Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2176(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0101/2014

Testi mressqa :

A7-0101/2014

Dibattiti :

PV 14/04/2014 - 21
CRE 14/04/2014 - 21

Votazzjonijiet :

PV 15/04/2014 - 17.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0394

Testi adottati
PDF 460kWORD 149k
It-Tlieta, 15 ta' April 2014 - Strasburgu
"L-Unjoni Ewropea kif tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?"
P7_TA(2014)0394A7-0101/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 dwar "L-Unjoni Ewropea kif tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?" (2013/2176(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem "Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” (COM(2008)0394),

–  wara li kkunsidra x-xogħol tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti tal-Kummissjoni dwar il-Piżijiet Amministrattivi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni “L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs – L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro” (COM(2011)0803),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità Regolatorja tal-UE (COM(2013)0685),

–  wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni Intraprenditorjali 2020 tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan ta azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs” (COM(2011)0870),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(1),

–  wara li kkundsidra d-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard (id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ imwettaq mill-Kunsill tal-Impjegaturi Ewropej tal-Industriji bbażati fuq il-Metall, l-Inġinerija u t-Teknoloġija (CEEMET) bit-titolu: “Kuntratti tal-impjieg flessibbli li jirreaġixxu għaċ-ċirkustanzi tas-suq li qed jinbidlu u li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impjegat"(2),

–  wara li kkunsidra l-programm il-ġdid għall-Impjieg u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) li, fost oħrajn, se jestendi l-appoġġ mogħti lill-fornituri tal-mikrokreditu skont il-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound ta' Jannar 2013 bl-isem “Born global: ”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2013 ‘Public policy and support for restructuring in SMEs’,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2010 bl-isem ‘Job creation measures’,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0101/2014),

A.  billi ż-żmien li tieħu biex tibda negozju fl-Ewropa jvarja bejn Stat Membru u ieħor minn 4 sa 40 ġurnata, li jista' jkollu impatt fuq il-ħolqien tax-xogħol;

B.  billi diversi fatturi fosthom riġiditajiet fis-suq tax-xogħol ġew identifikati f'xi Stati Membri bħala li għandhom impatt negattiv fuq il-ħolqien tax-xogħol, u t-taħlita ta' flessibbiltà tax-xogħol u s-sigurtà tista' tipprovdi qafas aktar favorevoli;

C.  billi s-suq uniku u l-potenzjal tar-riżorsi umani Ewropej jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi tal-Ewropa 2020;

D.  billi l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien tal-impjiegi u huma responsabbli għal 85 % tal-impjiegi maħluqin mill-ġdid;

E.  billi 20.7 miljun SME jirrappreżentaw aktar minn 67 % tal-impjiegi fis-settur privat fl-UE, bi 30 % ġejjin minn mikrointrapriżi;

F.  billi l-kost għal kull impjegat għall-konformità mal-obbligi regolatorji jista’ jkun sa għaxar darbiet ogħla għall-SMEs milli għall-impriżi kbar (COM(2011)0803);

G.  billi minħabba l-kriżi finanzjarja, u l-kriżi tal-kreditu li rriżultat b’konsegwenza tagħha, l-SMEs qed jaffrontaw spejjeż ferm għoljin għall-kreditu u l-kontrazzjoni tad-disponibbiltà tiegħu. billi, skont l-Istitut tal-Finanzi Internazzjonali, l-impriżi ż-żgħar fl-Istati Membri periferali qed iħallsu bejn 4 % u 6 % iktar għas-self mill-banek mill-kontropartijiet tagħhom fl-Ewropa ċentrali, li jqiegħdhom fi żvantaġġ sinifikanti u b’hekk jiġu ostakolati l-prospettivi tar-reġjun għall-irkupru ekonomiku u l-ħolqien nett tax-xogħol;

H.  billi s-swieq tal-bonds korporattivi, tal-ekwità u tat-titolizzazzjoni fl-Ewropa għadhom relattivament mhux żviluppati biżżejjed meta mqabblin ma’ ekonomiji oħrajn, u l-finanzjament mhux bankarju jibqa’ prinċipalment mhux aċċessibbli għall-SMEs, biex b’hekk jiġi ostakolat il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi;

I.  billi l-forniment effikaċi ta’ servizzi hu kruċjali għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fil-ġejjieni;

J.  billi, għalkemm għandna l-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ l-iktar edukata fl-istorja tal-Ewropa, u l-Istati Membri investew ammonti kbar ta’ flus fl-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ tagħna huma prinċipalment maqtugħin mis-suq tax-xogħol u l-ħiliet tagħhom jibqgħu mhux użati filwaqt li qed jikkompetu għal pożizzjonijiet temporanji u li ma jħallsux biżżejjed;

K.  billi l-Fond Soċjali Ewropew kellu rwol importanti sabiex jgħin lill-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet u taħriġ lil persuni qiegħda ħalli jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol;

L.  billi r-rata tal-qgħad għaż-żgħażagħ Ewropej ta' eta bejn il-15 u l-24 sena laħqet ir-rata insostenibbli ta’ 23 % u hija iktar minn 50 % f'dawk l-Istati Membri li l-agħar li nltlaqtu mill-kriżi; billi dan il-qgħad massiv taż-żgħażagħ iwassal għal eżodu ta’ mħuħ enormi u jdgħajjef b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħna għal tkabbir sostenibbli fil-futur;

M.  billi l-UE hija mhedda mill-prospett ta’ “tkabbir mingħajr ħolqien ta’ impjiegi” li se jdgħajjef aktar in-nisġa soċjali u ekonomika tas-soċjetajiet tagħna kif ukoll il-prospetti fit-tul tal-UE biex tikkompeti fuq l-istess livell f’ekonomija globalizzata bbażata fuq l-għarfien;

Ħolqien ta’ impjiegi

1.  Huwa mħasseb dwar l-ispiża, il-kumplessità u l-ħin involuti fit-twaqqif ta’ negozju f’xi partijiet tal-Unjoni Ewropea, li kollha kemm huma jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi fil-futur; jemmen li jekk l-UE trid tikseb lura l-kompetittività u toħloq aktar impjiegi, l-Istati Membri jridu jaħdmu biex jissimplifikaw u jgħaġġlu dan il-proċess, joffru għajnuna adegwata u arranġamenti ta' appoġġ u jnaqqsu l-ispejjeż marbuta miegħu;

2.  Jinnota li l-impriżi l-ġodda li jsiru internazzjonali malajr u b’mod intensiv wara l-bidu tagħhom juru kontributi promettenti għall-ekonomija billi huma nfushom joħolqu l-innovazzjoni, irawmu l-innovazzjoni f’kumpaniji oħrajn, jinvolvu ruħhom fi ktajjen ta’ provvista internazzjonali u joħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba. jenfasizza madankollu, li dawn il-kumpaniji jaffrontaw bosta sfidi fil-fażi tal-bidu tagħhom li għandhom jiġu megħluba malajr, filwat li fl-istess ħin ikollhom livelli baxxi ta’ kapital, b’tali mod li proċeduri tal-bidu mhux għaljin, sempliċi u rapidi jkunu ta’ benefiċċju għalihom;

3.  Jinnota li t-tendenzi globali ħolqu pressjonijiet kompetittivi kif ukoll opportunitajiet għan-negozji; jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri li joħolqu l-qafas regolatorju t-tajjeb biex jgħinu lin-negozji joħolqu l-impjiegi filwaqt li jiżguraw ambjent tax-xogħol sikur;

