Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2201(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0218/2014

Testi mressqa :

A7-0218/2014

Dibattiti :

PV 02/04/2014 - 24
CRE 02/04/2014 - 24

Votazzjonijiet :

PV 03/04/2014 - 7.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0295

Testi adottati
PDF 301kWORD 101k
Il-Ħamis, 3 ta' April 2014 - Brussell
Kwittanza 2012: Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali
P7_TA(2014)0295A7-0218/2014
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2014 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (COM(2013)0570 – C7-0278/2013 – 2013/2201(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)0570 – C7‑0278/2013)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0218/2014),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2012;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 56, 29.2.2012.
(2) ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
(3) ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
(4) ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2014 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (COM(2013)0570 – C7‑0278/2013 – 2013/2201(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)0570 – C7‑0278/2013)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0218/2014),

1.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha dwar l-2012, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE);

3.  Jinnota li fl-2012 il-baġit tal-KESE kien jammonta għal EUR 128 816 588 (EUR 128 600 000 fl-2011), b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 96,8 %; jenfasizza li l-baġit tal-KESE huwa wieħed purament amministrattiv, u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operazzjonali mixxellanji;

4.  Jinnota li li r-rata ta' implimentazzjoni baġitarja għall-2012 ta' 96,8 % hija ogħla mir-rata għall-2011 ta' 95,4 %, iżda xorta waħda għadha iktar baxxa mir-rata għall-2010 ta' 98 %; jistieden lill-KESE jiżgura rati ta' implimentazzjoni baġitarja saħansitra aħjar fil-perjodi sussegwenti;

5.  Jinnota ż-żieda ta' 0,2 % fil-baġit tal-2012 apparagun tal-baġit annwali preċedenti; jappoġġa l-isforzi tal-KESE biex jillimita l-baġits tas-snin li ġejjin, biex b'hekk jiżgura żieda b'rata fissa;

6.  Jieħu nota tal-osservazzjonijiet ta' segwitu għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza 2011 tal-Parlament mehmuża mar-rapport annwali tal-attività; jitlob li jinżamm infurmat dwar il-miżuri meħuda mill-KESE fis-sena finanzjarja tal-kwittanza għat-twettiq ta' analiżi dettaljata tal-infiq u dwar ir-riżultati ta' dak l-eżerċizzju;

7.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-livell tal-allowances tal-membri tal-KESE f'Settembru 2013 u jinnota b'sodisfazzjon li l-KESE implimenta r-regoli l-ġodda dwar ir-rimborż tal-ispejjeż ta' vjaġġar tal-membri abbażi tal-ispejjeż reali kif irrakkomandat mill-Parlament;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon li d-deċiżjoni biex id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-membri tal-KESE jsiru pubbliċi ġiet implimentata fl-2012;

9.  Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-membri tal-KESE u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikulari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza;

10.  Jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta dwar l-enerġija użata minn sorsi rinnovabbli; jinnota b'sodisfazzjon li l-elettriku kollu użat mill-KESE ġej minn sorsi rinnovabbli;

11.  Huwa sodisfatt bil-kisbiet fil-qasam tat-traduzzjoni wara l-ftehim imġedded ta' kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR); jinnota b'sodisfazzjon li t-tnaqqis fit-traduzzjonijiet esterni bejn wieħed u ieħor kien ta' 1 % fl-2012, apparagun tal-2011; jemmen li dawn iċ-ċifri huma evidenza li għadu possibbli titjib ulterjuri fl-effiċjenza;

12.  Jemmen bil-qawwa li għandu jsir xi titjib għar-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi umani fis-Servizzi Konġunti u fit-traduzzjoni; iqis il-kuntatti li għaddejjin bejn il-KESE, il-KtR u l-Parlament f'din il-kwistjoni bħala kontribut pożittiv għar-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi;

13.  Jitlob lill KESE jkompli jwettaq monitoraġġ tal-istruttura tal-persunal sabiex jiżgura li l-organizzazzjoni tal-karigi tkun għalkollox effiċjenti u tikkontribwixxi għal infiq aħjar tal-baġit allokat;

14.  Jistenna li l-KESE, fit-tħejjija tan-negozjati tal-ftehim il-ġdid ta' kooperazzjoni amministrattiva mal-KtR, joħloq skrinjar iktar regolari tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni tiegħu, kif iddikjarat fir-rakkomandazzjonijiet tas-sena li għaddiet; jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati ta' din il-kooperazzjoni u dwar l-ammont preċiż ta' ffrankar baġitarju li se jirriżulta minn din il-kooperazzjoni l-ġdida;

15.  Jantiċipa li l-ftehim il-ġdid ta' kooperazzjoni amministrattiva mal-KtR se jwassal ukoll għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġestjoni ta' servizzi komuni;

16.  Jinnota li reviżjoni ta' nofs it-term tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-KtR hija għodda utli għall-valutazzjoni tal-benefiċċji tal-kooperazzjoni u biex ikun hemm ippjanar għal soluzzjonijiet imtejba fil-futur;

17.  Jikkunsidra li l-għodda tal-vidjokonferenzi hija mekkaniżmu utli ħafna għall-iffrankar baġitarju u fl-istess ħin għall-effiċjenza peress li jkun hemm membri minn postijiet differenti li jkunu qed jipparteċipaw fl-istess konferenza; jitlob li jinżamm infurmat dwar il-progress fi ħdan il-KESE rigward l-użu tat-tagħmir eżistenti;

18.  Jixtieq jinżamm infurmat dwar l-impatt baġitarju tal-użu tal-għodod tal-vidjokonferenzi, inkluż f'termini ta' ffrankar fuq l-ispejjeż għall-missjonijiet;

19.  Jieħu nota tal-iżviluppi mwettqa mill-KESE għall-awtovalutazzjoni tal-ħidma tiegħu bl-assistenza tal-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika;

20.  Jilqa' l-proġett għall-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tad-dokumenti fil-KESE;

21.  Iqis bħala pożittiv it-tnaqqis tar-rata mhux użata tas-servizzi tal-interpretazzjoni mitluba minn 8,9 % fl-2011 għal 7,6 % fl-2012; jieħu nota tal-miżuri meħuda biex titnaqqas din ir-rata; jenfasizza, madankollu, li r-rata għadha għolja u jitlob tnaqqis ulterjuri tal-ispejjeż ta' interpretazzjoni;

22.  Jitlob lill-KESE jikkoopera ma' istituzzjonijiet oħra sabiex joħorġu b'metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni bl-għan li jiġu ssimplifikati l-analiżi u t-tqabbil tal-ispejjeż;

23.  Jieħu nota sew tal-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-IT; jitlob sabiex fir-rapport annwali tal-attività tiġi inkluża informazzjoni iktar dettaljata dwar it-titjib;

24.  Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex, fir-rapport annwali tagħha li jmiss, tinkludi rieżami tas-segwitu min-naħa tal-KESE għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament f'din ir-riżoluzzjoni.

(1) ĠU L 56, 29.2.2012.
(2) ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
(3) ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
(4) ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza