Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2058(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0161/2014

Testi mressqa :

A7-0161/2014

Dibattiti :

PV 13/03/2014 - 12
CRE 13/03/2014 - 12

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.15
CRE 13/03/2014 - 14.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0251

Testi adottati
PDF 224kWORD 60k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp
P7_TA(2014)0251A7-0161/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport tal-UE tal-2013 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (2013/2058(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-paragrafi 9 u 35 tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew"(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jsostni mill-ġdid li l-Unjoni għandha tqis l-objettiv tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet suċċessivi tal-Kunsill, ir-rapporti biennali tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew assoċjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015 (SEC(2010)0265) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2010 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju fejn hu approvat il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fl-2013 (SWD(2013)0456),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0161/2014),

A.  billi l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat fl-2012 jiddikjara li l-UE se taħdem favur id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha mingħajr eċċezzjoni;

B.  billi viżjoni Ewropea bbażata fuq is-solidarjetà – li ma toħloqx ambigwità bejn il-faqar "intern" u dak li jeżisti lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni – hija l-unika waħda li kapaċi tegħleb il-kunflitti ta' interess bejn il-politiki differenti tal-Unjoni u tgħaqqadhom mal-ħtiġjiet tal-iżvilupp;

C.  billi l-PCD issa hija rikonoxxuta bħala obbligu u titqies bħala għodda ta' politika globali u proċess li għandu l-għan li jintegra d-diversi dimensjonijiet tal-iżvilupp fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politiki;

D.  billi l-politiki tal-Unjoni, peress li kollha għandhom impatt estern, għandhom jitfasslu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-ġlieda kontra l-faqar, jiżguraw sigurtà soċjali u dħul deċenti u jippreżervaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif ukoll dawk ekonomiċi u ambjentali;

E.  billi l-PCD għandha tkun ibbażata fuq ir-rikonoxximent tad-dritt ta' pajjiż jew reġjun li jiddefinixxi b'mod demokratiku l-politiki, il-prijoritajiet u l-istrateġiji tiegħu stess biex jiżgura l-mezzi tal-għajxien tal-popolazzjonijiet tiegħu;

F.  billi l-Unjoni għandha tassumi tmexxija awtentika fir-rigward tal-promozzjoni tal-PCD;

G.  billi l-qafas Ewropew attwali tal-iżvilupp huwa nieqes minn mekkaniżmi effikaċi biex jipprevjenu l-inkoerenza li tirriżulta mill-politiki mmexxija mill-Unjoni jew biex tinstab soluzzjoni għalih;

H.  billi l-Parlament Ewropew, filwaqt li għamel avvanzi fis-segwitu ta' politiki li għandhom impatt kbir qawwi fuq l-iżvilupp, għad fadallu ħafna x'jagħmel biex jiżgura koerenza ottimali u jevita ċerti inkongruwenzi, sabiex jassumi bis-sħiħ ir-rwol istituzzjonali assenjat lilu;

I.  billi, fil-qafas "ta' wara l-2015", il-PCD għandha tiddependi fuq azzjoni bbażata fuq ir-responsabbiltajiet komuni imma differenzjati, li tiffavorixxi djalogu politiku inklużiv;

J.  billi ttieħdu lezzjonijiet mill-esperjenza tal-pajjiżi tal-OECD, u b'mod partikolari l-ħidma tal-unità tal-PCD fi ħdan is-segretarjat ġenerali tagħha;

K.  billi l-koordinament tal-politiki għall-iżvilupp u l-programmi ta' għajnuna tal-Istati Membri tal-UE hija parti importanti mill-aġenda tal-PCD; billi huwa stmat li jistgħu jiġu ffrankati sa EUR 800 miljun fis-sena billi jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jekk l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkonċentraw l-isforzi tal-għajnuna tagħhom fuq anqas pajjiżi u attivitajiet;

L.  billi l-effikaċja tal-politika għall-iżvilupp tal-UE hija ostakolata mill-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni tal-politiki u l-programmi ta' għajnuna fl-Istati Membri kollha; billi approċċ aktar ikkordinat madwar l-UE kollha jnaqqas il-piż amministrattiv u jnaqqas l-ispejjeż relatati;

M.  billi r-rapport tal-UNFPA (Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni) bit-titolu "ICPD Beyond 2014 Global Report" imniedi fit-12 ta' Frar 2014 enfasizza li l-protezzjoni tan-nisa u tal-adolexxenti vittmi ta' vjolenza trid tkun prijorità fl-aġenda internazzjonali tal-iżvilupp;

