Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2146(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0138/2014

Testi mressqa :

A7-0138/2014

Dibattiti :

PV 03/04/2014 - 4
CRE 03/04/2014 - 4

Votazzjonijiet :

PV 03/04/2014 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0286

Testi adottati
PDF 414kWORD 107k
Il-Ħamis, 3 ta' April 2014 - Brussell
L-approċċ komprensiv tal-UE u l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE
P7_TA(2014)0286A7-0138/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2014 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE (2013/2146(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 21, 24 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21(3) TUE, li jistabbilixxi li r-Rappreżentant Għoli għandu jassisti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-iżgurar tal-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24(3) TUE, li jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni b'mod attiv u bla riżervi fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom jikkonformaw mal-azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam, li se jastjenu minn kull azzjoni li tmur kontra l-interessi tal-Unjoni jew li probabbli tfixkel l-effikaċja bħala forza ta' koeżjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali u li l-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jiżguraw il-konformità ma' dawn il-prinċipji,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tas-6 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-RGħ/VP lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni (JOIN(2013)0030),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-reviżjoni tal-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE(1) u r-Rieżami tas-SEAE tal-2013 ippreżentat mir-Rappreżentant Għoli f'Lulju 2013(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar il-PESK u l-PSDK, b'mod partikolari ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar ir-Rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każijiet ta' kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali(3),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' Ottubru 2013 tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-SEAE dwar ir-reviżjoni tal-proċeduri tal-immaniġġjar ta' kriżijiet tal-PSDK adottat mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) fit-18 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7‑0138/2014),

A.  billi t-Trattat ta' Lisbona u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet attwali diġà jeħtieġu "li tiġi żgurata koerenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha"; billi dan l-għan jibbenefika minn rwol akbar tal-Parlament fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni;

B.  billi l-komprensività tirreferi mhux biss għall-iskjerament konġunt tal-istrumenti u r-riżorsi tal-UE, imma wkoll għar-responsabbiltà kondiviża tal-atturi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, li l-politiki, l-azzjonijiet u l-appoġġ tagħhom għandhom jikkontribwixxu għal azzjoni esterna tal-UE aktar koerenti u aktar effikaċi;

C.  billi dan l-aħħar, bis-saħħa tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE kisbet strumenti ġodda ta' azzjoni esterna li jippermettulha tiżviluppa politika barranija tal-UE aktar attiva, unifikata u awtentika;

L-UE f'dinja li qed tinbidel

1.  Jikkunsidra li bidliet ġeostrateġiċi sinifikanti qed iseħħu, b'mod partikolari minħabba l-emerġenza ta' xena internazzjonali multipolari b'atturi ġodda li jsegwu ambizzjonijiet kompetittivi reġjonali u globali, interdipendenza li dejjem tikber, il-feġġien ta' theddid asimmetriku multidimensjonali, ir-riorjentament tal-politika ta' sigurtà tal-Istati Uniti lejn iż-żona Asjatika-Paċifika, it-taqbida dwar l-enerġija u s-sigurtà tar-riżorsi li dejjem tikber, l-effetti dejjem aktar serji tat-tibdil fil-klima u kriżi finanzjarja u ekonomika globali severa u fit-tul li tolqot lill-Istati Membri tal-UE kollha;

2.  Jenfasizza li fi klima ġeopolitika bħal din, l-UE għandha tippreserva l-valuri, l-interessi u l-istabbiltà tagħha u tippromwovihom fix-xena globali, kif ukoll tħares is-sigurtà u l-prosperità taċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li dan jeżiġi approċċ ġdid fit-tiswir, f'kooperazzjoni mas-sħab strateġiċi tagħna, ta' ordni dinji multipolari ġdid li jkun inklużiv, kredibbli, ġust u kooperattiv, mirfud mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija u li jkollu l-għan li jikseb ir-riżoluzzjoni tad-differenzi mingħajr ma jirrikorri għal konflitti armati;

L-approċċ komprensiv tal-UE: is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-qafas politiku

