Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (COM(2013)0814 – C7-0464/2013 – 2013/0400(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2013)0814),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0464/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7‑0243/2014),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal direttiva Premessa -1 (ġdida)
(-1) Huwa stmat li kull sena fl-Unjoni jintilef EUR 1 triljun fi dħul potenzjali mit-taxxi minħabba frodi fiskali, evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa jew ippjanar aggressiv tat-taxxa, li jirrappreżenta spiża approssimattiva ta’ EUR 2 000 fis-sena għal kull ċittadin tal-Unjoni. Għalhekk huwa essenzjali li jittieħdu miżuri xierqa kontra l-frodi fiskali u li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE1a sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva ma timpedixxix azzjoni effettiva kontra n-nontassazzjoni doppja fil-qasam tal-istrutturi ta’ self ibridu.
______________
1a Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠUL 345, 29.12.2011, p. 8).
Emenda 2 Proposta għal direttiva Premessa -1a (ġdida)
(-1a) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu ‘Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa’ tidentifika l-indirizzar ta’ diskrepanzi bejn is-sistemi tat-taxxa bħala waħda mill-azzjonijiet li jridu jittieħdu fl-immedjat u tinkludi emenda tad-Direttiva 2011/96/UE sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva ma timpedixxix b’mod involontarju l-azzjoni effettiva kontra n-nontassazzjoni doppja fil-qasam tal-istrutturi ta’ self ibridu. Fil-Pjan ta’ Azzjoni tħabbar ukoll rieżami tad-dispożizzjonijiet kontra l-abbuż previsti fid-direttivi dwar it-taxxa korporattiva, inkluża d-Direttiva 2011/96/UE, bil-ħsieb li jiġu implimentati l-prinċipji sottostanti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar il-Ġlieda kontra Frodi tat-Taxxa, l-Evażjoni tat-Taxxa u r-Rifuġji Fiskali, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex fl-2013 tressaq proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2011/96/UE bil-għan li tiġi riveduta d-dispożizzjoni kontra l-abbuż u tiġi eliminata n-nontassazzjoni doppja, kif iffaċilitata minn entitajiet u strumenti ibridi finanzjarji fl-Unjoni.
Emenda 3 Proposta għal direttiva Premessa 2
(2) Il-benefiċċji tad-Direttiva 2011/96/UE m’għandhomx iwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ nontassazzjoni doppja u, għalhekk, jiġġeneraw benefiċċji fiskali mhux intenzjonati għal gruppi ta’ kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla ma’ gruppi ta’ kumpaniji fl-istess Stat Membru.
(2) Il-benefiċċji tad-Direttiva 2011/96/UE m’għandhomx iwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ nontassazzjoni doppja jew forom estremi ta’ tassazzjoni baxxa wisq u, għalhekk, jiġġeneraw benefiċċji fiskali mhux intenzjonati għal gruppi ta’ kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla ma’ gruppi ta’ kumpaniji fl-istess Stat Membru.
Emenda 4 Proposta għal direttiva Premessa 4
(4) Sabiex jipprevjenu l-evitar tat-taxxa u l-abbuż permezz ta’ arranġamenti artifiċjali, għandha tiddaħħal dispożizzjoni komuni kontra l-abbuż imfassla għall-iskop u l-għanijiet tad-Direttiva 2011/96/UE.
(4) Sabiex jipprevjenu l-evitar tat-taxxa u l-abbuż permezz ta’ arranġamenti artifiċjali, għandha tiddaħħal dispożizzjoni obbligatorja komuni kontra l-abbuż imfassla għall-iskop u l-għanijiet tad-Direttiva 2011/96/UE.
Emenda 5 Proposta għal direttiva Premessa 5
(5) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk ibbażati fuq ftehim li huma meħtieġa għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa.
(5) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk ibbażati fuq ftehim li huma meħtieġa għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, sakemm ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.
Emenda 6 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – punt 1 Direttiva 2011/96/UE Artikolu 1 – paragrafu 2
2. Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk imsejsa fuq ftehim meħtieġa għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa.
2. Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk imsejsa fuq ftehim meħtieġa għall-finijiet ta’ prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa jew biex l-attivitajiet ikunu jistgħu jiġu intaxxati fil-post tal-produzzjoni jew tal-konsum, sakemm ikunu kompatibbli ma' din id-Direttiva.
Emenda 7 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – punt 2 Direttiva 2011/96/UE Artikolu 1a – paragrafu 1
1. L-Istati Membri jirtiraw il-benefiċċju ta’ din id-direttiva fil-każ ta’ arranġament artifiċjali jew serje artifiċjali ta’ arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ bil-għan ewlieni li jinkiseb vantaġġ fiskali inġust skont din id-direttiva u li jxejjen l-iskop, l-ispirtu u l-għan tad-dispożizzjonijiet tat-taxxa invokati.
1. L-Istati Membri jirtiraw il-benefiċċju ta’ din id-direttiva fil-każ ta’ arranġament artifiċjali jew serje artifiċjali ta’ arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ bil-għan li jinkiseb vantaġġ fiskali inġust skont din id-direttiva u li jxejjen l-iskop, l-ispirtu u l-għan tad-dispożizzjonijiet tat-taxxa invokati.
Emenda 8 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – punt 2 Direttiva 2011/96/UE Artikolu 1a – paragrafu 2 – subparagrafu 2
Fid-determinazzjoni ta’ jekk arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti humiex artifiċjali, l-Istati Membri parteċipanti jaċċertaw, b’mod partikolari, jekk dawn jinvolvux waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
Fid-determinazzjoni ta’ jekk arranġament jew sensiela ta’ arranġamenti humiex artifiċjali, l-Istati Membri parteċipanti jaċċertaw, b’mod partikolari iżda mhux esklużiv, jekk dawn jinvolvux waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
Emenda 9 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – punt 2a (ġdid) Direttiva 2011/96/UE Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt a
2a. Fl-Artikolu 3(2), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:
(a) jibdlu, permezz ta’ ftehim bilaterali, il-kriterju taż-żamma ta’ investiment fil-kapital bil-kriterju ta’ żamma ta’ investiment bid-drittijiet għall-vot;
"(a) iżidu, permezz ta’ ftehim bilaterali, il-kriterju taż-żamma ta’ investiment fil-kapital bil-kriterju ta’ żamma ta’ investiment bid-drittijiet għall-vot;
Emenda 11 Proposta għal direttiva Artikolu 1a (ġdid)
Artikolu 1a
Rieżami
Sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill billi tanalizza l-operat ta’ l-emendi għad-Direttiva 2011/96/EU introdotti minn din id-Direttiva u b’mod partikolari l-effikaċja tagħha fil-prevenzjoni tal-evitar u l-abbuż tat-taxxa.
Dak ir-rapport jiġi ppreżentat flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk ikun il-każ.
Emenda 12 Proposta għal direttiva Artikolu 3
Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tiġi ppubblikata f’forma kkonsolidata mad-Direttiva li temenda fi żmien tliet xhur mill-pubblikazjoni tagħha.