4.  Jemmen li sabiex jinħoloq ambjent aktar ospitabbli għall-ħolqien tal-impjiegi, l-Istati Membri jridu, b’appoġġ mill-istituzzjonijiet tal-UE fejn ikun xieraq, jistabbilixxu r-riformi meħtieġa biex jindirizzaw il-fatturi li ġejjin: il-ħiliet, il-livelli ta' kwalifika, l-intraprenditorija, l-impatt tal-bidla demografika, l-aċċess għas-suq, il-finanzi, is-suq tax-xogħol, id-drittijiet fuq ix-xogħol, l-ispejjeż amministrattivi u regolamentazzjoni aħjar;

5.  Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-tisħiħ tal-kompetittività, il-produttività, is-sostenibbiltà u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-SMEs Ewropej u jinnota l-fokus sinifikanti li jagħtu l-programm Orizzont 2020 u l-EIT lill-ħolqien u l-appoġġ ta’ SMEs innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir;

6.  Jenfasizza l-potenzjal għall-impjieg tal-ekonomija ekoloġika li skont l-istimi tal-Kummissjoni tista’, fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biss, toħloq 5 miljun impjieg sal-2020, bil-kundizzjoni li jiġu stabbiliti politiki ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw livelli suffiċjenti ta’ investiment f’dawn is-setturi, jantiċipaw il-ħtieġa għall-ħiliet futuri għall-ħaddiema u jiggarantixxu l-kwalità tal-"impjiegi ħodor";

7.  Jinnota r-rwol importanti tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles tal-UE fil-ħolqien u ż-żamma tal-investiment u l-impjiegi tal-Istati Membri tal-UE;

8.  Huwa tal-fehma li l-iżvilupp kontinwu u l-espansjoni tas-suq intern tal-UE qed joħolqu ħafna opportunitajiet ġodda sostanzjali għan-negozji ta’ kull daqs, li b’mod ċar jeħtieġu dispożizzjonijiet qafas flessibbli biex jiġu promossi l-intraprenditorija u l-impjiegi indipendenti, filwaqt li l-funzjonament bla xkiel tagħhom jeħtieġ sett ta’ standards regolatorji minimi, b’mod partikolari fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza pubblika, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni ambjentali;

Kompetenzi

9.  Jemmen li l-UE qed tħabbat wiċċha ma' nuqqas ta’ kompetenzi u nuqqas ta’ tlaqqigħ f’ċerti reġjuni u setturi, li qed ixekklu t-tkabbir ekonomiku u l-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jinnota li fl-UE hemm iktar minn 1.85 miljun post tax-xogħol battal; huwa mħasseb li l-aħħar riżultati tal-Istħarriġ dwar il-Ħiliet tal-Adulti (PIAAC) immexxi mill-OECD u appoġġjat mid-DĠ Edukazzjoni u Kultura tal-Kummissjoni juru li 20 % tal-popolazzjoni għandha ħiliet baxxi ta’ litteriżmu u numeriċi u 25 % tal-adulti m’għandhomx il-ħiliet li jużaw effettivament l-ICTs;

10.  Jinnota t-tendenza lejn aktar impjiegi li jesiġu aktar kompetenzi, fejn kważi 90 % tal-impjiegi mistennija li jinħolqu jew li jsiru vakanti sal-2020 jirrikjedu kwalifi medji jew għolja;

11.  Iqis li politiki attivi għall-promozzjoni tal-korsijiet tat-taħriġ u t-taħriġ ulterjuri tal-ħaddiema, l-edukazzjoni li tkompli għaddejja, is-sħubijiet bejn l-iskejjel u n-negozji u l-apprendistati, jistgħu jippermettu tlaqqigħ aħjar tal-kompetenzi mfittxija min-negozji;

12.  Jirrikonoxxi, fid-dawl tan-nuqqas ta' ħiliet, il-benefiċċji li t-tagħlim tul il-ħajja u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE jistgħu joffru biex tiġi indirizzata d-domanda tas-suq tax-xogħol;

13.  Jenfasizza li, filwaqt li l-eċċellenza, l-innovazzjoni u r-riżorsi umani huma dawk li jikkostitwixxu l-vantaġġi kumparattivi tal-Unjoni, l-investiment dejjem jonqos fir-riċerka, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, flimkien mar-rati ta’ diżokkupazzjoni partikolarment għoljin fl-Istati Membri individwali u fiż-żona tal-Euro, qed iwasslu lil ħafna Ewropej biex ifittxu l-impjiegi f’swieq tax-xogħol oħrajn; jenfasizza li l-eżodu tal-imħuħ huwa ostakolu ewlieni għat-tkabbir, kompetittività ikbar fl-Unjoni u miżuri għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;

14.  Jemmen li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ ċerti Stati Membri għandhom ikunu adattati aħjar għall-ħtiġijiet futuri ta’ kompetenzi tan-negozji u għandhom jikkonverġu lejhom; jinnota bi tħassib li fl-2015 in-nuqqas stmat ta’ persunal tal-ICT ikkwalifikat fl-UE se jiżdied għal bejn 384 000 u 700 000 u li l-provvista ta’ kompetenzi tal-STEM (fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika) mhux se tissodisfa d-domandi dejjem jiżdiedu tan-negozji fis-snin li ġejjin, filwaqt li r-rata li qed tonqos ta’ nisa li jipparteċipaw f’dawk is-suġġetti ma ġietx indirizzata kif suppost; huwa favur li l-Istati Membri jitħeġġew jistabbilixxu sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ duwali li jiffukaw fuq suġġetti STEM u jippromwovu t-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ ulterjuri tal-ħaddiema, b'mod partikolari ta' dawk bi ftit li xejn ħiliet jew b'ħiliet mhux imfittxija.

15.  Jenfasizza l-importanza tas-sistema duwali ta’ edukazzjoni u taħriġ, iffukata b'mod partikolari fuq suġġetti STEM u li tikkombina l-edukazzjoni bbażata fuq il-prattika fl-iskejjel vokazzjonali ma' tagħlim fuq il-post tax-xogħol, minħabba li din tat prova li hi l-aktar mezz effettiv biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel mill-iskola għas-suq tax-xogħol;

16.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-ftuħ tal-edukazzjoni” li għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet diġitali;

17.  Jemmen li huwa indispensabbli li,fis-sistemi edukattivi bażiċi, jiġi introdott it-tagħlim ta' ħiliet u programmi ta' intraprenditorija biex wieħed jitgħallem kif is-suq, l-ekonomija u s-sistema finanzjarja joperaw, jiffunzjonaw u jinteraġixxu f'sistemi edukattivi bażiċi; jemmen li pjan ta' negozju mħejji tajjeb huwa l-ewwel pass lejn aċċess aħjar għall-finanzi u l-vijabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni finanzjarja u konsulenza dwar start-ups tan-negozju fil-programmi edukattivi tagħhom u biex iqisu l-investiment fit-tagħlim intraprenditorjali bħala riżors; jappoġġa, f’dan ir-rigward, il-programm “Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ”, imfassal sabiex jippromwovi kultura intraprenditorjali u jiżviluppa s-suq uniku u l-kompetittività;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-pass tat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol li jippermetti liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol malajr kemm jista’ jkun u jiġi evitat ir-riskju tal-fenomenu NEET ("mhux f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ");

19.  Jinnota li l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESI) jipprovdu appoġġ għall-awtoritajiet u l-partijiet interessati fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali biex jitrawmu fost l-oħrajn it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u biex tittejjeb il-kompetittività tal-mikrointrapriżi (speċjalment in-negozji magħmula minn persuna waħda) u l-SMEs, permezz ta' kooperazzjoni ma' faċilitajiet xjentifiċi u ta' riċerka, u b'hekk jingħelbu l-isfidi ekonomiċi u soċjali attwali, b'mod partikolari r-rata għolja tal-qgħad;

20.  Jenfasizza li l-isforzi b'appoġġ għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi f'ekonomija sostenibbli għandhom jiggarantixxu standards ta' saħħa u sikurezza u jiżguraw bilanċ bejn il-bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, filwaqt li jappoġġaw, fost l-oħrajn, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, ir-rispett tal-ekosistema u jwasslu għal impjiegi ta' kwalità u mħallsin kif xieraq fir-reġjuni kollha tal-UE; jenfasizza, b'rabta ma' dan, ir-rwol importanti tan-negozji u tas-settur tal-edukazzjoni permezz ta' proġetti transkonfinali, kooperazzjoni bejn l-universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi oħra ta' kwalità għolja u l-ħolqien ta' 'clusters' innovattivi; jitlob biex jiġu faċilitati l-programmi lokali u reġjonali ta' finanzjament għal taħriġ ta' apprendisti;

21.  Iqis li l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali se jiffavorixxi l-appoġġ u l-iżvilupp ta’ SMEs; iqis li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-persunal ikkwalifikat meħtieġ tal-ICT ikun disponibbli u li l-pubbliku Ewropew ikollu l-ħiliet diġitali meħtieġa biex jagħmel użu mit-teknoloġija tal-ICT;

22.  Jenfasizza li, biex jingħeleb in-nuqqas ta’ ħiliet li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha miegħu bħalissa, jeħtieġ li tittieħed azzjoni b'urġenza biex tħaffef l-aċċess tan-nisa għal taħriġ u impjiegi xjentifiċi u teknoloġiċi, partikolarment fil-qasam tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT);

23.  Jitlob inizjattivi li jrawmu s-sħubijiet bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet, u jipprovdu l-ħiliet neċessarji sabiex l-Ewropej jkollhom aċċess għal impjiegi fil-manifattura relatati mal-ICT, mal-enerġija u mat-teknoloġija avvanzata;

Intraprenditorija

24.  Huwa mħasseb li l-għadd ta’ ċittadini tal-UE li jixtiequ jaħdmu għal rashom naqas minn 45 % għal 37 % fl-aħħar 3 snin, fejn kważi nofshom jibżgħu li jfallu u aktar minn 50 % jgħidu li huwa diffiċli biex tikseb informazzjoni suffiċjenti dwar kif tibda negozju; iqis li t-tkabbir tal-SMEs huwa marbut mal-intraprenditorija; jenfasizza li l-istart-ups u l-impjieg indipendenti joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi u jgħinu jibnu setturi industrijali u tas-servizzi b'saħħithom, u huwa favur, għalhekk, li l-Istati Membri jitħeġġew jippromwovu l-inklinazzjonijiet intraprenditorjali u l-ħiliet fil-livelli differenti tal-edukazzjoni u biex iwaqqfu konsulenza dwar start-ups tan-negozju fl-universitajiet u l-kulleġġi ta' taħriġ vokazzjonali; jinnota bi tħassib li n-nisa jirrappreżentaw biss 30 % tal-imprendituri kollha fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-intraprenditorija tan-nisa billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal netwerks ta’ appoġġ tekniku, xjentifiku u kummerċjali, l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ/gwida għal imprendituri nisa;

25.  Jinnota li l-fattur “tar-riskju” fir-rigward tal-impjiegi indipendenti u l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika riċenti fuq il-kundizzjonijiet ta' self huwa deterrent għall-involviment f’dawn l-attivitajiet intraprenditorjali; jirrakkomanda, għaldaqstant, li titqies l-adozzjoni ta' miżuri mill-Istati Membri li jibbilanċjaw il-xibka ta' sigurtà soċjali għal dawk impjegati għal rashom mingħajr ma jnaqqsu mill-flessibbiltà ta' dan it-tip partikolari ta' attività;

26.  Jinnota bi tħassib li l-kriżi finanzjarja u r-reċessjoni sussegwenti laqtu ferm ħażin lil ħafna SMEs Ewropej u li għadd sinifikanti minnhom spiċċaw f’likwidazzjoni, minflok ma taw bidu ġdid lill-kumpanija. jenfasizza l-importanza ta' qafas regolatorju favorevoli li jiffavorixxi ristrutturar b'saħħtu u, b'konsegwena, iż-żamma tal-impjiegi; jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija tal-Kummissjoni li jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jagħmluha aktar faċli għal negozji sodi li jkomplu għaddejjin u għal imprendituri onesti li jingħataw ċans ieħor, peress li dan se jkollu impatt pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet kollha meħudin mill-Istati Membri differenti sabiex itejbu l-klima għall-intraprenditorija; jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jużaw bis-sħiħ l-appoġġ offrut mill-Kummissjoni għat-titjib tal-klima għall-imprendituri; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinfurma liċ-ċittadini u n-negozji dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament permezz ta' pubblikazzjonijiet bħal "Ħarsa ġenerali tar-regoli finanzjarji" u "Opportunitajiet ta' finanzjament 2007-2013";

27.  Jilqa’ l-Programm għall-Kompettività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-istrument tal-SMEs previst fil-programm Orizzont 2020; madanakollu, jilmenta għall-fatt li l-baġit għall-COSME u għall-SMEs f’Orizzont 2020 skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), huwa limitat;

28.  Jilqa’ b’mod partikolari l-azzjonijiet speċifiċi skont il-COSME, li tfasslu biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas tal-intrapriżi, b’mod partikolari għall-SMEs, biex jġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi u s-swieq u għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u tal-kultura intraprenditorjali; jenfasizza li ambjent regolatorju prevedibbli u ċar huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-intraprenditorja fl-Ewropa; jistenna li l-miżuri u l-azzjonijiet li jippromwovu l-intraprenditorija fil-livell Ewropew jew nazzjonali għandhom ikopru t-tipi kollha ta’ mudelli ta’ intrapriżi, inklużi kooperattivi, negozji artiġjanali, professjonijiet liberi u intrapriżi soċjali; jilqa’ b’mod partikolari l-appoġġ kontinwu għall-finanzjament ta' dejn jew ekwità skont il-programmi Orizzont 2020 u COSME;

29.  Jemmen li l-intraprendituri żgħażagħ jaġevolaw l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa li mentors ta' esperjenza jingħaqdu ma' intraprendituri żgħażagħ aspiranti u jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' strutturi ta' appoġġ fi start-ups innovattivi; jilqa’ l-iskemi, bħall-Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ, li għandhom l-għan li jgħinu lill-imprendituri ġodda jiksbu l-kompetenzi rilevanti għall-ġestjoni ta’ negozju, u jemmen li tali programmi għandhom jiġu promossi aktar sabiex jgħinu lil aktar imprendituri jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aspetti prattiċi tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali fi skemi bħal proġetti bejn skejjel u kumpaniji u tqegħid fuq post tax-xogħol partikolari għal raġunijiet ta' taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kont ta’ dan waqt l-implimentazzjoni tal-COSME; jilqa’ t-tisħiħ tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) li jikkonċentra b’mod ċar biex jipprovdi ħiliet imprenditorjali u innovattivi lil 10 000 student tal-Masters u 10 000 student tal-Ph.D sal-2020;