3.  Jenfasizza li s-saħħa tal-UE qiegħda fil-potenzjal tagħha li timmobilizza r-riżorsi fuq il-firxa sħiħa ta' strumenti diplomatiċi, ta' sigurtà, ta' difiża, ekonomiċi, kummerċjali, ta' żvilupp u umanitarji – b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti – u li l-użu ta' dawn l-istrumenti b'approċċ komprensiv (AK) jagħti flessibbiltà unika sabiex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-kwistjonijiet internazzjonali l-aktar diffikultużi u sabiex jinkisbu l-għanijiet politiċi proprji tagħha;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinament u koerenza effikaċi fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea; jaqbel mal-fehma li l-isferi tal-iżvilupp, tal-politika u tas-sigurtà huma interdipendenti u li l-valur miżjud offrut mill-UE fir-reazzjoni għal emerġenzi kumplessi, jinsab fl-abilità tagħha li toħloq sinerġiji transettorjali u interistituzzjonali sabiex tilħaq riżultati sostenibbli fuq il-post kif ukoll tikseb objettivi strateġiċi fuq terminu twil;

5.  Jenfasizza li l-AK illum huwa meqjus mill-atturi internazzjonali rilevanti kollha (inklużi l-organizzazzjonijiet multilaterali u l-Istati) bħala l-aħjar mod sabiex jinħoloq qafas għal risposta effiċjenti għall-kriżijiet multidimensjonali u li jippromwovi s-sigurtà tal-bniedem fuq livell globali, li ġej direttament mill-għarfien għal żmien twil li t-tentattiv li tinkiseb stabbiltà permezz ta' approċċ uniku biss probabbli ma jirnexxix;

6.  Ifakkar b'mod partikolari li n-Nazzjonijiet Uniti żviluppaw, sa mill-2006, il-kunċett ta' "approċċ integrat" għal sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara l-konflitt u li l-membri tan-NATO adottaw, fis-Summit ta' Lisbona tal-2010, Kunċett Strateġiku ġdid li jitlob approċċ komprensiv għall-immaniġġjar tal-kriżijiet;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li t-Trattat ta' Lisbona jipprovdi l-qafas għall-Unjoni sabiex tikseb approċċ aktar koerenti, konġunt u komprensiv għall-persegwiment effikaċi tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, inkluż permezz tal-ħolqien ta' Rappreżentant Għoli (RGħ) tal-Unjoni b'kariga tripla għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li huwa wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, u billi jistabbilixxi Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) effikaċi u li jgħaqqad;

8.  Jiddispjaċih li minkejja l-innovazzjonijiet fit-Trattat ta' Lisbona, għad hemm nuqqas ta' progress fil-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni f'oqsma relatati mas-sigurtà, kwistjonijiet umanitarji, l-iżvilupp, il-kummerċ, l-enerġija, l-ambjent, il-migrazzjoni u kwistjonijiet globali oħra; jinsab imħasseb li l-Kummissjoni ta' spiss tieħu approċċ restrittiv, li jipproteġi l-kompetenzi proprji tagħha f'dawk l-oqsma u jimminimizza l-funzjonijiet ta' koordinament mas-SEAE;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom ibbażati fuq it-Trattat sabiex jappoġġaw ir-relazzjonijiet esterni u l-politika ta' sigurtà tal-Unjoni b'mod attiv u fi spirtu ta' solidarjetà reċiproka u sabiex jikkonformaw, fit-tmexxija tal-politiki tagħhom stess, mal-azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jizvolġu rwol kostruttiv permezz tal-promozzjoni tal-koordinament tal-politika strateġika fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-politika barranija tal-UE tista' tkun effikaċi biss jekk l-Istati Membri jkunu lesti u kapaċi jifformulaw linji ta' politika komuni, b'mod partikolari fi ħdan organizzazzjonijiet multilaterali, bħan-Nazzjonijiet Uniti;

10.  Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni; jiddispjaċih madankollu li dan aktar jiddependi fuq proċessi eżistenti milli jipprova jesplora modi konkreti ġodda biex tiġi faċilitata kooperazzjoni istituzzjonali u prattika;

11.  Jinsisti li l-AK huwa r-responsabbiltà komuni tal-atturi kollha tal-UE fl-istituzzjonijiet tal-UE, fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi, u li, fl-istess ħin, għandu jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi speċifiċi ta' kull istituzzjoni u attur;

12.  Jappella għall-involviment u d-djalogu attiv maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili biex jiżguraw il-leġittimità u l-fehim komuni tal-AK u tal-politika barranija tal-UE b'mod ġenerali;

13.  Jemmen li bħala bażi għall-qabża mill-kunċett għall-azzjoni għat-tfittxija ta' AK, l-erba' oqsma li ġejjin għandhom jiġu indirizzati;

