Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Mario Borghezio (2013/2279(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba ta' Mario Borghezio tal-21 ta' Novembru 2013, imħabbra fis-seduta plenarja tal-21 ta' Novembru 2013, fid-dawl tal-ħarsien tal-immunità tiegħu fil-qafas tal-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu mill-qorti ta' Milan (ref. 47917/13),
– wara li sema' lil Carlo Casini, li rrappreżenta lil Mario Borghezio, skont l-Artikolu 7(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll li Mario Borghezio personalment,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 11 u 21 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 153 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1),
– wara li kkunsidra l-Kodiċi KriminaliTaljan,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6a u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0245/2014),
A. billi Membru tal-Parlament Ewropew, Mario Borghezio, talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari fil-qafas tal-proċeduri quddiem qorti Taljana;
B. billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri ma jistgħux ikunu suġġetti għal kwalunkwe inkjesta, detenzjoni jew prosekuzzjoni legali minħabba l-opinjonijiet espressi jew il-voti mixħuta minnhom waqt li jkunu qed jaqdu dmirhom;
C. billi l-iskop ta' din id-dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat li l-Membri tal-Parlament Ewropew, bħala prinċipju, igawdu mil-libertà ta' espressjoni, iżda filwaqt li dan id-dritt għal-libertà ta' espressjoni libera ma jawtorizzax il-kalunnja, il-libell, tixwix għal mibegħda jew it-tqiegħed f'dubju tal-unur ta' oħrajn u kwalunkwe espressjoni oħra li tmur kontra l-Artikolu 21 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
D. billi t-talba minn Mario Borghezio tikkonċerna investigazzjonijiet kriminali fil-konfronti tiegħu mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta' Milan fir-rigward ta' dijarazzjonijiet li huwa allegatament għamel f'intervista tar-radju tat-8 ta' April 2013;
E. billi Mario Borghezio kien Membru tal-Parlament Ewropew fiż-żmien ta' meta seħħet l-intervista;
F. billi, skont il-komunikazzjoni notifikata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni huma punibbli fis-sens tal-Artikoli 81(1) u 393(1) tal-Kodiċi Kriminali Taljan, l-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 205/1993 u l-Artikolu 3(1)(a) tal-Liġi Nru 654/1975, jiġifieri għal defamazzjoni pubblika repetuta u t-tixrid ta' ideat diskriminatorji fondati fuq is-superjorità jew il-mibegħda razzjali;
G. billi d-dikjarazzjonijiet magħmula jikkonċernaw il-karatteristiċi preżunti tal-grupp etniku Rom;
H. billi mir-rekords tal-attivitajiet parlamentari ta' Mario Borghezio jidher filwaqt li huwa wera interess fi kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-Rom, iżda l-fatti tal-każ, kif irriżultaw mill-komunikazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u matul l-udjenza quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li huwa għamel fl-intervista ma għandhom l-ebda konnessjoni diretta jew evidenti ma' dawn l-attivitajiet parlamentari;
I. billi d-dikjarazzjonijiet allegatament imwettqa jmorru lilhinn mit-ton li ġeneralment jintuża f'dibattiti politiċi u huma, barra minn hekk, ta' natura profondament inadegwata għad-dinjità tal-Parlament; billi dawn imorru kontra l-Artikolu 21 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għahekk ma jistgħux jitqiesu li saru fil-qadi tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew;
J. billi, kieku saru f'seduta tal-Parlament, dikjarazzjonijiet bħal dawk magħmula minn Mario Borghezio setgħu jirriżultaw f'pieni taħt l-Artikolu 153 tar-Regoli ta' Proċedura; billi l-immunità parlamentari ma għandhiex tkorpi tali dikjarazzjonijiet meta magħmula barra mill-Parlament;
K. billi Mario Borghezio għalhekk ma jistax jitqies li kien qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li ma jħarisx l-immunità u l-privileġġi ta’ Mario Borghezio;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Mario Borghezio.
Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195; sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Każ 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391; sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Każ T-345/05 Mote v Parlament [2008] ECR II-2849; sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Każijiet konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Każ T-42/06 Gollnisch v Parlament, [2010] ECR II-1135, sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Każ C-163/10 Patriciello (pubblikazzjoni pendenti fl-ECR).