Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2026(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0118/2014

Testi mressqa :

A7-0118/2014

Dibattiti :

PV 13/03/2014 - 11
CRE 13/03/2014 - 11

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0250

Testi adottati
PDF 345kWORD 103k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Ir-rwol tal-proprjetà u tal-ħolqien tal-ġid fil-qerda tal-faqar u t-trawwim ta' żvilupp sostenibbli
P7_TA(2014)0250A7-0118/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-proprjetà, is-sjieda tal-proprjetà u l-ħolqien tal-ġid fil-qerda tal-faqar u t-trawwim ta' żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2013/2026(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara lil kkunsidra l-Artikolu 17 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għall-proprjetà,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat- 8 ta' Settembru 2000 li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), b'mod partikolari l-għanijiet 1, 3 u 7,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp: 'Il-Kunsens Ewropew' iffirmat fl-20 ta' Diċembru 2005, b'mod partikolari l-paragrafi 11 u 92 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kunsill tat-19 ta' Ottubru 2004 bit-titolu "Linji ta' gwida tal-UE biex jappoġġjaw l-ippjanar tal-politika agrarja u l-proċessi ta' riforma f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw" (COM(2004)0686),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 dwar "Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel" (COM(2010)0127),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011 bit-titolu "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-bidla" (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" (COM(2013)0092),

–  wara li kkunsidra "Il-Linji Gwida tal-Politika tal-UE dwar l-Art: Linji gwida għall-appoġġ tat-tfassl tal-politika dwar l-art u l-proċessi ta' riforma tal-politika dwar l-art fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw" adottati mill-Kummissjoni f'Novembru 2004,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Insedjamenti Umani (UN-Habitat) tal-2008 bit-titolu "Drittijiet tal-Art Siguri għal Kulħadd" u l-gwida tal-UN-Habitat dwar "Kif Tiżviluppa Politika dwar l-Art Orjentata Lejn il-Fqar: Proċess, Gwida u Lezzjonijiet",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-11 ta' Ġunju 2009 tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Olivier De Schutter, dwar id-Dritt għall-Ikel, bit-titolu "Akkwisti u kirjiet tal-art fuq skala kbira: Sett ta' prinċipji u miżuri fundamentali biex tiġi indirizzata l-isfida tad-drittijiet tal-bniedem",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar "L-Isfidi tal-Urbanizzazzjoni u t-Tnaqqis tal-Faqar fil-Grupp ta' Stati AKP", adottata f'Najrobi fil-Kenja fl-2009,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Sigurtà Alimentari, adottata f'Ruma fl-2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bit-titolu "Noħorġu mill-faqar: Sfida mondjali għall-2020", adottata matul il-konferenza internazzjonali li saret f'Rabat, fil-Marokk, mis-26 sat-28 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar "L-Urbanizzazzjoni Sostenibbli bħala Tweġiba għall-Qerda tal-Faqar Urban", adottata matul it-Tieni Konferenza bejn tliet partijiet AKP-Kummissjoni Ewropea-UN-Habitat li saret f'Kigali, r-Rwanda, mit-3 sas-6 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjon tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, u l-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169) tal-1989 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji għal Investiment Agrikolu Responsabbli li Jirrispetta d-Drittijiet, l-Għajxien u r-Riżorsi (PRAI), il-Linji Gwida Volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali, u l-Qafas tal-Unjoni Afrikana u l-Linji Gwida dwar il-Politika tal-Art fl-Afrika (ALPFG),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp ta' Wara l-2015 biex jiġi inkluż objettiv dwar il-governanza tal-pussess tal-art għan-nisa u l-irġiel, u biex ikun rikonoxxut li n-nisa u l-bniet irid ikollhom, fost affarijiet oħra, "id-dritt ugwali biex ikunu proprjetarji ta' artijiet u assi oħra",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar qafas ta' politika tal-UE biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaffaċċjaw l-isfidi relatati mas-sigurtà tal-ikel(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7‑0118/2014),

A.  billi d-drittijiet għall-proprjetà jistgħu jiġu definiti bħala r-regoli li jirregolaw it-kundizzjonijiet li bihom il-partijiet interessati individwali, il-komunitajiet u l-atturi pubbliċi u privati jiksbu u jżommu aċċess għal assi tanġibbli u mhux tanġibbli permezz ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi formali jew konswetudinarji; billi skont il-UN-Habitat, il-pussess tal-art, b'mod speċifiku, jista' jkun formali (liberu u frank, fond miżmum b'kera, kiri pubbliku u privat), konswetudinarju jew reliġjuż fl-oriġini tiegħu; billi l-Linji Gwida tal-Politika tal-UE dwar l-Art jgħidu li d-drittijiet tal-art mhumiex dejjem limitati għal sjieda privata fis-sens strett tagħha, iżda jistgħu jirrikorru għal bilanċ bejn id-drittijiet u d-dmirijiet individwali, u regolamenti kollettivi f'livelli differenti;