1.  Koerenza istituzzjonali

14.  Jemmen li l-kunċett ta' AK għandu jiġi mifhum bħala x-xogħol koordinat tal-istituzzjonijiet rilevanti kollha (is-SEAE u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, inklużi ECHO, DEVCO, TRADE u ELARG, iżda wkoll il-Parlament u l-Kunsill) li jfittxu għanijiet komuni fi ħdan il-qafas maqbul imfassal fil-livell tal-UE, u jimmobilizza l-istrumenti l-aktar rilevanti tiegħu, inkluż il-PSDK meta s-sitwazjoni ta' siġurtà teħtieġ dan; jemmen li, sa issa, nuqqasijiet istituzzjonali u proċedurali impedixxew fil-biċċa l-bkira l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE fil-maġġorparti taż-żoni ta' kriżi li fiha aġixxiet l-UE, u għamlu ħsara lill-kredibbiltà tal-UE bħala attur u fornitur tas-sigurtà globali;

15.  Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona ħoloq is-SEAE u r-RGħ/VP b'kariga tripla sabiex jipprovdu unità, konsistenza, viżibbiltà u effikaċja għall-azzjoni esterna tal-UE; jisħaq il-fatt li, sa issa, il-potenzjal tat-tliet rwoli kollha ma ġiex sfruttat bis-sħiħ; jitlob li r-rwol ta' koordinament vitali tar-RGħ/VP bħala Viċi President tal-Kummissjoni jissaħħaħ fi ħdan il-Kummissjoni nnifisha, permezz ta' laqgħat regolari istituzzjonalizzati tal-kulleġġ tal-Kummissarji RELEX, preseduti mir-RGħ/VP u mwessgħa sabiex jinkludu Kummissarji oħra rilevanti; jappella għar-riforma immedjata tas-SEAE bbażata fuq ir-reviżjoni tal-2013 u l-linji gwida tal-Parlament sabiex isir l-aqwa użu minn riżorsi finanzjarji skarsi;

16.  Jenfasizza li filwaqt li l-kooperazzjoni hija essenzjali, il-kompetenzi u l-proċeduri tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ; jistieden, għalhekk, lill-atturi kollha tal-UE jaġixxu b'rieda tajba u jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex jippermettu l-persegwiment ta' AK;

17.  Jemmen li AK jeħtieġ strutturi reattivi, flessibbli u effiċjenti fis-SEAE; ifakkar il-fehma tiegħu li l-istruttura istituzzjonali tas-SEAE għandha tiġi semplifikata sabiex tiżgura teħid ta' deċiżjonijiet effikaċi u l-użu tal-istrumenti tagħha, inklużi l-istrumenti ċivili u militari tal-PSDK, kif mitlub fir-rapport 2013 tal-Parlament dwar dan is-suġġett;

18.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-AK għandu jiżgura wkoll l-integrazzjoni tas-sessi u l-bilanċ fil-formulazzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet esterni kollha tal-Unjoni;

19.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-medjazzjoni u d-djalogu fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti b'mod paċifiku; ifaħħar il-progress li sar mis-SEAE fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' medjazzjoni tiegħu u jtenni l-appoġġ tiegħu għal aktar tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Ewropa f'dan il-qasam u jitlob li l-medjazzjoni ssir karatteristika standard importanti ta' kwalunkwe AK futur għal reġjun fi kriżi speċifiku; jenfasizza r-rwol tal-Parlament fil-formulazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika barranija komuni u jistieden lill-Parlament li jmiss jiżgura l-effikaċja tagħha u, fuq kollox, il-koerenza tagħha; jiġbed l-attenzjoni għall-involviment tal-Parlament biex jipparteċipa b'mod attiv fl-osservazzjoni elettorali, il-medjazzjoni u l-appoġġ tad-demokrazija; jemmen li l-involviment tal-Parlament fil-proċessi ta' medjazzjoni fl-Ukraina u f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) wera r-rwol importanti li l-parlamentari jista' jkollhom f'dan il-qasam;

20.  Ifakkar li għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-rispett tal-prinċipji tal-għajnuna umanitarja (l-indipendenza, l-imparzjalità, in-newtralità); jemmen li l-aċċess sikur għall-popolazzjonijiet milquta u s-sigurtà tal-operaturi umanitarji jiddependu fuq kollox mill-mod ta' kif dawn huma perċepiti mill-atturi influwenti fil-qasam, u li dawn għandhom jitqiesu bħala indipendenti minn kwalunkwe kunsiderazzjoni politika partiġjana. jinnota, madankollu, li s-servizz tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) għandu jifforma parti mill-UE u, konsegwentement, jemmen bis-saħħa li għandu jsir aktar biex tissaħħaħ il-kooperazjoni u l-koordinament bejn l-ECHO u s-SEAE;