30.  Jitlob l-appoġġ għall-programmi ta’ mobilità tal-UE għall-intraprendituri, bħall-Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ, u l-integrazzjoni tal-edukazzjoni tal-intraprenditorija fil-kurrikuli nazzjonali tal-iskejjel permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

31.  Jinnota l-importanza tal-istabbiliment u l-appoġġ ta’ inkubaturi tan-negozju li jipprovdu l-opportunità lill-imprendituri żgħażagħ biex jittestjaw l-ideat tagħhom, jiffamiljarizzaw ruħhom mal-oqfsa kummerċjali u jgħinuhom jikkuntattjaw sħab, klijenti u investituri potenzjali. jemmen li l-finanzjament tal-UE jista’ jkollu rwol essenzjali, u jenfasizza s-suċċess tal-proġetti u l-prorammi universitarji ffinanzjati mill-UE bħan-Netwerk ta’ Kompetenzi għall-Intrapriżi u l-Impjegabbiltà ta’ Birmingham (BSEEN) fir-Renju Unit, li jrawwem l-intrapriżi u l-kompetenzi intraprenditorjali billi jipprovdi gwida, appoġġ intensiv għall-istart-ups, u spazju ta' inkubazzjoni għal impriżi ġodda, u huma, għaldaqstant, essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi fil-futur;

32.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li, quddiem il-possibbiltà li intrapriżi Ewropej jagħlqu, il-ħaddiema f'ħafna minn dawn l-intraprizi jkunu jistgħu jsiru s-sidien ta' dawk l-impriżi permezz ta' soċjetajiet kooperattivi; jistieden sabiex jiġu studjati linji ta’ appoġġ ġodda possibbli permezz tal-Fond Ewropew ta’ Adattament għall-Globalizzazzjoni u tal-Bank Ewropew tal-Investiment għal dawk l-intrapriżi involuti fis-setturi ewlenin skont l-Istrateġija Ewropa 2020;

33.  Huwa mħasseb dwar l-fenomenu dejjem jikber ta' xogħol indipendenti fittizju fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki speċifiċi li jipprevjenu dan, bħal opportunitajiet ta' impjieg suffiċjenti jew ispezzjoni tax-xogħol aħjar;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-kultura tal-internazzjonalizzazzjoni permezz tal-informazzjoni, il-preżentazzjoni ta’ prassi tajba u l-provvista ta’ pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni; iħeġġiġhom jipprovdu żvilupp tal-ħiliet fil-qasam tal-intraprenditorija b'fokus internazzjonali, u jippromwovu it-trasparenza fir-rigward tal-għodda ta' appoġġ disponibbli għal "start-ups", jappoġġaw netwerking u skambji li jikkollegaw l-intraprendituri żgħażagħ ma’ investituri u sħab kummerċjali potenzjali; u jipprovdu pariri operazzjonali u appoġġ anke wara l-fażi ta' “start up” sabiex jgħinu lill-intraprendituri żgħażagħ jegħlbu l-ewwel snin kritiċi u jipprovdu inċentivi għall-impjieg;

35.  Jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ Ewropej jingħataw edukazzjoni intraprenditorjali u li l-attitudnijiet intraprenditorjali jiġu inkoraġġiti; f’dan il-kuntest, jinnota r-rwol importanti li għandu l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) fil-promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-prattika; jinnota li l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni kollha tal-EIT jippromwovu attivament l-intraprenditorija fl-oqsma rispettivi tagħhom permezz tal-iżvilupp ta’ kurrikuli li jikkombinaw xjenza u innovazzjoni eċċellenti ma’ ħiliet u esperjenzi intraprenditorjali, u b’hekk jippreparaw lill-intraprendituri tal-ġejjieni u jittrażmettu lin-negozji eżistenti mentalità innovattiva u intraprenditorjali;

36.  Jiddikjara li huwa tal-akbar importanza għall-koeżjoni soċjali tal-UE li jingħelbu r-rati għolja tal-qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u gruppi vulnerabbli oħrajn fl-UE , billi jiżdiedu l-kompetittività u l-impjieg reġjonali u billi jitrawwem spirtu intraprenditorjali; jitlob għalhekk biex l-Istati Membri jużaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment biex jiffukaw fuq il-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli u opportunitajiet għan-negozji billi jipprovdu ambjent ospitabbli u l-qafas regolatorju t-tajjeb għall-mikrointrapriżi, l-SMEs, in-negozji u n-negozji ġodda żgħar;

37.  Jirrimarka li l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għandhom rwol importanti fl-appoġġ tal-impjieg u proġetti konkreti bl-għan li jittejbu l-ħiliet intraprenditorjali, ta' negozju u kreattivi, inklużi dawk taż-żgħażagħ; jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri u r-reġjuni kollha jagħmlu użu sħiħ minn din l-opportunità sabiex jingħeleb il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza li, permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-intraprenditorija fil-livell lokali u reġjonali, inkluż billi jiffokaw fuq in-negozji ġodda mnedija miż-żgħażagħ;

38.  Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tkabbir tal-ekonomija soċjali f’dawn l-aħħar snin bħala forma ġdida ta’ intraprenditorija fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji u programmi li jippromwovu l-ekonomija soċjali;

Demografija

39.  Jemmen li, minħabba l-fenomenu mifrux ta' popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu, l-Istati Membri għandhom jitħeġġew, fost affarijiet oħra fil-kuntest tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, jippromwovu ż-żamma fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema akbar fl-età, kemm nisa u rġiel, billi jagħtu valur lill-esperjenza; jenfasizza li forza tax-xogħol akbar fl-età u ħajja tax-xogħol itwal, jistgħu jagħtu kontribut pożittiv lill-irkupru u t-tkabbir fil-futur; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari għall-ħaddiema aktar anzjani; jenfasizza, fl-aħħar, li l-persuni aktar anzjani huma indispensabbli sabiex l-għarfien u l-esperjenza jitwasslu lill-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ;

40.  Jemmen fl-importanza tal-promozzjoni tal-intraprenditorija anzjana bħala mezz ta’ kif il-popolazzjoni anzjana li għandha esperjenza sinifikanti fin-negozju tiġi involuta fil-proċess ta’ innovazzjoni, u b’hekk jittawwlu l-ħajjiet tax-xogħol u ħiliet indispensabbli jinżammu fis-suq tax-xogħol;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw effettivament il-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi legalment id-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol minħabba età, diżabilità, orjentazzjoni sesswali jew reliġjon jew twemmin;

42.  Jirrikonoxxi l-importanza li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ta' persuni li jridu jirrikonċiljaw ix-xogħol tagħhom mal-ħajja tal-familja tagħhom;

Aċċess għas-suq

43.  Jenfasizza li l-opportunitajiet mogħtija mis-suq uniku tal-UE jridu jintużaw biex jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomiji tal-Ewropa billi jiftħu l-fruntieri, ineħħu l-ostakli eżistenti li jfixklu l-mobilità tal-ħaddiema u joħolqu opportunitajiet ta’ negozju ġodda;

44.  Jitlob li jiżżarmaw l-ostakli li fadal għall-forniment transkonfinali tas-servizzi, biex b'hekk jkunu jistgħu joħolqu aktar impjiegi;

