Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2173(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0151/2014

Testi mressqa :

A7-0151/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 02/04/2014 - 18.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0256

Testi adottati
PDF 248kWORD 85k
L-Erbgħa, 2 ta' April 2014 - Brussell
Ġew stabbiliti għodod għall-monitoraġġ tal-effettività tal-infiq tal-Fond Soċjali Ewropew fuq ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien? (Rapport Speċjali Nru 25/2012 tal-Qorti tal-Awdituri)
P7_TA(2014)0256A7-0151/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 dwar: Ġew stabbiliti għodod għall-monitoraġġ tal-effettività tal-infiq tal-Fond Soċjali Ewropew fuq ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien? (Rapport Speċjali Nru 25/2012 tal-Qorti tal-Awdituri) (2013/2173(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 25/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Ġew stabbiliti għodod għall-monitoraġġ tal-effettività tal-infiq tal-Fond Soċjali Ewropew fuq ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien?”,

–  wara li kkunsidra l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, u, b’mod iktar partikolari, l-analiżi tiegħu għall-2012 tax-xejriet tal-impjiegi u l-politiki għall-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien matul ir-reċessjoni,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol dwar il-gruppi ta’ prijorità, b’mod partikolari l-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Eurofound tal-2013 dwar ir-rwol tal-gvernijiet u s-sħab soċjali fiż-żamma ta’ ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien fis-suq tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra l-ewwel stħarriġ internazzjonali dwar il-ħiliet tal-adulti imwettaq mill-Kummissjoni u l-OECD fl-2013 bħala parti mill-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC),

–  wara li kkunsidra l-prinċipji gwida tar-regolamenti l-ġodda tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu ta’ programmar 2014-2020 adottati mill-Parlament fl-20 ta’ Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0151/2014),

A.  billi t-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jinbidlu, l-inċentivi għall-irtirar kmieni li għadhom jeżistu, il-kriżi finanzjarja u l-bidliet fit-tendenzi tal-produzzjoni, kif ukoll id-domanda għal żieda fil-kompetittività, jitolbu rispons b'saħħtu sabiex il-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien ikunu jistgħu jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol, anke meta jixtiequ jagħmlu dan lil hinn mill-età ta' rtirar;

B.  billi l-Aġenda ta’ Lisbona definixxiet “ħaddiem imdaħħal aktar fiż-żmien” bħala kwalunkwe persuna ta’ età tax-xogħol bejn 55 u 64 sena;

C.  billi fl-2012, ir-rata ta’ impjieg ta’ persuni bejn 55 u 64 sena kienet anqas minn 50 % fl-Unjoni Ewropea (54.4 % għall-irġiel u 41.8 % għan-nisa) u billi f’ċerti Stati Membri din ir-rata naqset għal madwar 30 %; billi din it-tendenza tista' tkun ikkawżata minn numru ta' fatturi bħal pereżempju ħiliet u kwalifiki li m'għadhomx validi, l-attitudnijiet tal-impjegaturi lejn ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien, diffikultajiet rigward ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-familja, u saħħa li sejra lura;

D.  billi forza tax-xogħol aktar imdaħħla fiż-żmien u ħajja tax-xogħol itwal jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għall-irkupru u t-tkabbir fil-futur;

E.  billi persuni aktar imdaħħlin fiż-żmien huma indispensabbli fir-rigward tat-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenzi lill-ġenerazzjonijiet tal-futur;

F.  billi l-Aġenda ta’ Lisbona(1) u l-Istrateġija Ewropa 2020(2) adottata fl-2010, li tistabbilixxi strateġiji ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni Ewropea, jinkludu pjanijiet ta’ azzjoni li jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi, u li jistabbilixxu miri, b’mod partikolari rigward l-impjiegi;

G.  billi ż-żamma tal-impjegabbiltà tal-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien kif ukoll iż-żamma ta’ proporzjon għoli tal-popolazzjoni fl-impjieg sa età aktar avvanzata huma kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u tintlaħaq il-mira tal-UE ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2020;