21.  Jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 "L-approċċ konprensiv tal-UE għall-konflitti u l-kriżijiet esterni" (JOIN(2013)0030), li tirrappreżenta opportunità biex dan l-approċċ fl-istruttura istituzzjonali l-ġdida ta' wara Lisbona jkun ikkjarifikat u jsir operattiv, kif ukoll biex tikkonsolida l-impenn tal-UE favur ħidma komprensiva għall-ħidma tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni; jirrikonoxxi l-isfidi inerenti konsiderevoli fil-promozzjoni u l-implimentazjoni ta' politika ambizzjuża bħal din; jilqa', b'mod partikolari, l-enfasi li tqiegħed fuq ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp li għandha tkun prinċipju sottostanti fundamentali fl-applikazzjoni tal-approċċ komprensiv tal-UE;

22.  Jappoġġa bil-qawwa l-kunċett ta' azzjoni esterna aktar koerenti; jenfasizza li l-UE ma għandhiex tadotta definizzjoni ristrettiva tal-approċċ komprensiv; jilqa' l-fatt li l-Komunikazzjoni Konġunta tippromwovi fehim tal-approċċ komprensiv li jkopri l-istadji kollha taċ-ċiklu ta' konflitt jew ta' kriżijiet esterni oħra permezz ta' twissija bikrija u tħejjija, prevenzjoni ta' konflitti, reazzjoni għall-kriżi u ġestjoni għal irkupru bikri kif ukoll stabbilizzazzjoni u konsolidament tal-paċi sabiex il-pajjiżi jkunu megħjuna lura fit-triq li twassalhom għal żvilupp sostenibbli u fit-tul; ifakkar li l-objettivi tal-politika barranija m'għandhomx immorru kontra l-prinċipji ta' żvilupp u l-azzjoni umanitarja bbażata fuq il-prinċipji, peress li t-tliet politiki huma kumplimentari;;

23.  Ifakkar li l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju ta' Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD), u jenfasizza l-potenzjal ta' tensjoni bejn il-PCD min-naħa u l-approċċ komprensiv għall-ġestjoni tar-riskju lil hinn mill-UE min-naħa l-oħra; jenfasizza li l-objettiv ewlieni tal-politika għall-iżvilupp tal-UE huwa l-qerda tal-faqar u li għalhekk huwa essenzjali li l-objettivi kontra l-faqar ma jiġux emarġinati fil-politika barranija tal-UE kif ukoll li l-approċċ komprensiv ma jnaqqarx mill-karattru ċivili tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jieħu nota tal-fatt li l-Komunikazzjoni Konġunta tafda lir-RGħ/VP u l-President tal-Kummissjoni bir-responsabbiltà li jiżguraw koerenza strateġika u operattiva fir-relazzjonijiet esterni, inkluż fir-rigward tal-impatt estern ta' politiki interni; jistieden lir-RGħ/VP u l-President tal-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom li jagħmlu dan;

24.  Jinnota li kemm l-Artikolu 214 tat-TFUE kif ukoll il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2008 jipproteġu l-azzjoni umanitarja bbażata fuq il-prinċipji; jitlob li jkunu ssalvagwardjati l-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza li huma essenzjali kemm għall-effikaċja tal-azzjoni umanitarja kif ukoll għas-sikurezza tal-atturi tagħha; jenfasizza b'mod sod li l-aġenda tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u dik tas-sigurtà ma għandhomx ifixklu l-abilità tal-atturi umanitarji li jwasslu l-assistenza, u li l-għajnuna umanitarja fl-ebda ċirkostanza ma għandha sservi skopijiet politiċi jew titqies bħala għodda tal-ġestjoni tar-riskju; jieħu nota li biex jinkiseb aċċess għal popolazzjonijiet fil-bżonn l-għajnuna umanitarja mhux biss għandha tkun newtrali iżda anki l-perċezzjoni tagħha għandha tkun hekk; filwaqt li jirrikonoxxi li l-għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet għandha tingħata marġini ta' mmanuvrar, jappella għal involviment usa' ma' atturi umanitarji sabiex jiġu definiti aħjar il-parametri tar-relazzjoni tagħhom mal-approċċ komprensiv;