45.  Jenfasizza li fil-każ ta' SMEs, l-kobor tabilħaqq jagħmel differenza, u li skala akbar tippermetti lill-SMEs jirreżistu aktar faċilment iċ-ċikli ekonomiċi, jibnu kompetenza iktar fil-fond, isibu klijenti u swieq ġodda, jiġu konnessi ma’ ktajjen ta’ provvista globali u jiksbu aċċess aktar faċli għal finanzjament bankarju u jwessgħu is-sorsi ta’ finanzjament u b’hekk joħolqu aktar impjiegi. jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-provvista ta’ edukazzjoni fil-ġestjoni u l-istrateġija kummerċjali għas-sidien ta’ SMEs li jixtiequ jespandu n-negozji tagħhom. jenfasizza l-importanza tal-għajnuna lill-SMEs sabiex jiżviluppaw konnessjonijiet ma’ swieq barranin mhux sfruttati billi jdawwru lill-aġenziji pubbliċi eżistenti biex jaħdmu ma’ banek u assoċjazzjonijiet tal-SMEs lejn dak l-għan;

46.  Jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet qafas xierqa u flessibbli għas-suq intern biex jippromwovu l-intraprenditorijt u jappoġġjaw l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jiffurmaw is-sinsla ekonomika tal-Unjoni m’għandhomx, taħt l-ebda ċirkostanza, jinkisbu għad-dannu tal-istandards minimi Ewropej tax-xogħol u tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol;

47.  Jinnota li huwa kruċjali li jiġi żgurat li jingħata appoġġ għall-SMEs li jixtiequ jsiru internazzjonali permezz ta’ self ta’ terminu medju jew twil jew investimenti ta’ ekwità, u li l-SMEs jiġu mgħallma kif jiksbu aċċess għal finanzjament kummerċjali;

48.  Jinnota l-importanza li għandha l-ekonomija diġitali għall-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment meta jkunu marbutin ma’ setturi fejn l-Ewropa hija tradizzjonalment b’saħħitha, bħall-industriji kreattivi, il-patrimonju kulturali u t-turiżmu;

49.  Jenfasizza li l-kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq uniku, imsejsa fuq standards soċjali komuni, hija ta’ importanza kruċjali biex it-tkabbir u l-innovazzjoni jingħataw spinta, u b’hekk jiżdiedu l-impjiegi fl-Unjoni;

Finanzi

50.  Jinnota li s-self bankarju għadu l-aktar sors komuni ta’ finanzjament fl-Ewropa; jemmen, madankollu, li hemm benefiċċji reali fil-forom ġodda ta’ finanzjament permezz ta’ skemi innovattivi u rotot mhux bankarji, bħall-finanzjament kollettiv (crowdfunding), l-investituri informali tal-SMEs, is-self bejn il-pari, il-mikroself, l-aġenziji ta' mikrokreditu faċilment aċċessibbli u għodod oħra, li jistgħu jipprovdu investiment vitali għall-impriżi li għadhom jibdew u joħolqu l-impjiegi; jemmen li forom ġodda ta’ finanzjament jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal negozji żgħar u dinamiċi li għandhom diffikultajiet biex ikollhom aċċess għal sorsi iktar tradizzjonali ta’ finanzjament minħabba "l-istat ġdid" tagħhom. jenfasizza li dawn il-forom ġodda ta' finanzjament m'għandhomx ikunu limitati għall-fażjiet ta' start-up u ta' tkabbir u li t-trawwim ta' swieq kapitali alternattivi jkun ta' benefiċċju wkoll għal-materjalizzazzjoni ta' riżultati pożittivi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-impjegati tagħhom, pereżempju f'każijiet ta' ristrutturar;

51.  Iqis importanti ferm għall-Istati Membri li jimplimentaw id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, skont liema, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi, il-perjodu tal-ħlas kuntrattwali m’għandux jaqbeż il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 4(3) sakemm mhux miftiehem espressament mod ieħor fil-kuntratt u bil-kundizzjoni li jkun iġġustifikat b’mod oġġettiv fid-dawl tan-natura jew il-karatteristiċi partikolari tal-kuntratt, u li fi kwalunkwe każ ma jaqbiżx is-60 ġurnata kalendarja;

52.  Jenfasizza li l-SMEs mhux innovattivi u stabbiliti diġà li qed ifittxu li jespandu fi swieq ġodda jew li jittrasferixxu s-sjieda tagħhom ta' spiss jeħtieġu wkoll appoġġ pubbliku sabiex jiksbu l-finanzjament meħtieġ;

53.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 hija strument importanti u effettiv għall-ħolqien ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u għall-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020 filwaqt li, permezz ta' firxa wiesgħa ta' miżuri u strumenti finanzjarji innovattivi, tappoġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), inklużi l-mikrointrapriżi, li huma fost il-ħallieqa ewlenin tal-impjiegi fl-UE;

54.  Jilqa’ inizjattivi li jagħmluha aktar faċli għaċ-ċittadini, għall-organizzazzjonijiet, u għan-negozji, partikolarment l-SMEs, li jkollhom aċċess għall-appoġġ tal-UE permezz ta’ portal uniku li joffri informazzjoni dwar il-Fondi Strutturali, inkluż il-programmi FSE Orizzont 2020 u COSME; jilqa’ wkoll bi pjaċir l-isforzi tan-Netwerk Enterprise Europe f'dan il-qasam; jemmen li, madankollu, irid isir aktar biex intraprendituri stabbiliti jew potenzjali jkunu infurmati b’mod ċar u b’mod komprensiv, permezz ta' 'one-stop shops' fir-reġjuni kollha, dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament u biex intermedjarji finanzjarji jiġu mħeġġa jagħmlu użu akbar tal-istrumenti finanzjarji;

55.  Jitlob koordinazzjoni aħjar tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali, il-FEŻR, l-Orizzont 2020 u l-investimenti tal-BEI, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament ta’ SMEs innovattivi, u jitlob valutazzjoni tal-ostakoli attwali li nħalqu minħabba li f’bosta Stati Membri l-banek ma jittrasferux fondi u garanziji għal self lil SMEs u lill-ekonomija reali;

56.  Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni għat-titjib tal-kompetittività, il-produttività, is-sostenibbiltà u l-potenzjal għall-ħolqien tax-xogħol tal-SMEs Ewropej u jinnota l-enfasi sinifikanti li l-programm Orizzont 2020 u l-EIT jqiegħdu fuq il-ħolqien u l-appoġġ ta’ SMEs innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir;

57.  Jilqa’ l-ħolqien ta’ strument SME taħt il-programm Orizzont 2020 li jippermetti l-aċċess għall-SMEs għall-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju biex jimplimentaw ideat innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex mill-2014 tintroduċi l-istrument bl-aktar mod favorevoli għall-SMEs, jiġifieri permezz ta’ aġenzija unika apposta, b'tali mod li tippermetti l-preżentazzjoni reali tal-proġetti “minn isfel għal fuq” u tappoġġa t-tipi kollha ta’ innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni mhux teknoloġika u soċjali;

58.  Jirrimarka li l-kumpaniji, madankollu, ta' spiss jaffrontaw problemi biex isibu l-fondi meħtieġa għall-finanzjament tar-riċerka tagħhom, biex jiżviluppaw prodotti ġodda jew ikollhom aċċess għal swieq ġodda;

59.  Jappoġġa l-inizjattivi tal-UE li jgħinu lill-SMEs jaċċedu b'aktar faċilità għal riżorsi finanzjarji, minħabba l-fatt li dawn l-inizjattivi jwasslu għal finanzjament aktar faċli u rapidu għal kumpaniji ġodda u innovattivi, iħeġġu lill-Istati Membri jadottaw mekkaniżmi li jħeġġu l-innovazzjoni (eż. mekkaniżmi ta' kreditu fiskali għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni) u joffru rimedju għal inugwaljanzi bejn Stat Membru u ieħor; jappoġġa wkoll l-inizjattivi li jinkoraġġixxu lill-intraprendituri li n-negozju tagħhom ikun falla, b'mod li jagħtuhom ċans ieħor u ma jiskoraġġixxux it-teħid tar-riskji;