B.  billi 1.2 biljun persuna madwar id-dinja jgħixu fi proprjetà li għaliha m'għandhomx drittijiet formali u jgħixu mingħajr djar permanenti jew aċċess għall-art; billi, b'mod partikolari, iktar minn 90 % tal-popolazzjoni rurali fl-Afrika sub-Saħarjana (li minnhom 370 miljun persuna huma kkunsidrati fqar) jaċċedu għall-art u għar-riżorsi naturali permezz ta' sistemi ta' pussess informali legalment mhux siguri;

C.  billi l-ġid totali extralegali u mhux reġistrat huwa stmat li huwa iżjed minn USD 9.3 triljun, li huwa 93 darba iżjed mill-ammont totali ta' għajnuna barranija mogħtija lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'dawn l-aħħar 30 sena;

D.  billi, għalkemm l-MDG7 (Għan 11) – bl-għan li tittejjeb il-ħajja ta' 100 miljun persuna li jgħixu f'bassifondi sal-2020 – intlaħaq, in-numru ta' persuni li jgħixu f'dawn il-kundizzjonijiet (stmat għal 863 miljun fl-2012), f'termini assoluti, ikompli jikber; billi l-Programm l-UN-Habitat jistma li sa biljun persuna jgħixu f'bassifondi, u huwa maħsub li madwar tliet biljun persuna se jkunu jgħixu f'bassifondi sal-2050; billi l-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali jirrikonoxxi dritt universali għall-akkonmodazzjoni u għat-titjib kontinwu tal-kundizzjonijiet tal-għajxien;

E.  billi fiż-żoni rurali, madwar 200 miljun persuna (kważi 20 % tal-faqar tad-dinja) m'għandhomx aċċess għal biżżejjed art biex jaqilgħu l-għajxien; iżda jinnota li l-art rurali qed taffronta diversi pressjonijiet, bħal tkabbir tal-popolazzjoni, konverżjoni tal-art, investimenti kummerċjali, degrad ambjentali minħabba nixfa, erożjoni tal-ħamrija u tnaqqis tan-nutrijenti, kif ukoll diżastri naturali u kunflitti; u billi l-iżgurar tad-drittijiet tal-art huwa meħtieġ biex tiġi promossa l-istabbiltà soċjali billi jitnaqqsu l-inċertezzi u l-kunflitti dwar l-artijiet;

F.  billi l-investituri privati u l-gvernijiet urew interess dejjem akbar fl-akkwist jew il-kiri fit-tul ta' porzjonijiet kbar ta' raba', l-iktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Afrika u fl-Amerika Latina;

G.  billi l-allokazzjoni arbitrarja tal-art minn awtoritajiet politiċi twassal għal korruzzjoni, nuqqas ta' sigurtà, faqar u vjolenza;

H.  billi l-kwistjonijiet ta' governanza tal-art huma korrelati mal-isfidi ewlenin tas-seklu 21, jiġifieri, is-sigurtà tal-ikel, l-iskarsità tal-enerġija, it-tkabbir urban u demografiku, id-degrad ambjentali, it-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, jirrinfurzaw il-ħtieġa li tingħata prijorità lil riforma komprensiva tal-art;

I.  billi madwar 1.4 biljun ettaru fid-dinja huma rregolati permezz ta' normi konswetudinarji; billi strutturi eżistenti tal-pussess tal-art fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina huma konsiderevolment differenti minn xulxin u l-arranġamenti lokali u konswetudinarji li żviluppaw, frank u liberu jew komunali, ma jistgħux jiġu injorati meta titwettaq il-formalizzazzjoni tal-art;

J.  billi l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) tiddikjara li n-nisa u l-konjuġi għandu jkollhom drittijiet ugwali fir-rigward tal-pussess u l-akkwist tal-proprjetà; iżda, billi ħafna drittijiet tar-reġim tal-pussess tal-art u l-proprjetà jiddiskriminaw kontra n-nisa, kemm formalment u fil-prattika;