25.  Hu tal-fehma li hemm rabta qawwija bejn l-iżvilupp u l-prevenzjoni tal-konflitti, peress li ta' spiss il-faqar ikun sors ewlieni u r-riżultat ta' konflitt; jenfasizza li l-prevenzjoni tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli; jilqa' l-enfasi fuq il-prevenzjoni fil-Komunikazzjoni Konġunta, u jitlob għat-tisħiħ tas-sistemi ta' twissija bikrija tal-UE; jistieden lill-UE tkompli tappoġġa pajjiżi f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, sabiex tindirizza l-kawżi primarji u tistabbilixxi istituzzjonijiet funzjonali u responsabbli li jistgħu jagħtu servizzi bażiċi u jappoġġaw it-tnaqqis tal-faqar; jenfasizza l-bżonn li titfassal strateġija tal-UE għal Stati fraġli, li tintegra fis-sistema tal-UE kemm il-prinċipji ta' Stati fraġli tal-OECD-DAC, kif ukoll l-objettivi tal-"Ftehim Ġdid għall-impenn fi Stati Fraġli" li ntlaħaq qbil dwaru f'Busan f'Diċembru 2011;

26.  Jilqa' l-impenn għal strateġija fit-tul kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta billi huwa biss impenn fit-tul flimkien mal-iżvilupp sostenibbli li jistgħu jippromwovu l-paċi u s-sigurtà; jappella għal koordinament aħjar tal-objettivi fuq terminu qasir u fit-tul tal-politiki tal-UE b'kunsiderazzjoni xierqa għall-fehmiet tal-partijiet interessati fil-livell lokali;

27.  Jenfasizza li, sabiex ikun effikaċi, l-approċċ komprensiv tal-UE għandu jkun ibbażat, kemm jista' jkun possibbbli, fuq analiżi konġunta, valutazzjoni u ppjanar fis-sistema tal-UE kollha, b'diviżjoni ċara tar-responsabbilitajiet; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' programmazzjoni konġunta bħala għodda għall-kisba ta' koerenza fl-azzjoni esterna;

28.  Jemmen li l-AK għandu jkollu għeruq f'viżjoni kondiviża mill-atturi tal-UE kollha tal-kuntest strateġiku li jevolvi fejn fih isseħħ l-azzjoni tal-UE; jipproponi, għalhekk, li jkun hemm kondiviżjoni ta' informazzjoni aktar regolari u trasparenti, koordinament tal-politika u xogħol ta' tim bejn l-atturi tal-UE fil-fażijiet kollha tal-azzjoni tal-UE; jipproponi, barra minn hekk, li jiġu żviluppati l-istrutturi formali li fihom jistgħu jseħħu dawk l-iskambji u fejn jistgħu jsiru twissijiet bikrija, analiżi tas-sitwazzjoni u monitoraġġ tal-kriżi u ta' wara l-kriżi, b'integrazzjoni potenzjali ta' strutturi eżistenti (bħas-Sala tas-Sitwazzjonijiet tal-UE, iċ-Ċentru għal Rispons ta' Emerġenza u l-ARGUS); itenni l-ħtieġa ta' "Bord tal-Koordinament waqt Emerġenza u Kriżi" fi ħdan is-SEAE, li għandu jkun presedut mir-RGħ/VP u li jgħaqqad flimkien lill-atturi rilevanti għall-immaniġġjar ta' kriżijiet;

29.  Jemmen li l-persegwiment ta' AK jeħtieġ ukoll titjib fil-koordinament, taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ, flimkien mal-politiki interni tal-UE li għandhom dimensjoni ta' politika barranija sinifikanti bħas-suq intern, il-migrazzjoni, l-ambjent u l-enerġija;

30.  Jipproponi allinjament aħjar bejn il-politika tal-kummerċ u l-politika barranija komuni, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp;

31.  Jenfasizza li koordinament u ppjanar ta' politika skarsi fost l-istituzzjonijiet rilevanti huma parzjalment responsabbli għall-implimentazzjoni dgħajfa tal-politiki barranin tal-UE fuq il-post; jinnota li s-sitwazzjoni qed titjieb minn meta d-delegazzjonijiet tal-UE ħadu f'idejhom il-funzjoni ta' koordinament fil-qasam, imma jeħtieġ li jsir aktar progress biex tkompli tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-politiki barranin tal-UE fuq il-post, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni fi kriżi u meta jkun hemm rabta mal-attivitajiet tal-PESK;

