Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2628(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0245/2014

Dibattiti :

PV 13/03/2014 - 19.1
CRE 13/03/2014 - 19.1

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 20.1

Testi adottati :

P7_TA(2014)0253

Testi adottati
PDF 225kWORD 58k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya
P7_TA(2014)0253RC-B7-0245/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya (2014/2628(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-24 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, partikolarment l-Artikolu 118 tagħha, li jiddikjara li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tiġi amministrata biss mill-qrati, u l-Artikolu 120 tagħha, li jistipula li l-imħallfin huma indipendenti u huma subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta’ Trattament jew Kastig Inuman jew Degradanti (CPT) tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żjara perjodiku tiegħu fil-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Federazzjoni Russa Vladimir Lukin, tal-4 ta' Marzu 2014 dwar id-dimostrazzjonijiet pubbliċi f'Moska u dwar il-passi meħuda mill-aġenziji għall-infurzar tal-liġi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu,

A.  billi l-Federazzjoni Russa bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, ħadet l-impenn favur il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi tul ix-xhur li għaddew, qed ikompli jikber it-tħassib rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha;

B.  billi fis-6 ta' Mejju 2012, lejliet l-inawgurazzjoni tal-President Vladimir Putin, diversi tuzzani mill-għexieren ta' eluf ta' dimostranti kellhom konfronti sporadiċi mal-pulizija, li wasslu biex xi persuni ndarbu b'mod ħafif fil-Pjazza Bolotnaya;

C.  billi madwar 600 attivist ġew detenuti għal ftit ħin u tnedew proċedimenti kriminali kontra 28 individwu; billi l-awtoritajiet fetħu investigazzjoni dwar l-azzjonijiet tad-dimostranti, billi kkunsidrawhom bħala "irvelli tal-massa", li skont il-liġi Russa, huma azzjonijiet tal-massa li jinvolvu "vjolenza, pogroms, il-qerda ta' proprjetà, l-użu ta' armi tan-nar, jew reżistenza armata għall-awtoritajiet"; billi l-awtoritajiet allegaw li l-vjolenza kienet ippjanata u kienet parti minn komplott intiż biex jiddestabbilizza l-pajjiż u jwaqqa' l-gvern;

D.  billi tul l-aħħar snin, bosta proċessi u proċedimenti ġudizzjarji xeħtu dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa;

E.  billi bosta organizzazzjonijiet Russi u internazzjonali favur id-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw l-użu ta' miżuri sproporzjonati u azzjonijiet aggressivi mill-forzi ta' sigurtà kif ukoll l-użu eċċessiv ta' vjolenza li wassal biex faqqgħet il-vjolenza, li kienet segwita minn arresti arbitrarji tad-dimostranti; billi l-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Federazzjoni Russa, fl-analiżi tiegħu, ikkonferma li l-akkużi ta' rvelli tal-massa kienu infondati;

F.  billi fl-24 ta' Frar 2014 qorti Russa ħarġet sentenza ta' kundanna kontra tmienja minn dawn id-dimostranti, li kienet tvarja minn sentenza sospiża ta' erba' snin ħabs, wara tliet sentenzi ta' ħabs aktar gravi fl-2013, kif ukoll it-trattament psikjatriku furzat tal-attivist Mikhail Kosenko;

G.  billi kien hemm numru kbir ta' detenzjonijiet waqt id-dimostrazzjonijiet paċifiċi b'appoġġ għall-imputati tal-każ tal-Pjazza Bolotnaya fil-21 u fl-24 ta' Frar 2014; billi 'l fuq minn 200 persuna li nġabru barra l-qorti tad-distrett ta' Zamoskvoretsky fl-24 ta' Frar 2014 biex jisimgħu l-verdett ġew arrestati għal bosta sigħat; billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni Boris Nemtsov u Aleksei Navalny ġew sussegwentement kkundannati għal perjodi ta' għaxart ijiem ħabs; billi Aleksei Navalny tqiegħed taħt arrest domiċiljari għax-xahrejn li ġejjin u fil-5 ta' Marzu 2014 kien imġiegħel jilbes brazzuletta elettronika li timmonitorja l-attivitajiet tiegħu;

H.  billi l-awtoritajiet Russi qegħdin ikabbru l-programmi ta' sorveljanza tal-massa tagħhom; billi dawn il-programmi, flimkien mal-liġijiet kontra l-LGBT u l-liġijiet li jirrestrinġu l-libertà tal-NGOs, jagħtu lill-awtoritajiet Russi għodda qawwija ħafna biex jimmonitorjaw u jopprimu l-vuċijiet ta' oppożizzjoni;

I.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar tul dawn l-aħħar snin u billi l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet b'dispożizzjonijiet ambigwi u li jistgħu jintużaw biex ipoġġu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u b'hekk ixekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda; billi din ir-ripressjoni kienet tinvolvi azzjonijiet bħal raids tal-pulizija, il-konfiska ta' proprjetà, multi amministrattivi u miżuri oħrajn intiżi li jipprevjenu u jiskoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili milli jwettqu xogħolhom;