K.  billi, f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-drittijiet tal-proprjetà tan-nisa, l-aċċess garantit għall-art u l-aċċess għat-tfaddil u l-kreditu mhumiex rikonoxxuti soċjalment, billi, peress li l-punt tat-tluq huwa minn bażi diskriminatorja, huwa partikolarment diffiċli għan-nisa li jasserixxu d-drittijiet tagħhom tal-proprjetà, u speċjalment id-drittijiet tal-wirt, permezz tal-liġi,

L.  billi, b'mod partikolari, id-drittijiet tal-proprjetà tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jinkisru permezz ta' frekwenza dejjem akbar ta' akkwisti ta' artijiet fuq skala kbira minn pajjiżi żviluppati għal finijiet kummerċjali jew strateġiċi, bħall-produzzjoni agrikola, is-sigurtà tal-ikel, u l-produzzjoni tal-enerġija u l-bijofjuwil, billi n-nisa spiss ma jkollhomx l-opportunità li jiksbu l-għajnuna u r-rappreżentanza legali biex jikkontestaw b'suċċess il-ksur tad-drittijiet tagħhom għall-proprjetà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

M.  billi huwa importanti li jingħataw drittijiet tal-fond siguri għan-nisa biex jitnaqqas il-faqar, minħabba r-rwol tan-nisa bħala produtturi tal-ikel f'żoni rurali u periurbani u r-responsabbiltajiet tagħhom biex jitimgħu l-membri tal-familja; billi n-nisa, li jirrappreżentaw 70 % tal-bdiewa Afrikani, formalment għandhom biss 2 % tal-art; billi programmi reċenti fl-Indja, fil-Kenja, fil-Ħonduras, fil-Gana, fin-Nikaragwa u fin-Nepal sabu li l-unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa għandhom iktar sigurtà tal-ikel, kura tas-saħħa aħjar u enfasi iktar qawwija fuq l-edukazzjoni minn unitajiet domestiċi mmexxija mill-irġiel;

N.  billi aktar minn 60 % tal-persuni li jsofru ġuħ perenni huma nisa u tfajliet u, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, 60-80 % tal-ikel jipproduċuh in-nisa(2);

O.  billi madwar 370 miljun persuna indiġena madwar id-dinja għandhom relazzjoni spiritwali, kulturali, soċjali u ekonomika b'saħħitha mal-artijiet tradizzjonali tagħhom, li t-tmexxija tagħhom normalment hija bbażata fil-komunità;

P.  billi l-Artikolu 17 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jirrikonoxxi d-drittijiet ta' kulħadd biex ikun sid ta' proprjetà kemm waħdu jew f'assoċjazzjoni ma' oħrajn u li ħadd m'għandu jiġi mċaħħad mill-proprjetà tiegħu;

Q.  billi aċċess għall-art għal persuni indiġeni ġie mogħti forom speċifiċi ta' protezzjoni fil-Konvenzjoni nru 169 tal-ILO u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

R.  billi l-Artikolu 10 tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni jiggarantixxi d-dritt li ma jiġux imneħħija bil-forza mill-artijiet u t-territorji tagħhom, u li l-ebda rilokazzjoni m'għandha titwettaq mingħajr il-kunses infurmat, liberu u minn qabel tal-popli indiġeni, u wara ftehim dwar kumpens ġust u ekwu kif ukoll, fejn possibbli, bil-possibbiltà ta' ritorn;

Id-drittijiet tal-art, inklużi d-drittijiet għall-proprjetà, u l-ħolqien tal-ġid

1.  Jikkunsidra d-drittijiet ta' proprjetà reġistrati u d-drittijiet tal-fond siguri bħala l-katalizzatur għat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li tippromwovi wkoll l-koeżjoni soċjali u l-paċi;

2.  Jenfasizza li l-iżgurar ta' drittijiet tal-fond u ekwità akbar fl-aċċess għall-art jipprovdu bażi sigura għall-għajxien, opportunitajiet ekonomiċi, u f'żoni rurali, għall-produzzjoni tal-ikel tal-unitajiet domestiċi;

3.  Jenfasizza l-fatt li, kif imħeġġeġ mill-UN-Habitat, minbarra l-attribuzzjoni tat-titoli individwali tal-fondi, għandha tiġi rikonoxxuta varjetà ta' għażliet alternattivi ta' pussess, inkluż l-iżvilupp ta' sistemi ta' pussess konswetudinarju biex jitħarsu ġuridikament id-drittijiet għall-artijiet li fuqhom jinbnew id-djar, għall-art agrikola u għar-riżorsi naturali, ;