H.  billi, sabiex jiġu appoġġjati l-bidliet riċenti fis-sistemi tal-pensjoni li jirriżultaw miż-żieda tal-età tal-irtirar, jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri fis-suq tax-xogħol u fil-post tax-xogħol li jinkoraġġixxu karrieri itwal u jippermettu lin-nies jibqgħu jaħdmu sal-età tal-irtirar;

I.  billi, bħala riżultat tal-bidla demografika attwali, b’żieda fl-età medja tal-popolazzjoni, dawk ta’ età bejn 55 u 64 sena se jifformaw parti dejjem akbar ta’ ħaddiema fl-Ewropa;

J.  billi bosta snin ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja fissru li l-miżuri tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huma aktar importanti minn qatt qabel bħala għodda għall-indirizzar tal-qgħad għoli, u jqis li jkun vitali li l-implimentazzjoni ta’ miżuri preċedenti tittieħed bħala lezzjoni meta jiġu implimentati l-programmi l-ġodda mill-2014;

K.  billi l-FSE, li waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni 20072013 kien jammonta għal 8 % tal-baġit totali tal-UE, huwa strument finanzjarju ewlieni intiż biex jgħin Stati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-impjieg u tal-inklużjoni soċjali tal-UE, u billi jeħtieġ li jkun hemm data affidabbli li tivvaluta kemm ir-riżorsi tal-FSE jintefqu b’mod effettiv;

L.  billi fir-rigward tal-perjodu mill-2007 sa tmiem l-2013 la l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni ma jistgħu jistabbilixxu kemm-il ħaddiem aktar imdaħħal fiż-żmien kiseb kwalifiki ġodda, sab jew żamm impjieg wara parteċipazzjoni f’azzjoni ffinanzjata mill-FSE;

M.  billi l-miżuri tat-tagħlim tul il-ħajja promossi mill-FSE huma b’mod ġenerali adegwati ħafna biex iżommu lin-nies fid-dinja tax-xogħol (pereżempju permezz ta’ taħriġ għall-impjegabbiltà jew taħriġ mill-ġdid);

N.  billi l-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien jirrappreżentaw inqas mill-5 % tal-parteċipanti fl-attivitajiet tat-tagħlim tul il-ħajja tal-FSE, li huwa evidenza ta' livelli aktar baxxi ta' parteċipazzjoni fil-programmi ta’ taħriġ iżda mhux nuqqas ta’ taħriġ jew kwalifiki min-naħa ta' dawk il-ħaddiema;

O.  billi l-Istati Membri jaħtru Awtoritajiet Maniġerjali (AM) biex jimplimentaw il-Programmi Operattivi pluriennali (PO), imħejjija mill-Istati Membri wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u laqgħat bilaterali mal-Kummissjoni u li finalment ġew adottati fil-forma ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, u li jistabbilixxu u jżommu sistemi għall-ġestjoni finanzjarja u sistemi ta' kontroll biex iwettqu programmar, verifiki, monitoraġġ u rappurtar;

P.  billi l-PO ġeneralment ikopru diversi gruppi ta’ nies qiegħda (żgħażagħ, ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u dawk li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs));

Q.  billi l-implimentazzjoni tal-FSE trid tkun konformi mar-Regolamenti Finanzjarji tal-UE, b’mod partikolari l-prinċipji fundamentali ta’ ġestjoni finanzjarja soda, jiġifieri l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività;

1.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li fil-PO, għall-perjodu 2007-2013, id-definizzjoni ta’ “ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien” ma tintużax b’mod konsistenti; jinnota li fil-PO rispettivi tagħhom, ħafna AM ma jużawx id-definizzjoni ta’ “ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien” kif definita fl-Istrateġija ta’ Lisbona, jiġifieri kull persuna ta’ età tax-xogħol bejn 55 u 64 sena, iżda minflok jużaw gruppi ta’ etajiet differenti; huwa tal-opinjoni li d-definizzjoni ta' "ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien" għandha tiġi adattata għall-età tal-pensjoni massima legali fl-Istati Membri rispettivi;

