Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 dwar teknoloġiji ġodda u riżorsi edukattivi miftuħa (2013/2182(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;
– wara li kkunsdira l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2013 bl-isem ‘Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa’ (COM(2013)0654) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha dwar l-analiżi u l-immappjar ta’ tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa fl-Ewropa (SWD(2013)0341),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2013 bl-isem ‘L-edukazzjoni ogħla Ewropea fid-dinja’ (COM(2013)0499),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(1),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Frar 2014 dwar edukazzjoni u taħriġ effiċjenti u innovattivi biex isir investiment f'ħiliet – b'appoġġ għas-Semestru Ewropew 2014(2),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(3),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020(4),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ(5),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar reviżjoni tal-edukazzjoni(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-aġenda diġitali għat-tkabbir, il-mobbiltà u l-impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u Ewropa 2020(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 dwar il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2011 dwar l-aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar Żgħażagħ Attivi – qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni u taħriġ(12),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-26 ta’ Frar 2014(13),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Jannar 2014(14),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7–0249/2014),
A. billi s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jkunu mmirati lejn il-kisba ta’ opportunitajiet indaqs fit-tagħlim u l-issodisfar tal-ħtieġa li qed tiżdied għall-aġġornar kontinwu tal-għarfien u l-ħiliet u suq tax-xogħol dejjem iktar internazzjonali filwaqt li wieħed jimmira lejn effiċjenza u opportunitajiet inqas ikbar;
B. billi l-Istrateġija Ewropa 2020 timmira lejn it-tisħiħ tal-innovazzjoni, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjieg, it-titjib tal-koeżjoni soċjali u l-bini ta’ pedamenti sodi għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-UE permezz ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli li tgawdi minn aċċess indaqs għall-edukazzjoni;
C. billi livelli għolja ta’ qgħad, partikolament fost iż-żgħażagħ, inklużi l-gradwati mill-università, jikkoinċidu ma’ numru sinifikanti ta’ postijiet vakanti fl-Ewropa li ma jistgħux jimtlew, filwaqt li dan juri li hemm vojt qawwi fil-ħiliet li jista' jimtela bl-aħjar mod, inter alia, permezz ta' mudelli ta' taħriġ vokazzjonali doppju; billi fl-2012 15.8 % taż-żgħażagħ fl-UE la kienu f’impjieg u lanqas f’edukazzjoni jew taħriġ (NEET) u b’hekk kienu f’riskju li jiġu esklużi mis-suq tal-impjiegi minħabba nuqqas ta’ tqabbil tal-ħiliet li dejjem qed jiżdied;
D. billi hu mistenni li sal-2020 90 % tal-impjiegi se jirrikjedu ħiliet diġitali, u billi sal-2015 se jkun hemm sa 900 000 post vakanti relatati mat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni (TIK) fl-UE li mhux se jimtlew;
E. billi n-numru ta’ gradwati minn istituzzjonijiet universitarji hu mistenni li jikkwadrupla sas-sena 2030;
F. billi bejn 18 u 28 % tal-istudenti fl-UE għandhom ftit possibilitajiet li jaċċessaw jew jużaw l-internet jew fl-iskola jew id-dar; billi 30 % biss tal-istudenti fl-UE jistgħu jitqiesu li huma kompetenti fil-qasam diġitali; billi 20 % biss tal-istudenti fl-UE jiġu mgħallma minn għalliema li huma diġitalment kapaċi u jappoġġjaw xogħolhom diġitalment. billi 70 % mill-għalliema fl-UE ma jqisux ruħhom kompetenti diġitalment u jixtiequ jkabbru l-ħiliet tagħhom fil-qasam tat-TIK; billi 40 % taċ-ċittadini Ewropej ta’ bejn is-16 u l-74 sena għandhom ftit jew xejn ħiliet fit-TIK;
G. billi r-riżorsi edukattivi miftuħa (REM) jista’ jkollhom rwol kruċjali fl-iffaċilitar tat-tagħlim tul il-ħajja għal dawk kollha li qed jitgħallmu u fit-titjib tal-kwalità tal-kontenut u t-tixrid tal-fornituri tal-edukazzjoni kemm formali kif ukoll dik mhux formali, u billi, fl-istess ħin, sistema edukattiva mhux adegwata mil-lat diġitali tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet tal-istudenti;
H. billi l-UE għadha ma evalwatx biżżejjed il-potenzjal li joffru t-TIK f’termini ta’ rikkezza u diversità kulturali u edukattiva, ta’ aċċess għall-informazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajba;
I. billi l-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi fl-Ewropa teħtieġ investimenti fl-istrutturi tat-tagħlim b’tagħmir ta’ livell għoli tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;
J. billim, għalhekk, hu fattur vitali li l-aċċess għall-broadband jinxtered iktar, anke fiż-żoni rurali, muntanjużi u periferiċi tal-Istati Membri;
K. billi jqis li l-iskola għandha wkoll tħarreġ lill-minuri fl-użu prattiku u kritiku tat-teknoloġiji diġitali u l-internet;
L-opportunitajiet u l-isfidi
1. Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi aġenda tal-Unjoni fil-qasam tar-REM, u li tiffoka fuq il-potenzjal ta’ dawn ir-riżorsi biex iwessgħu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza fiha u jiddiversifikawh iktar, u jirrikonoxxi r-rilevanza tar-REM f'soċjetà li qed issir dejjem aktar diġitali; iqis li l-ħolqien ta’ qafas Ewropew għall-iżvilupp tar-REM jista’ jippermetti t-titjib tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri;
2. Jinnota li, sabiex jiġu rrealizzati l-benefiċċji tar-REM, għandhom jiġu appoġġati azzjoni li jwasslu għal edukazzjoni diġitali universali, b’attenzjoni fuq il-prattiki tajbin u l-promozzjoni tagħhom f’ambjenti differenti;
3. Jenfasizza li r-REM joħolqu opportunitajiet kemm għall-individwi, bħall-għalliema, l-istudenti u l-istudenti tal-etajiet kollha, kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex dawn jgħallmu u jitgħallmu b’modi innovattivi; jistieden lill-istituzzjonijiet edukattivi biex jivvalutaw iktar il-benefiċċji potenzjali tar-REM fis-sistemi edukattivi rispettivi u fid-dawl tal-possibilità li jinħoloq ambjent organizzattiv li fih tali innovazzjoni tkun milqugħa, internalizzata, applikata u promossa; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri u r-reġjuni, bħala parti minn strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, jistabbilixxu ċentri ta’ eċċellenza ta’ innovazzjoni u negozji li għadhom jibdew li jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tat-TIK;
4. Jiddeplora n-nuqqas ta’ differenzjazzjoni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bejn il-livelli tal-iskejjel fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda u l-kontenut diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim; jenfasizza li l-istudenti jiksbu ħiliet u kompetenzi differenti li jiddependu fuq l-età tagħhom u li l-kurrikuli u l-metodi ta’ tagħlim konsegwentament ivarjaw skont il-livell tal-iskola;
5. Jinnota li l-assikurazzjoni tal-kwalità għandha rwol kruċjali biex tiżdied il-fiduċja fir-REM u l-użu tagħhom; iħeġġeġ ir-riċerka u t-tixrid ta’ prattiki tajba li jiffavorixxu sfruttament effettiv tar-REM, b’investiment b’mod partikolari fl-oqsma tal-esperimentazzjoni metodoloġika, tal-applikazzjoni tal-ħiliet (riflessivi, proattivi u tal-ħsieb kritiku) u tal-ħiliet soft (soft skills); jinnota li r-riċerka għandha titħeġġeġ fir-rigward tal-metodi ta' valutazzjoni tal-ħiliet miksuba fi ħdan tali l-mogħdijiet, li ma jistgħux jiġu limitati għal valutazzjoni bejn il-pari, jew għal sistemi awtomatizzati, bħalma jiġri fil-prattika komuni;
6. Jirrikonoxxi l-fatt li r-REM ġeneralment jiġu prodotti f’numru limitat ta’ lingwi u prinċipalment, anke jekk mhux eslużivament, minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla (speċjalment fir-rigward tal-korsijiet onlajn miftuħa massivi (massive open online courses MOOC)); iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha fl-Istati Membri kollha kif ukoll lill-partijiet interessati rilevanti l-oħrajn biex jipproduċu REM bil-lingwi proprji tagħhom sabiex jieħdu vantaġġ mill-potenzjal sħiħ tat-teknoloġija diġitali u l-multilingwiżmu; ifakkar li d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-innovazzjoni tal-materjal għandhom rwol ewlieni fl-użu ta’ materjal tat-tagħlim elettroniku fl-edukazzjoni;
7. Jirrimarka li t-TIK u r-REM bħalissa qed jintużaw prinċipalment fl-edukazzjoni ogħla; jinkoraġġixxi, meta jkun xieraq, l-użu tagħhom fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, kif ukoll fl-edukazzjoni vokazzjonali u f'sitwazzjonijiet oħra ta' tagħlim informali, fejn it-tagħlim iffukat fuq l-istudent flimkien mat-TIK għandu potenzjal kbir ukoll;
8. Jinnota li t-tqegħid f’kuntest xieraq huwa fattur kritiku biex is-softwer edukattiv isir effettiv; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dan il-proċess għandu jiġi inkluż b’mod xieraq fil-proċessi ta’ tagħlim u għandu jikkunsidra l-objettivi ta’ pedagoġija u tal-kurrikulu, l-għodod u r-rotot individwali tat-tagħlim;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent ta’ għarfien u ħiliet miksuba permezz tar-REM permezz ta’ djalogu ulterjuri mal-partijiet interessati, u jistieden lill-Istati Membri biex jinkorporaw miżuri xierqa fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom għall-validazzjoni ta’ tagħlim bħal dan;
10. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li r-rikonoxximent ta’ kompetenzi miksuba f'pajjiż barrani għandu jiġi faċilitat, sabiex jiżdied u jiġi ffaċilitat l-użu tar-REM u l-korsijiet onlajn miftuħa massivi permezz tat-tnaqqis tal-istrutturi burokratiċi;
11. Jenfasizza l-fatt li d-disponibbiltà u l-aċċess għall-materjal ta’ tagħlim onlajn bla ħlas, ta’ kwalità għolja u xieraq huma kruċjali;
12. Jenfasizza l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet attwali fid-drittijiet tal-awtur għal skopijiet tal-illustrazzjoni fit-tagħlim mhux kummerċjali, sabiex jiġi ffaċilitat ir-REM u t-tagħlim mill-bogħod transfruntier u biex il-pjattaformi Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu globalment billi joħolqu ekonomiji tal-kobor;
13. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tirrivedi d-Direttiva 2001/29/KE, bil-għan li tistabbilixxi sistema armonizzata u flessibbli ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fl-UE li tkun xierqa għall-era diġitali u li tirrikonoxxi l-valur pubbliku tal-aċċess għall-għarfien;
14. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jesploraw il-potenzjal previst tar-REM li jnaqqsu l-ispejjeż pubbliċi u privati tal-edukazzjoni, partikolarment l-ispejjeż tal-materjal tal-edukazzjoni, mingħajr ma tiġi injorata l-kwalità;