4.  Jenfasizza li s-sigurtà tal-pussess tal-art għas-sidien iż-żgħar, li jikkostitwixxu 95 % tas-sidien tal-art potenzjali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, tistimula ekonomiji lokali, iżżid is-sigurtà tal-ikel, tnaqqas il-migrazzjoni u tnaqqas l-urbanizzazzjoni tal-bassifondi; jirrimarka li, pereżempju fl-Etjopja, fejn ġew introdotti d-drittijiet għall-proprjetà, il-produttività żdiedet sa massimu ta' 40 % għal kull acre fuq tliet snin, minħabba din il-bidla biss(3);

5.  Jinnota bi tħassib li t-tradizzjonijiet kulturali ta' spiss iħallu lin-nisa dipendenti fuq qraba rġiel għas-sigurtà tal-pussess tal-art u mingħajr protezzjoni ġuridika; jenfasizza l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri biex jiżguraw drittijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali minimi, li jinkludu l-obbligu tal-gvernijiet li jiżguraw il-ġestjoni tal-fondi ma tkunx diskriminatorja, partikolarment fir-rigward tan-nisa u l-fqar, u li ma tiksirx drittijiet oħra tal-bniedem;

6.  Jenfasizza l-fatt li meta n-nies jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tagħhom, ikkombinati ma' dispożizzjonijiet formali dwar il-wirt, dan iħeġġeġ is-sidien iż-żgħar biex jinvestu sostenibbilment fl-art tagħhom, jipprattikaw it-titriġ tal-art u l-irrigazzjoni, u jnaqqsu l-effetti tat-tibdil fil-klima; jinnota, f'dan ir-rigward, li studji wrew li familja b'art kompletament sigura u trasferibbli huwa stmat li hija 59,8 % iżjed probabbli li tinvesti f'art imtarrġa minn waħda li mistennija għar-ridistribuzzjoni fir-raħal fil-ħames snin li ġejjin;

7.  Jinnota li b'kuntratt ta' provenjenza ta' fond persuna tista' tissellef flus b'rati tal-imgħax raġonevoli, li jistgħu jintużaw biex tiġi stabbilita u żviluppata impriża; jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà tista' tippromwovi ambjent ta' impriża kompetittiva fejn jista' jikber l-ispirtu imprenditorjali u innovattiv;

8.  Jirrikonoxxi li l-isfida hija biex tingħeleb id-dikotomija bejn il-legalità, il-leġittimità u l-prattiki billi jinbnew mekkaniżmi tal-pussess tal-art ibbażati fuq normi komuni, li jibdew mir-rikonoxximent tad-drittijiet eżistenti, filwaqt li jiġi aċċertat li l-irġiel u n-nisa, kif ukoll il-komunitajiet vulnerabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandhom drittijiet siguri fuq artijiet u assi, u li huma kompletament protetti kontra interessi vestiti li jistgħu jissekwestraw l-proprjetà tagħhom;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-prattika tal-akkapparar tal-art li, b'mod illegali, partikolarment billi l-fqar tal-kampanji u l-popolazzjoniet Nomadi tradizzjonali jġarrbu esproprju illegali mingħajr kumpens adegwat; jenfasizza l-fatt li mill-inqas 32 miljun ettaru madwar id-dinja kienu parti minn 886 ftehim transnazzjonali ta' din ix-xorta dwar art fuq skala kbira bejn l-2000 u l-2013(4); jenfasizza l-fatt li ċ-ċifra x'aktarx tirrappreżenta sottovalutazzjoni sinifikanti tan-numru preċiż ta' ftehimiet ta' artijiet kbar konklużi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kont, fil-politiki tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp, tal-proċessi ta' akkwist ta' artijiet fuq skala kbira mill-investituri tal-pajjiżi żviluppati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fil-kontinent Afrikan, li qed jaffettwaw lill-bdiewa lokali u li għandhom impatt devastanti fuq in-nisa u t-tfal, bl-għan li n-nisa u t-tfal ikunu mħarsa mit-tifqir, mill-karestija u t-tkeċċija furzata mill-villaġġi u l-artijiet tagħhom;

11.  Jenfasizza li t-tneħħija tal-inċentivi pubbliċi għall-produzzjoni tal-bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel u s-sussidji huwa mod kif jiġi miġġieled il-akkapparrar tal-art;

12.  Ifakkar li meta d-drittijiet tal-fond ma jkunux siguri u l-governanza tkun dgħajfa, dawn iġibu riskji għolja għall-komunitajiet lokali fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel, bħar-riskju ta' spustament u ta' żgumbrament ta' bdiewa u rgħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw f'dan ir-rigward il-kapaċità nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isaħħu s-sistema ta' governanza tagħhom;