2.  Jiddispjaċih li m’hemmx data kompluta u affidabbli, inkluża data diżaggregata skont il-ġeneru, disponibbli bħala bażi biex tivvaluta l-effettività tal-infiq tal-FSE fuq ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien; huwa tal-fehma li l-użu tal-approprjazzjonijiet tal-FSE jridu jkunu trasparenti; jenfasizza li l-informazzjoni dwar proġetti ffinanzjati, il-kisba tal-objettivi tagħhom u l-ammont ibbaġitjat għandha tkun disponibbli għaċ-ċittadini b'mod faċilment aċċessibbli fuq il-websajts pubbliċi;

3.  Jirrikonoxxi li, skont is-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi u demografiċi differenti tagħhom, l-Istati Membri jużaw gruppi tal-età differenti biex jiddefinixxu l-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien; jiddispjaċih, madankollu, li din id-definizzjoni mhux dejjem tiġi applikata b’mod konsistenti fil-proċess kollu ta’ programmazzjoni fi Stat Membru partikolari; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li, fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss (2014-2020), il-gruppi tal-età użati għall-analiżi tal-ħtiġijiet ikunu l-istess bħall-gruppi tal-età użati fil-programmi u/jew f'azzjonijiet u miri relatati;

4.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-FSE trid tkun konformi mar-Regolament Finanzjarju tal-UE u, b’mod partikolari, mal-prinċipji fundamentali ta’ ġestjoni finanzjarja tajba bħall-effettività, li għandha tinftiehem bħala l-ilħuq tal-objettivi speċifiċi stabbiliti u l-kisba tar-riżultati maħsuba;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jiddependu aktar fuq data kwantitattiva u kwalitattiva meta janalizzaw is-sitwazzjoni soċjoekonomika ta’ ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien u jipprovdu konnessjoni kawżali miżurabbli bejn l-azzjonijiet identifikati fi ħdan il-programmi operattivi u l-objettivi segwiti, u dan ikun jiffaċilita l-verifika tal-konsistenza fost il-ħtiġijiet identifikati, l-istrateġija magħżula u l-miri speċifiċi stabbiliti, u jagħmilha possibbli li jittieħdu deċiżjonijiet tajba rigward il-futur;

6.  Jiddispjaċih rigward id-data mhux affidabbli u ta' kwalità mhux sodisfaċenti provduta mill-Istati Membri, li hija meħtieġa biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni ta’ impjieg attwali għal ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien u jiġu evalwati l-iżvilupp u l-adozzjoni fil-futur ta’ miżuri sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti; jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom jimmotivaw lill-Istati Membri sabiex jittrasferixxu data affidabbli u ta’ kwalità għolja;

7.  Jinnota li l-qafas regolatorju (2007-2013) jipprevedi data finanzjarja fil-livell tal-assi prijoritarju biss u li l-ebda wieħed mill-PO magħżula ma għandu assi prijoritarji speċifikament għal “ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien”; jiddispjaċih għad-diffikultajiet biex ikun determinat l-ammont preċiż ta’ kemm ġie allokat finanzjament lill-azzjonijiet li għalihom kien iddedikat, b’mod partikolari għal “ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien”;

8.  Jinnota li l-ebda tema ta’ prijorità li tittratta inizjattivi għall-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien, bħal “ninkoraġġixxu t-tixjiħ attiv u ntawlu l-ħajja tax-xogħol”, ma hija inkluża fil-PO tal-perjodu 2007-2013, prinċipalment minħabba l-interpretazzjonijiet differenti tal-forma li għandha tieħu prijorità ta’ dan it-tip;

9.  Huwa tal-opinjoni li gruppi speċifiċi ta' ħaddiema, bħal dawk li jaħdmu bix-xift jew f'industriji peżanti, jeħtieġu programmi adattati b'mod speċjali u proġetti li jkunu differenti minn dawk f'impjiegi inqas fiżiċi, bħall-ħaddiema f'industriji u setturi tas-servizz; jirrimarka wkoll li l-ġeneru għandu jiġi inkorporat bħala fattur tal-politika;