32.  Jitlob it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE sabiex tittratta l-isfidi globali, b'mod partikolari d-diplomazija li għandha x'taqsam mal-klima; jistieden lis-SEAE jidentifika kompromessi politiċi u joħloq ftehimiet politiċi billi jorbot il-klima ma' aspetti oħra tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi sħab; jittama li bi tħejjija għall-konferenza dwar il-klima tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Pariġi fl-2015, is-SEAE se jibda juża n-netwerk estensiv tiegħu ta' delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja sabiex japprofondixxi l-fehim Ewropew tal-interessi u l-politiki nazzjonali tal-azzjoni klimatika fil-pajjiżi sħab;

2.  Koerenza finanzjarja

33.  Jisħaq li d-determinazzjoni tal-Parlament sabiex jiżgura li l-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni għall-perjodu mill-2014 sal-2020 huma mfassla sabiex jgħinu l-persegwiment ta' AK għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, b'mod partikolari, bil-ħolqien ta' strumenti li jaħdmu madwar iċ-ċentru tal-prevenzjoni tal-konflitti, l-immaniġġjar ta' kriżijiet, il-konsolidament tal-paċi, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u t-tisħiħ tas-sħubijiet strateġiċi; jenfasizza li l-Istrument ta' Sħubija l-ġdid joffri wkoll lill-UE għodda li takkumpanja l-attivitajiet tal-politika barranija ma' pajjiżi terzi finanzjarjament; jisħaq id-determinazzjoni tiegħu li jeżerċita bis-sħiħ il-kontroll demokratiku tiegħu tal-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti sabiex jiżgura li r-riżorsi importanti imma li jispiċċaw tal-Unjoni jintużaw b'mod effiċjenti u kosteffikaċi sabiex jinkisbu r-riżultati; jisħaq fuq id-dritt tal-Parlament, bħala parti mir-reviżjoni intermedja tal-istrumenti finanzjarji esterni, li jirrevedi l-implimentazzjoni tal-istrumenti u jagħmel kwalunkwe bidla meħtieġa;

34.  Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' ambizzjoni baġitarja tal-UE fil-qasam tal-azzjoni esterna għall-perjodu 2014-2020; jitlob antiċipazzjoni aħjar tal-ħtiġiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-UE; jiddispjaċih li, f'xi każijiet, l-azzjonijiet tal-UE ġew imdewma minħabba kwistjonijiet finanzjarji; jitlob biex fil-futur problemi strutturali bħal dawn jiġu rimedjati, inkluż permezz tal-użu tad-dispożizzjonijiet ġodda dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-parteċipazzjoni u l-iskjerament f'missjonijiet ta' stabbilizzazzjoni ċivili (Artikolu 4c) ipprovduti mill-Istrument għall-Istabbiltà u l-Paċi (ISP); ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta' finanzjament tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK (magħruf bħala l-mekkaniżmu ATHENA), sabiex tkun permessa kondiviżjoni tal-piżijiet tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet militari tal-UE aktar adegwata u aktar ġusta, biex b'hekk l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jikkontribwixxu għalihom b'ġenerazzjoni tal-forzi jew finanzjament tal-ispejjeż ta' appoġġ;

35.  Ifakkar lir-RGħ/VP li l-Parlament irreveda l-Istrumenti Finanzjarji Esterni tal-Unjoni għall-perjodu mill-2014 sal-2020 biex jipprovdi ambitu għat-tisħiħ tal-kapaċità ta' atturi internazzjonali, reġjonali, governattivi u tas-soċjetà ċivili li jaraw l-affarijiet bl-istess mod li huma lesti jaħdmu mal-Unjoni fil-persegwiment tal-għanijiet filwaqt li jissalvagwardjaw il-valuri fundamentali tagħna bħall-promozzjoni tad-demokrazija;

3.  Koerenza fil-prattika

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp reċenti tal-UE tal-istrateġiji reġjonali sabiex tiddefinixxi l-prijoritajiet politiċi, tikkomunika l-għanijiet tal-politika, tikkoordina risposta għall-politiki, tibni sħubijiet u tikkonċentra fuq l-implimentazzjoni tar-riżorsi; jipproponi l-elaborazzjoni sistematika tal-istrateġiji tal-UE sabiex jinħoloq qafas u tingħata koerenza fil-prattika lill-azzjoni tal-UE, abbozzata b'mod konġunt mis-SEAE u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni (b'mod partikolari DEVCO u ECHO), u taħt it-tmexxija tar-RGħ/VP; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv fl-oqsma ta' kompetenza tagħha mill-bidu nett ta' din il-koordinament;