13.  Jenfasizza l-fatt li kemm il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali jirrikonoxxu d-dritt għall-awtodeterminazzjoni, definit bħala d-dritt tan-nies kollha li jiddisponu liberament mill-ġid naturali u r-riżorsi tagħhom, u t-tnejn jistipulaw li l-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-mezzi ta' sussistenza tagħha stess; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li n-negozjar ta' kirjiet u akkwisti ta' artijiet fuq skala kbira għandhom jirriflettu b'mod xieraq id-dritt għall-iżvilupp, il-parteċipazzjoni adegwata u infurmata tal-komunitajiet lokali milquta mill-kirjiet jew mill-akkwist ta' artijiet u r-responsabbiltà fl-użu tad-dħul, li għandha tibbenefika minnu l-popolazzjoni lokali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw, permezz tan-NU, l-impatt li tali akkwisti għandhom fuq id-deżertifikazzjoni tal-art agrikola, fuq it-telf tad-drittijiet tan-nisa għal residenza u għal aċċess għall-proprjetà, b'referenza partikolari għal nisa li huma weħidhom jew li huma l-kap tal-familja, is-sigurtà tal-ikel u l-mezzi ta' għajxien tagħhom u ta' wliedhom jew tal-persuni li jiddependu fuqhom;

15.  Jenfasizza li l-ftehimiet tal-investiment fuq l-akkwisti jew il-kirjiet ta' art fuq skala kbira għandhom jieħdu kont xieraq tad-dritt tal-utenti attwali tal-art, kif ukoll tad-drittijiet tal-ħaddiema impjegati fl-irziezet; huwa tal-fehma li l-obbligi tal-investituri għandhom ikunu definiti b'mod ċar u għandhom ikunu jistgħu jiġu infurzati, pereżempju bl-inklużjoni ta' mekkaniżmi ta' sanzjoni f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mad-drittijiet tal-bniedem; iqis li l-ftehimiet tal-art kollha għandhom jinkludu wkoll obbligu ġuridiku fejn perċentwal minimu tal-għelejjel prodott għandu jiġi mibjugħ fis-suq lokali;

Pjan direzzjonali biex ikunu żgurati d-drittijiet tal-art, inklużi d-drittijiet għall-proprjetà, u governanza tal-art sostenibbli f'dinja li qed tiżviluppa

16.  Jenfasizza l-fatt li r-riforma tal-fondi tirrikjedi flessibbiltà, magħmula skont il-kundizzjonijiet lokali, soċjali u kulturali, bħal forom tradizzjonali ta' pussess tribali, u għandha tkun iffukata fuq l-għoti tas-setgħa lil dawk li huma l-iżjed vulnerabbli;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-koeżistenza ta' reġimi konswetudinarji tal-fondi u ta' mudelli kolonjali imposti jirrappreżentaw waħda mir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta' sigurtà tal-art endemika f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li huwa imperattiv li tiġi rikonoxxuta l-leġittimità ta' arranġamenti konswetudinarji ta' pussess tal-fond li jipprovdu drittijiet statutorji għal individwi u komunitajiet u jipprevjenu esproprji u abbużi ta' drittijiet tal-fond, li huma prevalenti speċjalment fost il-komunitajiet Afrikani u l-popolazzjonijiet indiġeni kbar fl-Amerika Latina;

18.  Jenfasizza li r-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-pussess tal-art għal nies li jokkupaw art urbana għandha effett sinifikanti fuq l-investiment residenzjali, bi studji li juru r-rata tar-rinovazzjoni tad-djar tiżdied b'iktar minn 66 %;

19.  Jifraħ lir-Rwanda tal-progress li għamlet fir-rigward tad-dejta tal-art, li ppermetta r-reġistrazzjoni tal-art kollha tal-pajjiż fi żmien notevolment qasir;

20.  Iwissi kontra l-applikazzjoni ta' approċċ ta' universalità biex tinkiseb is-sigurtà tal-fondi; jenfasizza l-fatt li s-servizzi formali tal-amministrazzjoni tal-artijiet huma l-iktar effikaċi meta jiġu pprovduti fil-livell lokali; huwa tal-fehma li t-twettiq effettiv ta' drittijiet tal-fond siguri jistgħu għalhekk jiddependu fuq ir-riforma ta' aġenziji ċentralizzati statali tal-fondi bil-ħsieb li r-responsabbiltajiet jingħataw lill-istituzzjonijiet lokali u konswetudinarji; iqis li r-reġistrazzjoni tal-art tista' titjieb permezz tal-kompjuterizzazzjoni tar-reġistri tal-fondi u tas-sistemi katastali;

21.  Ifakkar li l-agrikoltura tibqa' għajn fundamentali ta' għajxien, sussistenza u sigurtà tal-ikel għal komunitajiet rurali; jinnota, madankollu, li l-art rurali qed taffaċċja pressjonijiet multipli minħabba t-tkabbir tal-popolazzjoni, il-konverżjoni tal-art, l-investimenti kummerċjali, id-degrad ambjentali minħabba nixfa, l-erożjoni tal-ħamrija u t-tnaqqis tan-nutrijenti, kif ukoll id-diżastri naturali u l-kunflitti; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-iżgurar tal-pussess tal-art għal komunitajiet rurali huwa essenzjali biex jinkisbu l-għanijiet ta' żvilupp tal-millennju (MDGs); huwa tal-opinjoni li firxa ta' għodod politiċi jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, u għandhom jiġu adattati biex jintlaħqu kundizzjonijiet lokali;

22.  Jemmen li l-uffiċjali tal-gvern għandhom l-ewwel jidentifikaw dawk is-sistemi ta' ġestjoni u pussess tal-art li diġà jeżistu u, imbagħad, għandhom jibnu fuq dawn is-sistemi għall-benefiċċju tal-fqar u tal-gruppi vulnerabbli;

23.  Jafda li d-deċentralizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-art tagħti s-setgħa lill-komunitajiet lokali u lill-individwi, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu eliminati prattiki korrotti imposti minn mexxejja lokali permezz ta' ftehimiet milħuqa ma' investituri barranin u kwalunkwe talbiet għal porzjonijiet individwali ta' art mhux reġistrata;

24.  Jenfasizza li kwalunkwe bidla fl-użu tal-art għandha ssir biss bil-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-komunitajiet lokali konċernati; ifakkar li l-persuni indiġeni ġew mogħtija forom speċifiċi ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fuq l-art fid-dritt internazzjonali; jinsisti li, f'konformità mad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, l-Istati għandhom jipprovdu mekkaniżmi effikaċi għall-prevenzjoni u r-rimedju għal kwalunkwe azzjoni li għandha l-għan jew l-effett li tesproprja popli indiġeni mill-artijiet, mit-territorji jew mir-riżorsi tagħhom;

25.  Jinnota li l-proporzjon limitat ta' art li huwa rreġistrat fl-Afrika (10 %) huwa rreġistrat permezz ta' sistemi żbaljati u antikwati; jenfasizza l-fatt li, skont l-istimi tal-Bank Dinji(5), is-27 ekonomija li mmodernizzaw ir-reġistri tagħhom fl-aħħar seba' snin qatgħu l-ħin medju għat-trasferiment tad-drittijiet għall-proprjetà bin-nofs, u b'hekk żiedu t-trasparenza, naqqsu l-korruzzjoni u ssemplifikaw il-ġbir tad-dħul; jenfasizza li politika ta' żvilupp ta' prijorità għolja għandha tkun waħda li tistabbilixxi u ttejjeb ir-reġistri tal-fondi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

26.  Ifakkar li s-sigurtà tal-pussess tal-art tista' tiġi salvagwardata f'diversi forom, sakemm id-drittijiet tal-utenti tal-artijiet u s-sidien ikunu ċari: ifakkar li minbarra t-titoli formali, is-sigurtà tista' tinkiseb permezz ta' kuntratti ċari ta' kiri fit-tul, jew rikonoxximent formali ta' drittijiet konswetudinarji u insedjamenti informali, b'mekkaniżmi aċċessibbli u effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim; jistieden lill-UE sabiex tagħti l-appoġġ tagħha lil programmi ta' żvilupp ta' kapaċità u taħriġ fil-ġestjoni tal-fondi, bl-għan li jiġu żgurati d-drittijiet tal-fond għall-gruppi fqar u vulnerabbli, inkluż permezz ta' stħarriġ katastali, reġistrazzjoni, u sforzi sabiex jiġu mgħammra istituzzjonijiet edukattivi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

27.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tal-qrati f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn jinfurzaw il-liġi tal-proprjetà b'mod effikaċi, jirrisolvu tilwimiet dwar l-art u jimmaniġġjaw esproprji bħala parti minn approċċ olistiku mmirat biex jikkonsolida s-sistemi ġudizzjarji u l-Istat tad-dritt;