10.  Jemmen bil-qawwa li l-esperjenza ta’ ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien hija kwalità utli li għandha tintuża bl-aħjar mod possibbli, mhux biss biex il-ħaddiema individwali jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol fl-impjieg proprju tagħhom iżda biex jiżguraw li huma jistgħu jużaw din l-esperjenza miksuba meta jbiddlu l-impjieg;

11.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fil-PO, “ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien”, għalkemm identifikati bħala grupp fil-mira, mhux dejjem kellhom l-indikaturi jew il-valuri fil-mira tagħhom stess, li jwassal għal sitwazzjoni fejn huwa diffiċli jew saħansitra impossibbli li tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien; jinnota li, meta l-indikaturi jkunu effettivament preżenti fil-proġetti, jirreferu l-aktar għal output, bħall-għadd ta’ parteċipanti u r-riżultati, aktar milli għal xi impatt speċifiku;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar enfasi fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-konfront ta’ ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien u tuża l-prerogattivi tagħha skont l-istrumenti legali eżistenti biex tindirizza forom ovvji ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età f’ċerti Stati Membri u f’ċerti setturi tal-ekonomija;

13.  Jitlob li l-miżuri ma jkunux immirati biss għall-impjegabbiltà, iżda wkoll għal progress fl-oqsma tal-kompetenzi (fosthom is-"soft skills"), kif ukoll biex tintlaħaq stima personali ogħla u motivazzjoni akbar; jinnota li l-komunikazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-ħajja u ta' edukazzjoni informali jagħtu kontribut kbir f'dan ir-rigward;

14.  Jitlob li jiġu ssorveljati u jitneħħew l-ostakli li jxekklu t-tixjiħ attiv, u biex it-tagħlim tul il-ħajja jkun appoġġjat, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist ta’ kwalifiki u ħiliet tekniċi ġodda, bħall-ħiliet fil-kompjuter u l-istudji ta’ lingwi barranin; jenfasizza li t-tixjiħ attiv, u t-tagħlim tul il-ħajja fost irġiel u nisa aktar mdaħħlin fl-età għandhom isiru karatteristiċi regolari fil-ħajja tax-xogħol u li dawn il-politiki għandhom jiġu kostantement monitorjati, evalwati u mtejba;

15.   Jitlob, biex il-PO ġodda jkollhom approċċ iktar uniformi fl-għażla tal-pubbliku destinatarju u fl-użu ta' data tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali, sabiex jistabbilixxu miri ambizzjużi iżda realistiċi; jinnota li, minħabba l-importanza li fil-futur se jkollu l-grupp li qed jikber ta’ impjegati aktar imdaħħlin fiż-żmien, il-preparazzjoni għall-PO għandha tinkludi wkoll djalogu dwar il-prijoritizzazzjoni tal-pubbliku destinatarju.

16.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li wħud mill-għanijiet u l-indikaturi użati fil-proġetti ma kellhom l-ebda konnessjoni diretta mal-interventi tal-FSE, li jagħmilha diffiċli li tiġi vvalutata l-prestazzjoni tagħhom, pereżempju li jiġi determinat is-suċċess jew il-falliment tagħhom fir-rigward tal-kisba tal-miri makroekonomiċi stabbiliti fil-PO, peress li dan huwa lil hinn mill-kontroll tal-azzjonijiet tal-FSE, imma jiddependi sa ċertu punt fuq fatturi esterni bħall-ambjent ekonomiku, l-iskemi u l-kundizzjonijiet għall-pubbliku lokali jew investiment privat ta’ protezzjoni soċjali;

17.  Jiddispjaċih li l-ebda wieħed mill-PO ma inkluda miri għal terminu medju, u lanqas ma stabbilixxa ġerarkija xierqa fost l-għanijiet kwantifikati differenti li jridu jintlaħqu, li kieku kien jippermetti lill-AM jimplimentaw azzjoni korrettiva mill-aktar fis possibbli;