Operattività tal-PCD

1.  Jissuġġerixxi li jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu ta' arbitraġġ, fdat lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiżgura l-PCD, u f'każ ta' diverġenzi bejn il-politiki differenti tal-Unjoni, ikun f'idejn il-President tal-Kummissjoni li jassumi kompletament ir-responsabbiltà politika tiegħu fir-rigward tal-linji gwida ġenerali u li jiddeċiedi skont l-impenji tal-Unjoni fir-rigward tal-PCD; iqis li wara fażi ta' identifikazzjoni tal-problemi tkun tista' tiġi prevista riforma tal-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni u fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi;

2.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet sħab tagħhom jiżguraw li l-qafas il-ġdid "ta' wara l-2015" jinkludi objettiv dwar il-PCD li jippermetti li jiġu żviluppati indikaturi affidabbli biex ikejlu l-progress tad-donaturi u tal-pajjiżi sħab u jivvalutaw l-impatt tad-diversi politiki dwar l-iżvilupp bl-applikazzjoni, b'mod partikolari, ta' "lenti PCD" għall-kwistjonijiet prinċipali, bħat-tkabbir demografiku, is-sigurtà alimentari dinjija, il-flussi finanzjarji illeċiti, il-migrazzjoni, il-klima u t-tkabbir ekoloġiku;

3.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fl-implimentazzjoni tal-PCD, b'mod partikolari r-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE fis-segwitu, l-osservazzjoni u l-faċilitazzjoni ta' konsultazzjonijiet u djalogu mal-partijiet interessati u l-pajjiżi sħab dwar l-impatti tal-politika tal-UE fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jisħaq li hija meħtieġa diskussjoni usa' mal-partijiet interessati rilevanti kollha, bħall-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ);

4.  Jiddispjaċih dwar l-istatus tad-dokument SWD(2013)0456 imressaq mill-Kummissjoni – sempliċi dokument ta' ħidma – li, b'differenza għall-komunikazzjoni prevista inizjalment wara d-dokument ta' ħidma tal-2011, ma jeħtieġx l-approvazzjoni tal-kulleġġ tal-Kummissarji, li huwa paradossali għal test li jkopri qasam daqshekk politiku bħall-PCD;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli timpenja ruħha fil-qasam tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem u jfakkar ir-rwol tagħhom fir-rigward tar-rwol ta' tmexxija fil-politiki tal-Unjoni u u tal-koordinament tagħhom; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tippromwovi b'mod attiv viżjoni koerenti u moderna tal-iżvilupp tal-bniedem sabiex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u għall-konformità mal-impenji meħuda;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkuntratta valutazzjonijiet ex post independenti regolari tal-impatt tal-iżvilupp ta' politiki prinċipali kif mitlub mill-Kunsill; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni billi tingħata importanza lill-PCD b'mod espliċitu u jiġi żgurat li l-iżvilupp isir ir-raba' element ċentrali tal-analiżi, flimkien mal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq sistema ta' tagħlim awtentika dwar il-mod li bih għandha tiġi integrata l-PCD fl-oqsma differenti tal-azzjoni politika, peress li t-tagħlim huwa l-element prinċipali għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej fil-qafas ta' "l-2015 – Sena Ewropea għall-Iżvilupp"; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE joffru taħriġ speċifiku dwar il-PCD u l-impatt tal-iżvilupp lill-persunal fis-servizzi mhux relatati mal-iżvilupp;

8.  Jikkonferma l-ħtieġa li jinħatar rapporteur permanenti dwar l-aġenda tal-iżvilupp għal "wara l-2015", li għandu jiżgura wkoll li l-PCD titqies kif xieraq;

9.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-Parlament Ewropew jista' jiżvolġi fil-proċess tal-promozzjoni tal-PCD billi tingħata l-prijorità fl-aġendi parlamentari, billi jiżdiedu l-laqgħat bejn il-kumitati u dawk interparlamentari relatati mal-PCD, billi jiġi promoss id-djalogu dwar il-PCD mal-pajjiżi sħab u billi jitħeġġeġ l-iskambju tal-fehmiet mas-soċjetà ċivili; ifakkar li l-laqgħat strutturati annwali bejn il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew huma mezz importanti għat-tisħiħ tal-PCD u l-koordinament;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq mekkaniżmu indipendenti fi ħdan l-Unjoni biex jiġbor u jindirizza b'mod formali l-ilmenti mressqa miċ-ċittadini jew il-komunitajiet milquta mill-politiki tal-Unjoni;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-PCD tiżgura l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili, inklużi l-gruppi tan-nisa, l-għoti tas-setgħa lin-nisa fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll l-involviment sħiħ tal-esperti fl-ugwaljanza tal-ġeneru;