28.  Jistieden lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni tar-riformi tal-art tagħhom, partikolarment, sabiex jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, u flimkien ma' programmi ta' sensibilizzazzjoni, sabiex id-drittijiet tal-partijiet kollha involuti, b'mod speċjali tal-fqar u l-vulnerabbli, jiġu rispettati b'mod sħiħ; jikkwota l-eżempju tal-Madagaskar u tal-uffiċċji tal-artijiet lokali, fejn inizjattivi sempliċi u lokali ffaċilitaw bil-kbir ir-reġistrazzjoni ta' titoli tal-fondi;

29.  Jenfasizza l-fatt li l-ħolqien ta' politiki fiskali sodi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tat-tisħiħ tar-reġistrazzjoni tal-art u d-delineazzjoni ta' funzjonijiet ta' valutazzjoni, jżidu b'mod sinifikanti d-dħul annwali fuq tranżazzjonijiet tal-art, bħal fit-Tajlandja fejn żdied b'sitt darbiet fuq perjodu ta' 10 snin;

30.  Jindika li r-rikonoxximent formali tad-drittijiet tal-art għan-nisa ma jinvolvix awtomatikament l-implimentazzjoni effikaċi ta' dawk id-drittijiet; jitlob lill-UE tagħti attenzjoni partikolari fil-programmi tagħha ta' riformi tal-artijet għall-vulnerabbiltà tan-nisa għall-bidliet fl-istruttura tal-familja, il-grad li għalih in-nisa jistgħu jinforzaw id-drittijiet tagħhom u biex tiżgura li fil-prattika, il-kuntratti tal-unitajiet domestiċi jkollhom l-ismijiet taż-żewġ konjuġi fuq it-titolu tal-fond;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, fil-politiki tagħhom ta' żvilupp u dawk umanitarji, li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jintroduċu miżuri leġiżlattivi maħsuba għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet għall-proprjetà bbażata fuq l-etnija, ir-razza u l-istat ċivili u jindirizzaw kif ser ineħħu r-restrizzjonijiet soċjali, politiċi u kulturali sinifikanti fl-akkwist tad-drittijiet tal-fond;

32.  Jitlob li d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jissorveljaw id-drittijiet tal-proprjetà tan-nisa biex jiżguraw li mhux qed jinkisru, u b'hekk iħarsu lin-nisa mir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali;

33.  Jistieden lill-UE tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riforma tas-swieq tal-kiri tal-art biex jipprovdu aċċess għall-art lill-fqar u jippromwovu t-tkabbir, filwaqt li jevitaw restrizzjonijiet eċċessivi fuq is-swieq tal-kiri;

Tqegħid tad-drittijiet tal-art, inklużi d-drittijiet għall-proprjetà, fil-qalba tal-politika tal-iżvilupp tal-UE

34.  Jenfasizza l-fatt li akkwisti ta' art fuq skala kbira huma konsegwenza diretta, fost affarijiet oħra, ta' governanza ta' art batuta f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-għajnuna tal-UE għandha tikkontribwixxi biex tinbena l-kapaċità istituzzjonali meħtieġa għall-għoti ta' drittijiet tal-fondi siguri, biex jiġu indirizzati t-tiftix ta' renta, l-inerzja burokratika kif ukoll il-prattiki korrotti u mhux responsabbli;

35.  Ifaħħar il-parteċipazzjoni tal-UE f'inizjattivi globali b'rabta mal-art; jenfasizza l-fatt li, bħala l-attur dinji ewlieni fl-iżvilupp, l-UE għandha l-kapaċità li ttejjeb l-approċċ tagħha li attwalment huwa limitat f'termini kemm ta' ambitu kif ukoll ta' viżibbiltà, bl-għan li jiġi indirizzat il-pussess tal-art;

36.  Jinnota li flimkien mat-titjib tas-sistemi tad-drittijiet tal-proprjetà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-UE għandha timmira li tiżgura li n-nies ikollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali u għall-iskemi ta' assigurazzjoni sabiex iħarsu l-għajxien tagħhom u jipproteġu l-assi tagħhom f'każ ta' diżastru jew xokk;

37.  Jitlob l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Volontarji għall-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi intestatura baġitarja definita b'mod ċar, li taqleb minn perspettiva ta' skala żgħira għal riforma ta' governanza tal-art fuq żmien twil, bl-għan li jiġi standardizzat il-pussess tal-art;