18.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma tistax għalhekk tirrapporta b’mod adegwat fuq ir-riżultati ġenerali u l-impatt tal-attivitajiet immirati lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien fl-Istati Membri ffinanzjati mill-FSE;

19.  Jemmen bis-sħiħ li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-mod ta’ kif tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-PO; jinkoraġġixxi bil-qawwa l-introduzzjoni ta’ sett iddikjarat b’mod ċar ta’ data tal-prestazzjoni standardizzata (li hija affidabbli, verifikabbli u f’waqtha) għal programmi futuri, li jistgħu jkunu, meta jkun xieraq, aggregati fil-livell tal-UE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;

20.  Jilqa’ l-enfażi ġdida fuq ir-riżultati tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss 2014-2020 li jfisser li kwalunkwe azzjoni proposta trid tkun ibbażata fuq il-kisba ta’ għan speċifiku;

21.  Jenfasizza li l-istabbiliment ta’ prijoritajiet ċari fil-PO ġodda sabiex jinkisbu riżultati se jippermetti li jiġu mobilizzati sinerġiji bejn il-fondi differenti u sorsi oħra ta’ finanzjament, biex b'hekk jgħin jiżgura li l-miżuri biex jiksbu l-objettivi proposti jkunu effikaċi kemm jista' jkun kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak transnazzjonali;

22.  Jemmen li huwa neċessarju li l-indikaturi użati taħt il-PO ġodda jinkludu twissijiet fir-rigward ta' fatturi finanzjarji u fiżiċi, u jilqa’ l-fatt li dawn ikunu s-suġġett ta’ monitoraġġ speċjali sabiex ir-raġunijiet għal kwalunkwe devjazzjoni minn limitu speċifiku fir-rigward tal-objettivi pprogrammati jiġu analizzati mill-unità ta’ evalwazzjoni f’kollaborazzjoni mal-korpi intermedjarji tal-programmi, bl-għan li jevalwaw jekk dawn id-devjazzjonijiet seħħewx minħabba sitwazzjonijiet tranżitorji jew minħabba problemi ta’ natura strutturali li jeħtieġu evalwazzjoni aktar fil-fond jew, jekk ikun meħtieġ, modifika tal-programm;

23.  Jemmen ukoll li huwa meħtieġ li jiġi mmonitorjat jekk iseħħux tibdiliet fil-kuntest soċjoekonomiku, fil-prijoritajiet nazzjonali u/jew tal-Unjoni, jew problemi ta’ implimentazzjoni tal-PO, li jeħtieġu wkoll analiżi ta’ evalwazzjoni u modifika sostanzjali tal-programm;

24.  Jitlob l-użu sistematiku ta’ indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti bħal għanijiet operazzjonali, miri ta’ riżultati u miri ta’ impatt speċifiċi li għandhom jiġu inklużi mill-istadju ta’ kundizzjoni tal-proġett sabiex il-programmi 2014-2020 tal-FSE jkunu jistgħu jtejbu mhux biss l-ammont u l-kwalità tad-data miġbura dwar “ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien” fis-suq tax-xogħol iżda wkoll il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

25.  Jistieden lill-Istati Membri, għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, japplikaw u jikkomplimentaw b’mod xieraq l-indikaturi komuni previsti fir-Regolament tal-FSE sabiex jistabbilixxu kemm ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien, diżaggregati skont il-ġeneru, ipparteċipaw fi proġetti ffinanzjati mill-FSE b'attenzjoni fuq l-adattament tal-post tax-xogħol, il-kisba ta' ħiliet, is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol imtejba għall-individwi jew is-sejba ta' xogħol u kemm minnhom kisbu kwalifiki ġodda, tejbu s-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jew sabu impjieg wara li bbenefikaw mill-proġetti ffinanzjati mill-FSE;

26.  Ifakkar li, b’mod ġenerali, huwa meħtieġ li l-proġetti jirriflettu sew l-għanijiet tal-PO sabiex jitnaqqas ir-riskju li ma jilħqux l-objettivi inizjali stabbiliti; jitlob lill-AM biex jiċċekkjaw sistematikament l-eżistenza ta’ din ir-rabta biex jintgħażlu l-aħjar proġetti;