15. Jinnota l-importanza li jiġu żgurati mudelli sostenibbli għall-ħolqien tar-REM u l-korsijiet onlajn miftuħa massivi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka ulterjuri dwar l-iżvilupp, l-użu u l-fehim tagħhom, fi djalogu mal-partijiet interessati;
16. Jirrikonoxxi li l-adozzjoni tar-REM għandha ssir b’mod li trawwem l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet ta’ tagħlim tas-seklu 21 u toħloq opportunitajiet ta’ negozju ġodda għall-fornituri innovattivi żgħar u ta’ daqs medju Ewropej ta’ soluzzjonijiet ta’ tagħlim;
17. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-edukazzjoni informali fir-rigward tas-sigurtà onlajn u jipprevedu politiki ta’ sigurtà onlajn fl-iskejjel billi joffru taħriġ adegwat għall-għalliema;
18. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw edukazzjoni koordinata u progressiva dwar is-sigurtà fl-internet fl-iskejjel; jinnota li l-ġenituri u l-gwardjani legali għandhom jiġu meqjusa bħala sħab fl-iżgurar tas-sikurezza tal-internet u jirrakkomanda li jiġu żviluppati strateġiji kumplimentari mmirati lejhom, u b’hekk jissaħħaħ ir-rwol tal-medjazzjoni tal-ġenituri; jenfasizza l-fatt li dawn l-isforzi għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-indipendenza taż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu jassumu r-responsabilità tal-azzjonijiet tagħhom u responsabbiltajiet onlajn u biex jiżviluppaw il-ħiliet diġitali; jinsisti li lgħandhom jiġu assigurati l-protezzjoni tal-integrità fiżika u psikoloġika u l-privatezza tal-għalliema u l-istudenti li jużaw ir-REM;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri fis-setturi tal-edukazzjoni formali u informali fir-rigward tas-sigurtà onlajn, il-ħolqien ta’ kontenut edukattiv rilevanti u l-istabbiliment ta’ sħubijiet pubbliċi-privati bil-għan li jinvolvu liż-żgħażagħ, lill-ġenituri u lill-għalliema tagħhom u lil dawk kollha li jieħdu ħsieb liż-żgħażagħ, inklużi l-organizzazzjonijiet nongovernattivi involuti fin-netwerk Safer Internet;
Ħiliet għall-għalliema u l-istudenti
20. Jinnota li t-teknoloġiji ġodda u r-REM jippermettu esperjenza ta’ tagħlim iktar interattiva u huma strumenti ta’ valur biex l-istudent jitpoġġa fiċ-ċentru tal-proċess edukattiv;
21. Jenfasizza li l-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni għandhom rwol fundamentali fl-iffaċilitar tal-aċċess u l-użu ta' materjal ta’ tagħlim onlajn mill-istudenti kollha u biex jassistuhom fil-kisba tal-ħiliet diġitali;
22. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti tat-tagħmir tekniku l-aktar rapidu u tal-aħjar kwalità possibbli għall-istudenti kollha kif ukoll l-aċċess essenzjali għall-internet bi broadband;
23. Ifakkar dwar l-importanza kbira ta’ taħriġ bi kwalità għolja tal-għalliema, li jrid jiġi supplimentat b’taħriġ professjonali obbligatorju matul il-karriera b’attenzjoni fuq metodi innovattivi ta' tagħlim u t-tagħlim tal-istudenti dwar approċċi għall-edukazzjoni (“tgħallem kif titgħallem”);
24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw lill-għalliema fl-iżvilupp professjonali tagħhom billi joffrulhom kurrikuli moderni fl-edukazzjoni inizjali tagħhom, u billi jipprovdulhom taħriġ matul is-servizz immirat biex jgħammruhom bil-kompetenzi meħtieġa għall-użu ta’ metodi ta’ tagħlim diġitalment appoġġati;
25. Jenfasizza b'mod espliċitu l-benefiċċji magħrufa tal-esperjenzi f'pajjiżi barranin Ewropej għall-għalliema u dawk li jħarrġu, pereżempju fil-kuntest tal-programm Erasmus+, u jitlob li jkun hemm estensjoni qawwija ta' dawn il-programmi u oħrajn relatati;