60.  Jilqa’ s-simplifikazzjoni tal-metodi ta’ rimborż bħala parti mill-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fondi Strutturali, minħabba r-rwol importanti li għandhom dawn l-istrumenti f’ħafna reġjuni biex jippromwovu l-intraprenditorija u l-ħiliet; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament Komunitarju u biex tirrapporta lill-Parlament dwar il-kwistjoni;

61.  Huwa tal-fehma li l-investiment pubbliku u l-appoġġ tal-istat għat-twaqqif u l-operazzjoni kontinwa tal-impriżi huma kruċjali; jemmen li l-Istati Membri għandhom jitolbu salvagwardji u garanziji minn kumpaniji li jiġu stabbiliti f’kull Stat Membru u li jirċievu appoġġ pubbliku; bil-għan li jiġu ppreservati l-impjiegi;

Is-suq tax-xogħol

62.  Jemmen bis-sħiħ li n-negozji jistgħu joħolqu aktar impjiegi jekk ikunu jeżistu l-kundizzjonijiet it-tajba, inklużi l-aċċess għal forza tax-xogħol ikkwalifikata u kompetenti ħafna, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, spejjeż u taxxi raġonevoli, u li l-piżijiet amministrattivi u regolatorji jkunu minimi;

63.  Jinnota l-importanza tal-flessigurtà fuq il-post tax-xogħol biex minn naħa waħda jingħata grad raġonevoli ta' sigurtà lill-impjegati u, min-naħa l-oħra sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jirreaġixxu b'mod flessibbli għall-iżviluppi tas-swieq;

64.  Huwa tal-fehma li l-introduzzjoni tal-hekk imsejħa "kowċis għaż-żgħażagħ" fl-aġenziji tas-suq tax-xogħol huwa pass importanti, sabiex jintilfu ħafna inqas żgħażagħ fit-tranżizzjoni bejn l-iskola u s-suq tax-xogħol;

65.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jinvestu aktar fil-kapital uman u joffru reazzjoni aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiżguraw li jkun hemm rabtiet qawwija bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol, jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra b'informazzjoni, konsulenza u gwida tajba biex jagħmlu għażliet ta' karriera tajbin, u biex irawmu apprendistati tat-tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, kif ukoll iħarrġu mill-ġdid lill-impjegati u jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

66.  Iqis li hemm skop ewlieni għaż-żieda tal-involviment tas-sħab soċjali u l-korpi involuti fil-formulazzjoni ta’ strateġija fuq żmien twil għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, peress li dan huwa l-uniku mod kif jiġi identifikat dak li mhux qed jaħdem sewwa, tiġi ifformulata leġiżlazzjoni intelliġenti u flessibbli, tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u jiġu promossi l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu skemi tranżitorji vijabbli mill-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol, speċjalment għal professjonisti żgħażagħ li jidħlu għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jibqgħu jimplimentaw miżuri tal-politika, akkumpanjati b’mekkaniżmi li jinċentivaw l-ekonomija u r-regolamentazzjoni, li jsawru l-kultura u s-sistemi edukattivi permezz tal-ħolqien tas-sħubijiet u netwerks ta’ skambju bejn id-diversi livelli kollha tal-edukazzjoni u l-kumpaniji, sabiex jingħalaq id-distakk attwali bejn id-dinja tal-edukazzjoni universitarja u s-suq, bl-għan li tiġi ffaċilitatata t-tranżizzjoni tar-riċerkaturi mill-universitajiet għall-kumpaniji, u b'hekk titrawwen l-innovazzjoni;

L-SMEs u mikroimpriżi

69.  Iqis li l-SMEs huma l-muturi ewlenin tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku fl-UE u għandhom rwol kruċjali biex jipprovdu mogħdijiet li jwasslu lil persuni ta' kwalunkwe età, kemm nisa u rġiel, għad-dinja tax-xogħol; jiddispjaċih li f'ħafna Stati Membri dawn huma esklużi mill-politika ta' riċerka pubblika, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

70.  Jenfasizza l-importanza tal-SMEs mhux biss fil-ħolqien iżda wkoll fiż-żamma tal-impjiegi;

71.  Jirrimarka li aktar minn 20 miljun SME fl-UE jirrappreżentaw 99 % tan-negozji, u jservu ta' mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali;

72.  Jemmen li l-miżuri tal-politika pubblika għandhom rwol importanti fl-appoġġ u l-istimolu li jagħtu lill-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs (eż. self li jifilħu għalih, servizzi ta’ konsulenza dwar l-inizjattivi pubbliċi u l-leġiżlazzjoni, inkubaturi u aċċeleraturi tan-negozju, clusters, l-uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija, skemi ta' kkowċjar u tal-mentoring eċċ.); iqis li n-netwerking u l-iskambju tal-aħjar prassi għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward; jemmen li l-appoġġ mhux tanġibbli u mhux finanzjarju bħall-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni, l-edukazzjoni finanzjarja, u n-netwerks tan-negozju huma essenzjali għall-intraprendituri u l-SMEs il-ġodda biex jiżviluppaw in-negozji tagħhom; iqis li, biex jiġi stimulat is-suq intern u l-kummerċ bejn in-negozji żgħar, huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki okkupazzjonali u l-interoperabbiltà ta’ sistemi regolatorji kummerċjali differenti;

73.  Jemmen li l-innovazzjoni fl-SMEs hija rotta importanti li twassal għall-ħolqien tal-impjiegi; huwa essenzjali li, sabiex jipparteċipaw b’suċċess fis-sistema ta’ innovazzjoni, iridu jkunu l-SMEs stess li jmexxu l-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom u li l-appoġġ għalihom ikun mfassal aħjar skont il-ħtiġijiet reali tagħhom;

74.  Jenfasizza l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”; jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku fil-provvediment ta’ opportunitajiet ġodda għall-SMEs biex ikollhom aċċess għas-suq uniku, joħolqu opportunitajiet ta' impjieg, inaqqsu l-ispejjeż u jikkompetu globalment;

75.  Jenfasizza l-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji tal-ICT fit-tkabbir tal-produttività u l-kompetittività; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-suq uniku diġitali u jfakkar li l-ispiża biex jitnieda negozju innovattiv tal-ICT naqset b’fattur ta’ 100 fl-aħħar għaxar snin, primarjament minħabba teknoloġiji bħall-broadband ultraveloċi u minn kullimkien, cloud computing, softwer ta’ sors miftuħ, dejta miftuħa u aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku;

76.  Jenfasizza li l-Gvern Elettroniku huwa ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-intraprendituri (b’mod partikolari għall-SMEs, li spiss jiffaċċjaw ostakoli li ma jistgħux jgħelbu meta joperaw b’mod transkonfinali fi ħdan l-UE), peress li dan iġib miegħu spejjeż u piżijiet amministrattivi mnaqqsa, aktar produttività, effiċjenza, kompetittività, trasparenza, ftuħ, effikaċja tal-politika, aċċessibilità u simplifikazzjoni tal-proċeduri;