J.  billi l-mexxejja tal-partiti u l-movimenti tal-oppożizzjoni huma suġġetti għal fastidju mill-awtoritajiet Russi, b'uħud minnhom jisfaw detenuti minħabba diversi allegazzjonijiet, bħal Ilya Yashin, kap tal-moviment ta' Solidarjetà, Gleb Fetisov, Ko-President tal-Alleanza tal-Ħodor u tad-Demokratiċi Soċjali, u Yevgeny Vitishko, attivist ambjentali u membru preminenti ta' Yabloko;

K.  billi f'Diċembru 2013, il-Kumitat kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa rreġistra bosta rakkonti ta' trattament ħażin u tortura ta' priġunieri mill-membri tal-aġenziji għall-infurzar tal-liġi u mill-pulizija;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-proċedimenti kontra d-dimostranti ta' Pjazza Bolotnaya, li kellhom nuqqasijiet serji sa mill-bidu tagħhom, b'akkużi li kienu politikament motivati;

2.  Jemmen li l-akkużi miġjuba kontra d-dimostranti u s-sentenzi tagħhom jidhru sproporzjonati fid-dawl tan-natura tal-avvenimenti u tar-reati li ġew akkużati bihom; iqis li l-eżitu tal-proċess, b'kont meħud tan-nuqqasijiet proċedurali u tad-detenzjoni fit-tul qabel il-proċess, għall-darb' oħra jqajjem dubji dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet ġudizzjarji Russi biex jikkunsidraw mill-ġdid is-sentenzi mogħtija fil-proċess ta' appell u biex jeħilsu lit-tmien dimostranti, kif ukoll lill-priġunier ta' Bolotnaya Mikhail Kosenko, li ġie kkundannat għal trattament psikjatriku furzat;

4.  Jesprimi, bl-istess mod, it-tħassib serju tiegħu dwar id-detenzjoni ta' numru kbir ta' dimostranti paċifiċi wara l-verdetti ta' Bolotnaya u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontra d-dimostranti; jitlob, barra minn hekk, li l-Gvern Russu jirrispetta d-drittijiet taċ-ċittadini kollha fl-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem universali tagħhom;

5.  Ifakkar l-importanza li r-Russja tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtá u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u mal-istat tad-dritt kif minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); jindika li l-iżviluppi reċenti imorru kontra r-riformi meħtieġa biex jitjiebu l-istandards demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Russja;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżviluppi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett għal u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett għall-prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi miftiehma b'mod komuni, partikolarment fir-rigward tal-liġi dwar aġenti barranin, il-leġiżlazzjoni kontra l-LGBT, l-inkriminazzjoni mill-ġdid tal-malafama, il-liġi dwar it-tradiment u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-protesti pubbliċi; iħeġġeġ lir-Russja tonora l-impenji internazzjonali tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

7.  Jitlob lill-Gvern Russu jieħu passi konkreti biex jindirizza d-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment billi jtemm il-kampanja ta' fastidju kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjeta ċivili u l-attivisti; jitlob lill-eżekuttiv Russu u l-leġiżlatura biex jikkunsidraw mill-ġdid u eventwalment jirtiraw l-atti u l-miżuri leġiżlattivi adottati dan l-aħħar li jmorru kontra l-impenji dikjarati tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u biex jikkunsidraw il-proposti tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu u dawk tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-President tal-Federazzjoni Russa;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi biex iwettqu d-doveri tagħhom b'mod imparzjali u indipendenti;

9.  Jenfasizza li l-liberta ta' għaqda fil-Federazzjoni Russa hi stipulata fl-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li tagħhom r-Russja hi firmatarja, u dan jobbliga lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettawha;

10.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa biex tallinja l-programmi ta' sorveljanza tagħha mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jiddispjaċih dwar ir-ripressjoni kontinwa taċ-ċittadini li jikkritikaw ir-reġim u fuq l-entitajiet tal-midja indipendenti li baqa', inkluż it-TV Dozhd (Xita) u r-radju Ekho Moskvy

12.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jiżguraw li l-każijiet kollha ta' persuni pproċessati għal raġunijiet politiċi jitqajmu fil-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ;

13.  Jitlob lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-VP/RGħ biex ikomplu jsegwu dawn il-każijiet mill-qrib, ikomplu jqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-formati u l-laqgħat differenti mar-Russja, u biex jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibgħatu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjoni bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li tintemm ir-ripressjoni fuq il-libertà ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni fir-Russja; jitlob li dan il-messaġġ komuni jiġi artikolat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE;

15.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli u lis-SEAE jiżguraw li l-Unjoni tfittex kull opportunità, fil-limiti tal-konfini tad-dritt domestiku Russu, biex ikomplu jinteraġixxu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi u jappoġġawhom, inkluż dawk li jaħdmu għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE, sabiex fir-rigward tal-fażi ta' programmar tal-istrumenti finanzjarji tal-UE li għaddejja bħalissa, iżidu l-assistenza finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u tal-fondi tal-organizzazzjonijiet għas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali, u biex jinkludu lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja fl-Istrument ta' Sħubija sabiex jiżguraw appoġġ sostenibbli u kredibbli fit-tul;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Texts adopted, P7_TA(2013)0284.

Avviż legali - Politika tal-privatezza