37.  Jinsisti li strateġiji bħal dawn għandhom jistabbilixxu b'mod ċar l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE u l-kalendarju speċifiku meħtieġ għall-implimentazzjoni u jiddeterminaw liema strumenti huma l-aktar adatti għall-azzjoni (ivarjaw fost l-oħrajn mill-għajnuna umanitarja u dik għall-iżvilupp, l-azzjoni u l-medjazzjoni diplomatiċi, is-sanzjonijiet ekonomiċi, u l-PSDK); jinsisti li r-rwol u l-kontribut mill-PSDK għandhom ikunu parti mill-analiżi politika inizjali u mid-definizzjoni tal-għanijiet tal-politika, u b'hekk jiffaċilitaw l-involviment bikri tal-pjanifikaturi tal-PSDK u tal-korpi parlamentari rilevanti fil-livell Ewropew u dak nazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dak il-kuntest, l-iżvilupp pożittiv ta' Qafas Politiku għall-Approċċ tal-Kriżijiet għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u jipproponi li din tiġi estiża għall-inizjattivi kollha ta' koordinament waqt emerġenza u kriżi;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-Qafas Strateġiku tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, li l-għan tiegħu huwa li jġib stabbiltà f'dan ir-reġjun strateġiku permezz tal-ġlieda kontra l-piraterija u l-kawżi sottostanti tagħha, jistabbilixxi awtoritajiet leġittimi fis-Somalja u jippromwovi kooperazzjoni reġjonali permezz tal-użu fl-istess ħin tal-istrumenti esterni tal-UE, flimkien mal-imsieħba rilevanti fil-qasam; ifakkar, madankollu, li l-azzjoni tal-UE fir-reġjun inbniet fuq il-bażi ta' inizjattivi pijuniera tal-PSDK (jiġifieri l-EUNAVFOR Atalanta u l-EUTM Somalia) li warajhom imbagħad ġew l-istrumenti tal-UE l-oħra, li jagħmlu l-AK fil-Qarn tal-Afrika kisba ex post empirika u pragmatika aktar milli strateġija mfassla tajjeb u ppjanata; jemmen bis-saħħa li, fil-futur, l-istrateġiji tal-UE għandhom jiġu mfassla qabel ma l-UE tinvolvi ruħha f'reġjun, mhux wara;

39.  Jiddispjaċih li, anke meta l-istrateġiji huma definiti, l-UE spiss ma jirnexxilhiex timplimentahom, u minflok hija mġiegħlha tieħu azzjoni ta' kontinġenza u ta' emerġenza; ifakkar li notevolment dan kien il-każ fir-reġjun tas-Saħel, li għalih dokument ta' strateġija komprensiv u ppreparat tajjeb ħafna (l-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel 2011) kien ġie approvat unanimament iżda ma wassalx għal implimentazzjoni sodisfaċenti sakemm is-sitwazzjoni f'Mali ddeterjorat b'mod drammatiku; jitlob analiżi fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda ta' dan il-każ partikolari, kif ukoll – b'mod usa' – analiżi ta' twissija bikrija mtejba ta' reġjuni instabbli prinċipali, sabiex jiġu stabbiliti inizjattivi konkreti ta' prevenzjoni tal-konflitti u ta' medjazzjoni u b'hekk titjieb l-azzjoni upstream billi ssir bidla fil-politiki minn approċċi ċentralizzati u bbażati fuq reazzjoni għal approċċ aktar adegwat u effiċjenti msejjes fuq il-prevenzjoni;

40.  Jinnota li ħafna konflitti nazzjonali, reġjonali u internazzjonali attwali huma kkawżati wkoll mill-klima u b'konsegwenza ta' dan l-AK jeħtieġ jinkorpora l-kunċett tas-sigurtà tal-bniedem; ifakkar dwar l-analiżi ppubblikata mill-UNEP f'Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun tas-Saħel, fejn jiġi ddikjarat li t-temperaturi li qegħdin jogħlew wasslu għal nuqqas ta' ilma u speċifikament poġġew il-popolazzjonijiet lokali, li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq ir-riżorsi naturali bħall-biedja, is-sajd u t-trobbija tal-merħliet, taħt pressjoni qawwija, li wasslet, f'xi każijiet, għal vjolenza u konflitti armati;