77.  Jemmen li n-nuqqas ta’ protezzjoni adegwata għall-SMEs tista’, f’ħafna każijiet, iddgħajjef lill-impriżi u twaqqaf it-tkabbir ekonomiku, u tista’ wkoll tiskoraġġixxi lill-imprendituri milli jieħdu riskji, li jolqot l-kapaċità tagħhom li jikbru u joħolqu l-impjiegi;

78.  Jinnota li l-ostakli prinċipali li jiffaċċjaw l-impriżi li għadhom jibdew u li jaffettwaw l-iżvilupp ta’ SMEs b’rata għolja ta’ tkabbir huma l-aċċess diffiċli għall-finanzjament u l-kost assoċjat miegħu, ir-regolamentazzjoni ta' piż, in-nuqqas ta’ għarfien tar-regolamenti, il-kostijiet indiretti, l-aċċess ristrett għas-swieq tal-esportazzjoni, iż-żminijiet ta’ pagamenti medji u n-nuqqas ta’ kompetenzi;

79.  Jilqa’ l-introduzzjoni tat-“test SME” u l-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi reġimi regolatorji eħfef għall-SMEs u eżenzjonijiet għall-mikroimpriżi skont il-każ, mingħajr ma jiġu kompromessi l-istandards tas-saħħa, is-sigurtà u l-impjieg; jemmen li għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ mitigazzjoni f’firxa ta’ proposti leġiżlattivi, eż. żmien ta’ implimentazzjoni itwal, spezzjonijiet aktar effiċjenti u effettivi, jew linji gwida li jissimplifikaw l-amministrazzjoni tal-kumpaniji, imma mingħajr ma jinħoloq suq tax-xogħol fuq żewġ livelli;

80.  Jilqa’ inizjattivi bħall-proġett CREATE li jindirizza l-ostakli għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività li jesperjenzaw l-SMEs fiż-żoni rurali;

81.  Jemmen li l-Istati Membri jridu jiġu mħeġġa, pereżempju permezz tan-Netwerk Ewropew tar-Rappreżentanti tal-SMEs, jikkondividu l-aħjar prattiki dwar mezzi innovattivi biex jinħolqu l-impjiegi, titnaqqas il-burokrazija u tittejjeb il-komunikazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs u l-mikroimpriżi;

82.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs jippromwovu l-produzzjoni lokali u l-eċċellenza tal-prodotti, anke permezz tal-aggregazzjoni tal-impriżi għall-proġetti komuni ta’ riċerka u żvilupp;

83.  Jemmen li anke l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil SMEs għandhom jiġu mħeġġa jaqsmu l-aħjar prattiki transkonfinali dwar modi innovattivi ta’ kif titnaqqas il-burokrazija;

84.  Jiddispjaċih li r-riformi tax-xogħol li qed isiru f’diversi Stati Membri qed iwasslu biex għadd kbir ta’ ħaddiema ma baqgħux ikunu protetti minn ftehimiet kollettivi, speċjalment fl-SMEs. iqis li kwalunkwe titjib fil-flessibbiltà tax-xogħol għandu jiġi akkumpanjat minn protezzjoni tax-xogħol adegwata;

85.  Jemmen li għandu jitjieb il-qafas għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku;

86.  Jinnota li f'ħafna Stati Membri jonqos l-appoġġ adegwat u/jew il-qafas regolatorju suffiċjenti għall-iżgurar ta' kundizzjonijiet xierqa għall-kumpaniji ġodda u innovattivi u għal "start ups", u jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn l-istrumenti u l-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali rigward l-SMEs;

87.  Jisħaq il-ħtieġa li jiġu msaħħa r-regolamenti Komunitarji fir-rigward tat-traċċabilità tal-prodotti, bl-għan li tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni u jinħoloq strument validu biex jiġi stimolat it-tkabbir tal-SMEs;

Regolamentazzjoni aħjar

88.  Jenfasizza l-ħtieġa għal regolamenti aktar effiċjenti u mfissra b'mod aktar ċar li jistgħu jiġu implimentati b’mod sempliċi u li jistgħu jgħinu lill-atturi kollha inklużi lill-imprendituri joperaw skont l-istat tad-dritt u jippermettu li kemm l-imprendituri kif ukoll l-impjegati jibbenefikaw mill-opportunitajiet u l-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg u s-saħħa u s-sikurezza;

89.  Jenfasizza l-ħtieġa għal integrazzjoni akbar tal-politiki tal-Unjoni favur l-SMEs fir-rigward tal-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kompetittività, l-internazzjonalizzazzjoni, l-intraprenditorija, il-produttività tar-riżorsi, it-tnaqqis tal-burokrazija, il-kwalità tar-riżorsi umani, u r-responsabbiltà soċjali u ambjentali;

90.  Jilqa’ l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati r-riżultati tar-rieżami tal-10 liġijiet l-aktar ta’ piż għall-SMEs, li se jgħinu lin-negozji joħolqu aktar opportunitajiet ta' impjieg; jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti prijorità urġenti lit-titjib ta’ dawn ir-regolamenti b’modi li jindirizzaw it-tħassib tal-SMEs; jemmen li hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-UE tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji, b'mod partikulari l-SMEs u l-mikroimpriżi, u tqis miżuri ta’ appoġġ għalihom, fil-proċess ta’ politika;

91.  Jinnota li l-kumpaniji ġodda li jsiru internazzjonali b’mod rapidu u intensiv wara l-fażi ta' “start up” jagħtu kontributi siewja lill-ekonomija billi joħolqu l-innovazzjoni, jinkoraġġixxu l-innovazzjoni f’kumpaniji oħra, jipparteċipaw fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali u joħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja. jenfasizza, madankollu, li dawn il-kumpaniji jaffaċċjaw sfidi sinifikanti fil-fażi tal-“istart up” minħabba l-livelli baxxi ta’ kapital, u għalhekk, proċeduri rħas, sempliċi u rapidi ta' “start up” ikunu ta’ benefiċċju għalihom;

92.  Jenfasizza li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ħarsien tal-ħaddiema ma jistgħux jitqiesu regolamenti ta’ piż; jitlob lill-Kummissjoni tissimplifika l-piżijiet amministrattivi eċċessivi filwaqt li dejjem tiżgura s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u tiggarantixxi li l-SMEs jipprovdu għarfien u riżorsi adegwati biex l-ambjent tax-xogħol tal-impjegati jiġi amministrat kif xieraq;

93.  Jinnota l-istrateġija dwar is-saħħa u s-sikurezza l-ġdida; jittama li se tiffoka fuq il-prevenzjoni, l-użabbiltà, il-kjarifika, is-simplifikazzjoni, il-prevenzjoni, u l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tiżgura s-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema;

94.  Jilqa’ t-tnaqqis tat-tariffi tar-reġistrazzjoni REACH għall-SMEs, anke jekk it-tariffi jirrappreżentaw parti żgħira biss mill-ispejjeż ġenerali ta’ konformità; huwa ferm imħasseb, madankollu, li l-istimi inizjali tal-ispejjeż mir-REACH ġew sottovalutati u din id-differenza diġà tammonta għal aktar minn EUR 1 biljun u li ser tkompli tiżdied;

95.  Jinnota l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-intrapriżi, permezz ta’ proġetti u strumenti li jippermettu li tiġi indirizzata l-isfida tal-irkupru enerġetiku bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija;

96.  Jirrimarka li d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għall-perjodu tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 għandhom l-għan li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq il-mikrointrapriżi u l-SMEs, b'mod partikolari meta jimpjegaw persuni diżokkupati, u b'hekk jikkontribwixxu għal titjib fil-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi; jitlob lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakli għal implimentazzjoni mtejba tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-benefiċċju tal-mikrointrapriżi u l-SMEs;