27.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-partijiet interessati biex itejbu l-metodoloġija fejn hu xieraq sabiex jgħaddu minn approċċ sempliċistiku li jikkonċerna l-infiq jew l-ispejjeż attwali għal approċċ integrat lejn l-aħjar prestazzjoni fil-proġetti ta’ ġestjoni;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika s-sottomissjoni u l-kwalità tad-data pprovduta mill-PO aktar bir-reqqa u biex tipproduċi gwida li jkun fiha parir operattiv li jkun disponibbli għall-Istati Membri;

29.  Huwa tal-fehma li kull sistema ta’ monitoraġġ għandha tistrieħ fuq id-dokumentazzjoni effettiva ta’ kontrolli mwettqa fuq il-PO biex jinkiseb livell sodisfaċenti ta’ assigurazzjoni;

30.  Jilqa’ l-fatt li l-AM ġeneralment iddefinixxew b’mod ċar id-data ta’ monitoraġġ li kienu jeħtieġu; ifakkar, madankollu, li s-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għandhom jippermettu verifika f’waqtha u perjodika tal-progress magħmul lejn l-objettivi stabbiliti bil-kapaċità li jirreaġixxu b’mod rapidu għal devjazzjonijiet sinifikanti mill-objettivi stabbiliti;

31.  Jitlob rekwiżiti regolatorji aktar preċiżi dwar il-valutazzjonijiet mitluba mill-AM, u sett minimu ta’ suġġetti għall-PO, li għandhom jiġu koperti fil-proċess ta’ evalwazzjoni li għandu jiġi definit; jitlob li jsiru sforzi biex jiżguraw li l-lezzjonijiet li ttieħdu minn programm ta’ ġestjoni jitqiesu kif xieraq fit-teħid tad-deċiżjonijiet futur;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex gradwalment tibbilanċja mill-ġdid u ssaħħaħ l-għodod ta’ ġestjoni tagħha sabiex tgħaddi minn sempliċi monitoraġġ tal-konformità – fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ legalità/regolarità – għall-kejl tal-progress fil-kisba tal-valuri fil-mira u tal-prestazzjoni tal-użu tal-FSE fil-perjodu 2014-2020 li jmiss; ifakkar li l-istabbiliment b’suċċess ta’ qafas ta’ prestazzjoni b’saħħtu, b’għanijiet u miri li jipprovdu responsabbiltà u riżultati ċari u li jistgħu jitkejlu, huwa essenzjali biex jiġi massimizzat l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi u jeħtieġ sforzi komuni u ekwivalenti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

33.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex titjieb il-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta' PO fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2012 u l-inklużjoni, fir-Regolament tal-FSE, ta' sett ta' indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati, inklużi indikaturi tar-riżultati fit-tul;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex iżżid il-kollaborazzjoni tagħha ma’ istituzzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-OECD, fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet speċifiċi għal gruppi żvantaġġati jew kategoriji ta’ ħaddiema vulnerabbli u billi tidentifika miżuri konkreti biex tgħin lill-Istati Membri jiddefinixxu aħjar il-prijoritajiet ewlenin, l-istrateġiji u l-proġetti sostenibbli eliġibbli għall-finanzjament mill-FSE fil-perjodu 2014-2020 li jmiss;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)L-għan tal-Istrateġija ta’ Lisbona kien biex l-UE ssir “l-ekonomija l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja bbażata fuq l-għarfien, kapaċi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli b’postijiet tax-xogħol aktar numerużi u aħjar u koeżjoni soċjali akbar” sal-2010.
(2)Ewropa 2020, imnedija fl-2010, tissostitwixxi l-Istrateġija ta’ Lisbona. Din għandha l-għan li tikseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli, u inklużiv. L-istrateġija tiffoka fuq ħames għanijiet li jridu jintlaħqu sal-2020 fl-oqsma tax-xogħol, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-tnaqqis tal-faqar u l-klima/l-enerġija.

Avviż legali - Politika tal-privatezza