41.  Huwa konvint li, fil-każijiet fejn il-kriżijiet ma jistgħux jiġu evitati, l-UE għandha tkun tista' tippjana u tiskjera r-riżorsi ċivili u militari xierqa, kif ukoll timmobilizza strumenti tal-UE komplementari, b'mod rapidu u effikaċi mal-ispettru kollu tal-operazzjonijiet tal-immaniġġjar ta' kriżijiet, inklużi fil-każijiet ta' kriżijiet umanitarji; jipproponi l-implimentazzjoni tal-artikoli tat-Trattat rilevanti fil-qasam tar-reazzjoni rapida, inkluż l-Artikolu 44 TUE; jisħaq, f'dak il-kuntest, il-ħtieġa ta' esperti politiċi u tas-sigurtà fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-UE rilevanti;

42.  Jinsisti li l-UE għandha tkun tista' tikkonsolida l-paċi u l-istabbiltà fuq żmien twil; jipproponi strateġiji ta' tranżizzjoni ċari determinati minn ħafna qabel bejn l-istrumenti ta' koordinament waqt emerġenza u kriżi fuq żmien qasir (b'mod partikolari l-istrumenti diplomatiċi, dawk tal-PSDK u tal-ECHO, u l-ISP il-ġdid) u l-istrumenti ta' wara l-kriżi (b'mod partikolari l-ISP u l-għajnuna għall-iżvilupp) sabiex isostnu l-progress miksub fil-qasam; jilqa' – bħala l-ewwel pass importanti – il-kooperazzjoni effikaċi bejn is-SEAE u l-Kummissjoni bħala appoġġ għall-missjoni tal-PSDK f'Mali, u l-kunsiderazzjoni, fi stadju bikri, ta' strateġija ta' ħruġ għall-EUTM f'Mali;

43.  Jipproponi li l-UE tagħmel aktar progress biex taġixxi b'mod magħqud fil-livell tal-pajjiż, bi tqassim ċar tar-responsabbiltajiet u taħt it-tmexxija tal-Kap tad-Delegazzjoni, responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-UE fil-pajjiż, filwaqt li tikkoordina lokalment mal-Istati Membri kif ukoll mal-gvern ospitanti, is-soċjetà ċivili u sħab internazzjonali oħra; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal azzjoni tal-UE unifikata f'pajjiżi terzi u jiżguraw li l-koordinament u l-artikulazzjoni tal-azzjonijiet fil-prattika huma mifthiema kif xieraq mal-istituzzjonijiet tal-UE, jiġifieri l-Kummissjoni u s-SEAE; jiddispjaċih f'dan ir-rigward li azzjoni awtonoma mill-Istati Membri fil-pajjiżi terzi, b'mod speċjali ta' wara l-konflitt u ta' demokratizzazzjoni ta' soċjetajiet, mingħajr artikulazzjoni xierqa bejniethom u d-Delegazzjoni lokali tal-UE kienet ta' ħsara għall-għanijiet u l-interessi tal-UE, kif ukoll għall-kredibbiltà tagħha fil-konfront tal-Istat terz u sħab internazzjonali oħra;

4.  Sħubijiet

44.  Jinsisti li AK ta' suċċess jeħtieġ ukoll l-iżvilupp ta' sħubijiet barra mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, sabiex jinkludi sħab internazzjonali u multilaterali oħra, sħab strateġiċi, pajjiżi ospitanti, organizzazzjonijiet reġjonali, atturi tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, b'rispett xieraq lejn l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

45.  Iħeġġeġ lill-UE tiżgura l-parteċipazzjoni effiċjenti tal-UE fl-attivitajiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, bl-użu tal-kompetenzi kollha li jippermettilha l-istatus tagħha bħala organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali;

46.  Itenni li, b'mod konsistenti mal-finijiet tat-Trattat ta' Lisbona li jtejjeb il-politka barranija tal-UE u r-rwol tal-UE fil-paċi globali, is-sigurtà u r-regolamentazzjoni, li siġġu permanenti għall-UE f'Kunsill tas-Sigurtà mkabbar u riformat jibqa' għan ċentrali u fit-tul tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-VP/RGħ tieħu inizjattiva biex l-Istati Membri jiżviluppaw pożizzjoni komuni għal dak il-għan; jissuġġerixxi, sabiex jintlaħaq dak l-għan fil-futur, li jsir xogħol fuq il-koordinament preliminari tal-pożizzjonijiet fil-Kunsill tal-UE, l-introduzzjoni ta' membri ġodda tal-KSNU u riforma fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-KSNU lejn l-użu possibbli ta' maġġoranzi superkwalifikati;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0278.
(2) http://eeas.europa.eu/library/publications/2013/3/2013_eeas_review_en.pdf
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0458.

Avviż legali - Politika tal-privatezza