Rakkomandazzjonijiet

97.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu malajr u b’ambizzjoni biex inaqqsu l-piż regolatorju fuq l-SMEs, filwaqt li jiżguraw li kull soluzzjoni proposta tkun ibbażata fuq l-evidenza, tirrispetta s-saħħa u s-sikurezza, kif ukoll l-Artikolu 9 TFUE;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tax-xogħol tal-ekonomija l-"ħadra" billi jiżviluppaw strateġija ta’ Rinaxximent tal-Industrija għal Ewropa Sostenibbli (RISE) li timmira għal innovazzjoni teknoloġika, kummerċjali u soċjali lejn it-tielet rivoluzzjoni industrijali inkluża mira għal modernizzazzjoni b’livell baxx ta’ karbonju; jargumenta li l-istrateġija RISE se toħloq swieq, mudelli kummerċjali u imprendituri kreattivi ġodda, impjiegi ġodda u xogħol deċenti, u b’hekk iġġib magħha tiġdid industrijali b’dinamiżmu ekonomiku, fiduċja u kompetittività; jemmen li l-effiċjenza enerġetika u l-effiċjenza fir-riżorsi huma pilastri ewlenin ta’ tali strateġija;

99.  Iqis li l-proposta tal-Kummissjoni li l-mikroentitajiet għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi futuri sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa li dawn ikunu koperti, tista’ toffri approċċ xieraq;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-SMEs ikunu parti min-netwerk li għadu kif twaqqaf għar-Rappreżentanti tal-SMEs u l-Assemblea tal-SMEs, u jkunu infurmati tajjeb dwar l-inizjattivi u l-proposti ta' politika tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol daqstant importanti taċ-Ċentri Ewropej ta' Informazzjoni (EICs), li s'issa ma rnexxilhomx jipprovdu servizz li jlaħħaq mal-aspettattivi u l-ħtiġijiet tan-negozji Ewropej;

101.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja (taħriġ vokazzjonali), għall-impjegati tal-SMEs u l-mikroentitajiet, bħala mezz li jsaħħaħ l-aċċess u l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji fis-Suq Uniku;

102.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura aċċess aktar faċli għall-SMEs għal fondi strutturali, l-aktar billi tnaqqas il-ħtiġijiet għal proġetti prefinanzjati, tnaqqas ir-rekwiżiti għall-kofinanzjar, tiffoka aħjar fuq tipi ta’ SMEs differenti, tagħlaq id-distakk finanzjarju bejn iċ-ċikli ta’ sejħa, u tappoġġja l-bini ta’ kapaċità għall-iffinanzjar tal-SMEs;

103.  Jirrakkomanda lill-MEPs jagħmlu użu sħiħ mid-Diurettorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u tal-Valur Miżjud Ewropew sabiex jiskrutinizzaw l-ispiża, il-benefiċċji u implikazzjonijiet oħra tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni proposta dwar l-SMEs u, partikolarment, dwar il-ħolqien tal-impjiegi;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu aktar rigorużi fil-valutazzjoni tal-impatt tar-regolamentazzjoni futura u attwali dwar l-SMEs u l-kompetittività b’mod ġenerali;

105.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom taħt is-“Small Business Act” li jkunu kapaċi jibdew negozju fi żmien ta' mhux aktar minn 48 siegħa; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jagħmlu kull sforz biex jilħqu din il-mira sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' impjieg li jinsabu fl-istrateġija Ewropa 2020;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza kwalunkwe effett negattiv identifikat li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha fir-rigward tan-negozji u l-kapaċità tagħhom li joħolqu l-impjiegi, partikolarment rigward l-aspetti ta' nuqqas ta' għarfien, perċezzjoni ġenerali u nuqqas ta' appoġġ għall-applikazzjoni fil-prattika tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-fluss ta' informazzjoni lill-SME;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-programm REFIT, tivverifika li l-leġiżlazzjoni kollha qed tagħmel dak li kienet maħsuba li tagħmel u tidentifika oqsma fejn hemm inkonsistenzi jew miżuri ineffettivi li jaffettwaw l-opportunitajiet ta' impjiegi;

108.  Jisħaq fuq it-tendenza reċenti tal-kumpaniji li jreġġgħu lura l-produzzjoni u s-servizzi lejn l-Ewropa u fuq l-opportunitajiet li dan iġib miegħu għall-ħolqien tal-impjiegi; jemmen li l-ekonomiji tal-UE għandhom opportunità unika biex jaċċeleraw din it-tendenza ta' treġġigħ lura tal-impjiegi u jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien mal-Kummissjoni, jikkunsidraw il-possibbiltà li jiddedikaw appoġġ, inkluż billi joħolqu "one-stop shops", sabiex jgħinu lin-negozji jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li joffi t-treġġigħ lura tal-impjiegi;

109.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw l-impjiegi indipendenti, possibbilment fuq livell transkonfinali u speċjalment fost in-nisa u ż-żgħażagħ, permezz tal-ħolqien ta' ambjent u bl-iżvilupp ta' sistema edukattiva u għall-protezzjoni soċjali li tħeġġeġ lill-imprendituri jwaqqfu u jiżviluppaw in-negozji tagħhom u joħolqu impjiegi ġodda, pereżempju, bil-promozzjoni tal-intraprenditorija fost l-istudenti u l-professjonisti;

110.  Jesprimi t-tama tiegħu li l-intraprenditorija ssir tema aktar prominenti fis-snin li ġejjin; jinnota li dan se jirrikjedi ċerta riflessjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020; iqis li l-iżvilupp ta' spirtu u ta' ħiliet intraprenditorjali huwa pass sostenibbli 'l quddiem f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi, aktar start-ups u innovazzjoni fin-negozju; jixtieq li l-Kummissjoni ssemmi l-2017 "Is-Sena Ewropea għall-Intraprenditorija";

111.  Jistieden lis-sħab soċjali jilqgħu l-għodda ta’ regolamentazzjoni intelliġenti, iżidu l-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt fin-negozjati tagħhom u jressqu ftehimiet li jipproponu azzjoni leġiżlattiva lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni;

112.  Jinsisti fuq approċċ ibbilanċjat tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data fil-protezzjoni tal-privatezza tad-dejta filwaqt li jiġu stimulati l-ekonomija diġitali, il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir;

113.  Jistieden lill-UE taħdem mal-Istati Membri, l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka u n-negozji biex jikkoordinaw u jagħmlu użu sħiħ mis-sorsi ta’ finanzjament tal-UE (eż. il-FSE, il-FEŻR, il-COSME, l-Orizzont 2020 u Erasmus+), sabiex jippromwovu kultura intraprenditorjali, b’mod partikolari fost in-nisa uż-żgħażagħ, jiżviluppaw u jaġġornaw il-kwalifiki u l-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol u jappoġġjaw il-ħolqien ta’ impriżi ġodda;

114.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkooperaw għall-introduzzjoni tal-ħiliet intraprenditorjali fil-kurrikuli fl-istadji kollha ta’ edukazzjoni;

115.  Jistieden lill-UE taħdem mal-Istati Membri, l-iskejjel u l-universitajiet fuq l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni miftuħa bbażata fuq it-teknoloġija;

o
o   o

116.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0036.
(2)http://www.ceemet.org/en/News/News/CEEMET-Survey-Flexible-employment-contracts-responding-to-changing-market-circumstances-and-meeting-employee-needs.htm

Avviż legali - Politika tal-privatezza