39.  Jenfasizza li l-isfida biex jiġu pprovduti drittijiet tal-fond siguri għal persuni spustati u rifuġjati x'aktarx tiżdied minħabba l-pressjonijiet tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-UE, f'dan ir-rigward, biex iżżid l-assistenza tagħha għall-inklużjoni tad-drittijiet tal-fondi fir-reazzjonijiet umanitarji u ta' żvilupp għad-diżastri jew għal kunflitti ċivili, fejn il-politiki dwar l-art għandhom jiggarantixxu drittijiet tal-art siguri għal gruppi etniċi, soċjali jew ġenerazzjonali differenti b'mod ekwu;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lin-nisa fid-drittijiet u fl-aċċess tagħhom għall-art u l-wirt, fl-aċċess għall-kreditu u t-tfaddil f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt, speċjalment f'pajjiżi fejn id-drittijiet għall-proprjetà tan-nisa mhumiex inforzabbli legalment u mhumiex rikonoxxuti soċjalment, u fejn il-liġijiet ippreġudikati fuq bażi ta' sessi, l-attitudnijiet tradizzjonali lejn in-nisa, u l-ġerarkiji soċjali ddominati mill-irġiel joħolqu ostakli biex in-nisa jiksbu drittijiet indaqs u ġusti; jistieden lill-UE biex f'din il-kwistjoni tippromwovi l-involviment tal-Organizzazzjoni ġdida tan-NU għan-Nisa li għadha kif ġiet stabbilita;

41.  Jilqa' l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Art, imnedija mill-G8 f'Ġunju 2013 abbażi tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u r-rikonoxximent tal-fatt li t-trasparenza fir-rigward tal-pussess ta' kumpaniji u art, flimkien mad-drittijiet għall-proprjetà siguri u istituzzjonijiet b'saħħithom, huma kruċjali għat-tnaqqis tal-faqar; jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effiċjenti tar-riforma tal-art;

42.  Jafferma mill-ġdid l-impenji tal-UE biex tnaqqas il-faqar fid-dinja kollha fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, u jtenni li l-UE għandha tinkludi kunsiderazzjoni qawwija tal-ġeneri fil-politiki u l-prattiki kollha tagħha fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw(6);

43.  Jenfasizza l-fatt li huwa neċessarju li jissaħħu l-politiki biex l-aċċess tan-nisa għall-proprjetà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitqiegħed fuq l-istess livell bħal dak tal-irġiel; huwa tal-fehma li dan għandu jitqies fil-programmi tal-pajjiżi u jeħtieġ li jkun akkumpanjat mill-mekkaniżmi meħtieġa ta' appoġġ finanzjarju (bħat-tfaddil, il-kreditu, l-għotjiet, il-mikrokreditu u l-assigurazzjoni); jemmen li dawn il-politiki msaħħa se jirriżultaw fl-għoti ta' setgħa lin-nisa u l-NGOs u se jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa; iqis li se jtejbu l-litteriżmu ġuridiku u finanzjarju tan-nisa, se jappoġġjaw l-edukazzjoni tal-bniet, se jżidu t-tixrid tal-informazzjoni u l-aċċess għaliha, u se jistabbilixxu servizzi ta' għajnuna legali u taħriġ dwar is-sensittività fir-rigward tas-sessi għall-fornituri tas-servizzi finanzjarji;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-ħidma tagħhom ta' żvilupp, jippromwovu b'mod attiv l-imprenditorija u d-drittijiet għall-proprjetà tan-nisa, bħala parti mill-proċess ta' titjib tal-indipendenza tan-nisa minn żewġhom u t-tisħiħ tal-ekonomiji ta' pajjiżhom;

45.  Ifakkar li l-15 ta' Ottubru hu l-Jum Internazzjonali tan-Nisa Rurali u jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

o
o   o

46.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Bank Dinji, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana u lill-Assemblea Parlamentari Konġunt bejn l-Afrika Karibew Paċifiku u l-Unjoni Ewropea.

(1) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 75.
(2) Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), Policy Brief No 5, Economic and Social Perspectives, Awwissu 2009.
(3) USAID Etjopja, http://ethiopia.usaid.gov/programs/feed-future-initiative/projects/land-administration-nurture-development-land
(4) http://www.landmatrix.org/get-the-idea/global-map-investments/
(5)2012b.Negozju 2012: Doing Business in a More Transparent World (Negozju 2012: Negozju f'dinja aktar trasparenti), Washington, DC: Bank Dinji.
(6) ĠU C 46, 24.2.2006.

Avviż legali - Politika tal-privatezza