Oqsma ta' azzjoni prijoritarja

12.  Jappella biex il-ġestjoni tal-flussi migratorji jkunu koerenti mal-politiki tal-iżvilupp tal-UE u tal-pajjiżi sħab; iqis li dan jeħtieġ strateġija li tittratta ċ-ċirkostanzi politiċi, soċjoekonomiċi u kulturali u timmira li tagħti nifs ġdid lir-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-ġirien qrib tagħha; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu ttrattati kwisjotnijiet relatati mal-integrazzjoni soċjoprofessjonali ta' migranti u maċ-ċittadinanza b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;

13.  Jenfasizza li l-kummerċ u l-iżvilupp mhux dejjem imorru id f'id perfettament; huwa tal-fehma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jipproċedu għal ftuħ selettiv tas-swieq tagħhom; jenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali tas-settur privat u huwa tal-fehma li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ma għandhiex tinjora l-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali bħall-istandards tal-ILO; ifakkar il-ħtieġa li dawn ir-referenzi jiġu inklużi fil-ftehimiet tad-WTO sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali u ambjentali;

14.  Ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-ispiża tal-integrazzjoni ta' dawn l-istandards hija ħafna aktar baxxa mill-effetti konsegwenzjali fir-rigward tal-protezzjoni soċjali, is-saħħa tal-bniedem u l-istennija tal-għomor f'każ li dawn l-istandards ma jiġux rispettati;

15.  Jilqa' pożittivament il-fatt li r-rilevanza tal-biedja fuq skala żgħira għall-ġlieda kontra l-ġuħ hija rikonoxxuta mill-UE u jitlob valutazzjoni sistematika tal-impatt tal-politiki agrikola, kummerċjali u enerġetika Ewropej, fosthom il-politika tal-bijokarburanti tal-UE, li x'aktarx ikollhom effetti negattivi fuq l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

16.  Itenni li huwa neċessarju li tiġi kkonċentrata aktar attenzjoni fuq il-massimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima u l-objettivi tal-UE f'materja tal-iżvilupp, speċjalment f'termini ta' għodod u strumenti użati u l-iżvilupp kollaterali u/jew il-benefiċċji tal-adattament għat-tibdil fil-klima;

17.  Iqis li l-isfida tat-tibdil fil-klima għandha tingħeleb permezz ta' riformi strutturali u jitlob valutazzjoni sistematika tar-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima fl-aspetti kollha tal-ippjanar politiku u tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, inkluż fl-oqsma relatati mal-kummerċ, l-agrikoltura u s-sigurtà alimentari; jitlob li r-riżultati ta' din il-valutazzjoni jintużaw fil-qafas tal-istrument ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp 2014‑2020 biex jiġu fformulati dokumenti ta' strateġija nazzjonali u reġjonali ċari u koerenti;

18.  Iqis li, filwaqt li tirrikonoxxi l-attenzjoni mogħtija lill-bosta aspetti tal-PCD, l-UE għandha tintervjeni b'mod konkret biex tikkumbatti l-evażjoni tat-taxxa u tittratta l-kwistjoni tar-rifuġji fiskali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll fir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva "Materja Prima" l-informazzjoni dwar l-impatt ta' ftehimiet, programmi u inizjattivi ġodda fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom ħafna riżorsi;

19.  Jirrikonoxxi l-livell għoli ta' responsabbiltà li ġġor l-UE biex tiżgura li s-sajd tagħha ikun ibbażat fuq l-istess standards f'termini ta' sostenibbiltà u trasparenza ekoloġika u soċjali fl-ilmijiet tal-Unjoni u 'l barra minnhom; jinnota li din il-koerenza teħtieġ koordinament kemm fi ħdan il-Kummissjoni stess kif ukoll bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri individwali;

20.  Ifakkar, b'mod partikolari, l-impenn tiegħu biex jiġi evitat il-finanzjament ta' infrastrutturi tal-enerġija ta' skala kbira li jkollhom effetti konsegwenzjali soċjali u ambjentali negattivi;

o
o   o

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(2) Testi adottati ta' din id-data, P7_TA(2012)0399

Avviż legali - Politika tal-privatezza