Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Tfassil mill-ġdid) (COM(2011)0656 – C7-0382/2011 – 2011/0298(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0656),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0382/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-22 ta' Marzu 2012(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' April 2012(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali(3),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-1 ta' Marzu 2012 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-19 ta' Frar 2014, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7–0306/2012),
A. billi, skont il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-proposta in kwistjoni ma tinkludi l-ebda emenda ta' sustanza għajr dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux tal-atti ta' qabel flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta fiha kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda bidla fis-sustanza tagħhom;
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(4);
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid
3. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati 26 ta 'Ottubru 2012 (Testi adottati P7_TA(2012)0406).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' April 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (tfassil mill-ġdid)