE dwar l-għoti koerenti u effikaċi ta' informazzjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni;

54.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew issa huwa attur istituzzjonali sħiħ fil-qasam tal-politiki ta' sigurtà, u għalhekk huwa intitolat li jipparteċipa b'mod attiv fid-determinazzjoni tal-karatteristiċi u l-prijoritajiet ta' dawk il-politiki u fil-valutazzjoni tal-istrumenti f'dan il-qasam, proċess li għandu jsir b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-Kunsill; jemmen li l-Parlament Ewropew għandu jaqdi rwol kruċjali fil-valutazzjoni u d-definizzjoni tal-politiki ta' sigurtà interna, minħabba li dawn għandhom impatt profond fuq id-drittijiet fundamentali ta' dawk kollha li jgħixu fl-UE; jenfasizza, għalhekk, li fir-rigward tal-iskrutinju u s-sorveljanza demokratika jeħtieġli jiġi żgurat li politiki bħal dawn jaqgħu taħt il-mandat tal-unika istituzzjoni Ewropea li tiġi eletta direttament;

55.  Jirrimarka li t-TFUE wessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni, li llum tħaddan mhux biss l-aspetti kollha tal-kummerċ iżda wkoll l-investiment dirett barrani; jenfasizza l-fatt li l-Parlament issa għandu kompetenza totali li jiddeċiedi, flimkien mal-Kunsill, dwar il-leġiferazzjoni u dwar l-approvazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

56.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni leali u effikaċi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, fi ħdan il-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, meta jkunu qed jikkunsidraw leġiżlazzjoni u ftehimiet internazzjonali bil-għan li jipprevedu t-tendenzi kummerċjali u ekonomiċi, jidentifikaw il-prijoritajiet u l-għażliet, jistabbilixxu strateġiji għal żmien medju u fit-tul, jiddeterminaw il-mandati għal ftehimiet internazzjonali, janalizzaw/jabbozzaw u jadottaw il-leġiżlazzjoni u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ u investiment, kif ukoll l-inizjattivi fit-tul fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni;

57.  Jissottolinja l-importanza tat-tkomplija tal-proċess ta' żvilupp ta' kapaċitajiet effikaċi, inkluża l-allokazzjoni tar-riżorsi neċessarji f'dawk li huma finanzji u persunal, bil-għan li jiġu definiti b'mod attiv u jintlaħqu l-objettivi politiċi fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment, filwaqt li jiġu żgurati ċ-ċertezza tad-drittġuridika, l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE u r-rispett tal-prinċipji u tal-objettivi minquxa fit-Trattati;

58.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat fluss kontinwu ta' informazzjoni f’waqtha, preċiża, komprensiva u imparzjali bil-għan li titħalla ssir analiżi ta' kwalità għolja meħtieġa biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' dawk tal-Parlament li jfasslu l-politiki u s-sens ta' sjieda tagħhom, li jwassal għal aktar sinerġija interistituzzjonali fir-rigward tal-Politika Kummerċjali Komuni, u fl-istess ħin jiġi garantit li l-Parlament jinżamm informat b'mod totali u preċiż f'kull fażi, anki permezz tal-aċċess għat-testi tan-negozjati tal-Unjoni skont proċeduri u kundizzjonijiet xierqa, fejn il-Kummissjoni tkun proattiva u tagħmel ħilitha biex tiggarantixxi fluss ta' informazzjoni ta' dan it-tip; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li l-informazzjoni tingħata lill-Parlament bil-ħsieb li jiġi evitat li jinqalgħu sitwazzjonijiet mhux mixtieqa li jafu jwasslu potenzjalment għal nuqqas ta' ftehim bejn l-istituzzjonijiet, u jilqa' f'dan ir-rigward is-sessjonijiet informattivi tekniċi regolari organizzati mill-Kummissjoni dwar għadd ta' temi; jiddispjaċih għall-fatt li, f'għadd ta' okkażjonijiet, l-informazzjoni relevanti waslet għand il-Parlament permezz ta' kanali alternattivi u mhux mill-Kummissjoni;

59.  Itenni l-bżonn li l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni tat-Trattati, tal-leġiżlazzjoni sekondarja u tal-Ftehim Qafas u l-bżonn li l-Kummissjoni taħdem b'mod indipendenti u trasparenti matul il-preparazzjoni, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni, u tqis li r-rwol tagħha huwa fundamentali matul il-proċess kollu;

Dinamika kostituzzjonali

(Relazzjonijiet interistituzzjonali u ftehimiet interistituzzjonali)

60.  Jenfasizza li, taħt l-Artikolu 17(1) tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi bil-għan li tikseb ftehimiet interistituzzjonali dwar l-ipprogrammar annwali u pluriennali tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li mhux biss il-Parlament iżda anke l-Kunsill jiġi involut fi stadju iktar bikri fil-preparazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat programmar realistiku u affidabbli li jista’ jiġi implimentat b’mod effikaċi u jipprovdi l-bażi għal ippjanar interistituzzjonali; huwa tal-fehma li, sabiex tiżdied ir-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni lejn il-Parlament, jista' jiġi previst rieżami ta' nofs it-term biex jiġi vvalutat it-twettiq globali min-naħa tal-Kummissjoni tal-mandat imħabbar ;

61.  Jirrimarka li l-Artikolu 17(8) tat-TUE espressament iħaddan il-prinċipju li l-Kummissjoni hi politikament responsabbli lejn il-Parlament Ewropew, li hija ħaġa kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema politika tal-UE;

62.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 48(2) tat-TUE, il-Parlament għandu l-kompetenza li jagħti bidu għal tibdiliet fit-Trattati u ser juża dan id-dritt biex jippreżenta ideat ġodda għall-futur tal-Ewropa u tal-qafas istituzzjonali tal-UE;

63.  Jikkunsidra li l-Ftehim Qafas konkluż bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, u l-aġġornamenti regolari tiegħu, huma essenzjali għall-għan li tissaħħ u tiġi żviluppata kooperazzjoni strutturata bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

64.  Jilqa’ l-fatt li l-Ftehim Qafas adottat fl-2010 saħħaħ konsiderevolment ir-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni vis-à-vis il-Parlament;

65.  Jissottolinja l-fatt li r-regoli dwar id-djalogu u l-aċċess għall-informazzjoni jippermettu iżjed skrutinju parlamentari komprensiv tal-attivitajiet tal-Kummissjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għat-trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill min-naħa tal-Kummissjoni;

66.  Jinnota li ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas attwali għad iridu jiġu implimentati u żviluppati; jissuġġerixxi li l-Parlament li se jispiċċa jadotta l-linji ġenerali ta' dan it-tijib sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati proposti xierqa mill-Parlament il-ġdid;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti b'mod kostruttiv flimkien mal-Parlament dwar il-Ftehim Qafas eżistenti u dwar l-implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lin-negozjar, lill-adozzjoni u lill-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali;

68.  Jesprimi l-fehma li dan il-mandat għandu jesplora bis-sħiħ il-possibbiltajiet taħt it-Trattati attwali għat-tisħiħ tar-responsabbbiltà politika tal-eżekuttiv u għas-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-kooperazzjoni leġiżlattiva u politika;

69.  Ifakkar li numru ta’ kwistjonijiet, bħalma huma l-atti delegati, il-miżuri ta’ implimentazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt, it-trattament tal-inizjattivi leġiżlattivi, u l-mistoqsijiet parlamentari, jeħtieġu aġġornament fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul din il-leġiżlatura;

70.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li s-sejħiet ripetuti tiegħu biex jiġi nnegozjat mill-ġdid il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2003 sabiex jitqies l-ambjent leġiżlattiv ġdid li nħoloq bit-Trattat ta’ Lisbona, tiġi kkonsolidata l-aqwa prattika attwali u sabiex il-ftehim jiġi aġġornat skont l-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti, baqgħu mingħajr risposta;

71.  Jistieden lill-Kunsill tal-Ministri jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-possibbiltà li jipparteċipa fi ftehim trilaterali mal-Parlament u l-Kummissjoni bil-għan li jsir iżjed progress fuq il-kwistjonijiet spjegati s’issa fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

72.  Jikkunsidra li l-kwistjonijiet konnessi purament mar-relazzjonijiet ta’ bejn il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom ikomplu jkunu s-suġġett ta’ ftehim qafas bilaterali; jenfasizza li l-Parlament mhux se joqgħod għal inqas minn dak li nkiseb taħt il-Ftehim Qafas eżistenti;

73.  Jikkunsidra li waħda mill-isfidi ewlenin għall-qafas kostituzzjonali tat-Trattat ta' Lisbona hija r-riskju li l-intergovernamentaliżmu jipperikola l-'metodu komunitarju', u b'hekk jiddgħajjef ir-rwol tal-Parlament u tal-Kummissjoni għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

74.  Jirrimarka li l-Artikolu 2 tat-TUE fih lista ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni; jemmen li r-rispett għal dawk il-valuri għandu jiġi żgurat kif xieraq kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri; jirrimarka li għandha tiġi stabbilita sistema leġiżlattiva u istituzzjonali tajba biex jiġu protetti l-valuri tal-Unjoni;

75.  Jistieden lill-istituzzjonijet kollha tal-UE u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri biex jibnu fuq il-qafas istituzzjonali u legali l-ġdid maħluq mit-Trattat ta' Lisbona b'tali mod li jfasslu politika tad-drittijiet tal-bniedem interna komprensiva għall-Unjoni li tiżgura mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi fil-livell nazzjonali u tal-UE li bihom ikunu jistgħu jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

o
o   o

76.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 98.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0462,
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0323.
(4) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(5) ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1.
(6) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 37.
(7) ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.
(8) Ftehim interistituzzjonali tal-20 ta' Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess tal-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u d-difiża (ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1).
(9) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE tas-7 ta' Marzu 2013 li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/496/UE tas-7 ta' Ottubru 2013 dwar l-issuġġettar ta’ 5-(2-aminnopropil)indol għal miżuri ta’ kontroll.

Avviż legali - Politika tal-privatezza