26. Jirrimarka li ħiliet bażiċi ta’ litteriżmu u numeriżmu, flimkien mal-ħiliet meta u soft, kif ukoll il-ħiliet transversali, bħall-ħsieb kritiku u t-tagħlim dwar kif titgħallem, huma prerekwiżit għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-użu tal-materjal edukattiv onlajn, inklużi r-REM, b’mod effettiv; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tivvaluta iktar l-impatt tal-materjal ta’ tagħlim diġitali u/jew onlajn fuq il-prestazzjoni tat-tagħlim tal-istudenti skont l-età u l-livell ta’ skola;
27. Jirrikonoxxi l-importanza tal-modi tradizzjonali ta’ tagħlim, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa aktar riċerka dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-REM u l-korsijiet onlajn miftuħa massivi jistgħux itejbu r-riżultati tat-tagħlim tal-individwi flimkien ma' metodi tradizzjonali ta' tagħlim jew bħala parti integrali minnhom;
28. Ifakkar li l-metodi ta’ tagħlim innovattiv iffaċilitati permezz tat-TIK u r-REM jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet soft u dawk trasversali, bħall-ħsieb kritiku, it-teħid ta' deċiżjonijiet, il-ħiliet ta’ komunikazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi, li huma kruċjali għall-impjegabbiltà u r-realizzazzjoni tas-suq tax-xogħol;
29. Jenfasizza li l-politiki edukattivi għandhom primarjament jimmiraw biex jassistu lill-istudenti fl-iżvilupp ta’ ħiliet konjittivi u soċjali kruċjali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta iktar l-impatt tal-implimentazzjoni ta’ tagħmir u kontenut diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim fuq l-istudenti, filwaqt li tiżgura l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom;
30. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li r-REM immirati lejn il-ħtiġijiet tal-istudenti adulti jeħtieġ li jiġu żviluppati biex jiġu żgurati opportunitajiet ikbar ta’ tagħlim tul il-ħajja għaċ-ċittadini Ewropej b’ħiliet baxxi, b’kont meħud tal-fatt li ħafna studenti għandhom ħiliet baxxi fit-TIK;
31. Jenfasizza l-fatt li l-ħiliet u l-għarfien diġitali għandhom importanza vitali għaċ-ċittadini f’soċjetà bbażata fuq l-informazzjoni li timmira li ssir l-iktar ekonomija bbażata fuq l-għarfien dinamika fid-dinja;
32. Jinnota li l-litteriżmu diġitali, billi jiftaħ kanali ġodda għall-komunikazzjoni u l-edukazzjoni għandu impatt pożittiv f'termini tat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp personali, id-djalogu interkulturali u ċ-ċittadinanza attiva;
33. Jenfasizza l-fatt li l-TIK u l-materjal edukattiv onlajn, inklużi r-REM, jistgħu jappoġġaw it-tagħlim tal-lingwi barranin fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza li l-interazzjoni soċjali hija prerekwiżit għat-tagħlim ta’ lingwa barranija;
34. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu u japprofondixxu l-ħiliet diġitali billi jinkludu wkoll il-kodifika u l-ipprogrammar fil-kurrikuli rispettivi tagħhom, sabiex irawmu l-kompetittività ekonomika u jagħtu lill-istudenti l-ħiliet it-tajba għas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni;
35. Itenni li l-aġġornament kontinwu tal-għarfien u l-ħiliet huwa essenzjali għall-integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol, u jinnota li r-REM jistgħu jikkontribwixxu biex jiffaċilitaw it-tagħlim permanenti meħtieġ biex dak li jkun jibqa’ kompetittiv fis-suq tax-xogħol; jinkoraġġixxi użu iktar ibbilanċjat bejn il-ġeneri tat-TIK bil-għan li jiġi żgurat li anke n-nisa li jibqgħu barra mis-suq tax-xogħol għal perjodu partikolari, pereżempju għall-maternità jew kuri oħra tal-ġenituri, ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dan it-tip ta’ taħriġ għall-aġġornament waħedhom u t-tagħlim waħedhom u b’hekk itejbu l-possibbiltajiet futuri tagħhom ta’ rilokazzjoni fis-suq tax-xogħol;
36. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-libreriji pubbliċi u ċ-ċentri ta’ edukazzjoni jistgħu joffru aċċess liberu għall-kompjuters u l-internet u taħriġ dwar ir-riżorsi tal-internet;
It-twessigħ l-kamp ta’ applikazzjoni
37. Jenfasizza l-importanza ta’ aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ u tagħmir tat-TI għall-istudenti kollha fil-gruppi tal-etajiet kollha, kif ukoll għal dawk b’diżabilità, dawk minn ambjenti żvantaġġati, iż-żgħażagħ li attwalment mhux qed jistudjaw, mhux qed jaħdmu jew mhux qed isegwu xi taħriġ u dawk minn reġjuni ġeografikament imbiegħda, kiif ukoll għal kulmin jixtieq itejjeb il-kwalifiki tiegħu;
38. Jirrimarka, għal darb’oħra, li mhux kulħadd għandu aċċess għat-TIK b'arranġamenti ta’ pprezzar ekwivalenti u f'termini ta' kwalità tas-servizzu li, b'mod ġenerali, ir-reġjuni urbani għandhom servizz aħjar mir-reġjuni rurali, u b'hekk jinħoloq distakk diġitali li jippreġudika l-opportunitajiet indaqs taċ-ċittadini kollha, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fit-territorju tal-UE;
39. Jenfasizza l-importanza li qed tikber tal-edukazzjoni tal-adulti, partikolarment fil-kuntest tat-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja, u jappella għal rikonoxximent, tisħiħ u promozzjoni fl-Ewropa kollha tal-organizzazzjonijiet kollha tal-edukazzjoni tal-adulti;
40. Jenfasizza l-vantaġġi tat-tagħlim interġenerazzjonali u jirreferi għall-potenzjal kbir tat-tagħlim li jiġi offrut permezz tat-tagħlim diġitali u l-REM, anke fir-rigward tal-aċċess estiż għall-edukazzjoni ġenerali u professjonali għall-etajiet kollha;
41. Jirrikonoxxi li t-teknoloġiji l-ġodda u r-REM, partikolarment il-korsijiet onlajn miftuħa massivi, għamluha possibbli li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jilħqu eluf ta’ studenti fl-Unjoni, inklużi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, u fid-dinja kollha; jirrikonoxxi li l-edukazzjoni u l-għarfien issa jgħaddu faċilment bejn il-fruntieri, ħaġa li żżid il-potenzjal għal kooperazzjoni internazzjonali u jgħinu biex jiġu promossi l-istituzzjonijiet edukattivi Ewropej bħala ċentri għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda;
42. Jinnota li huwa importanti li jinżamm bilanċ ġust bejn il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni; jenfasizza l-fatt li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jintużaw biex jiġi żgurat li edukazzjoni iktar aċċessibbli ma tkunx tfisser tnaqqis fil-kwalità tal-edukazzjoni;
43. Jinnota li l-UE qed tirriskja li taqa’ wara reġjuni oħra tad-dinja, bħall-Istati Uniti jew l-Asja, fejn qed isiru investimenti kbar fir-riċerka u l-iżvilupp, fit-teknoloġiji l-ġodda u fir-REM; jinnota li l-Unjoni trid tibni fuq is-saħħa tagħha fid-diversità kulturali u lingwistika u tadatta investimenti fil-materjal tat-tagħlim elettroniku, inklużi r-REM, u fit-teknoloġiji l-ġodda biex tappoġġa bl-aħjar mod il-popolazzjoni tagħha;
44. Ifakkar li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-edukazzjoni Ewropea fil-livell globali, joffru opportunitajiet għall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea, u, bħala riżultat, iżidu l-attrattività tal-Ewropa bħala destinazzjoni edukattiva;
45. Jenfasizza li r-REM jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni Ewropea; jinkoraġġixxi, f’dak il-kuntest, il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet edukattivi fid-dinja kollha, b’mod partikolari fl-Istati Uniti;
46. Itenni li strateġiji REM ta’ suċċess u l-korsijiet onlajn miftuħa massivi jistgħu jappoġġaw l-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni billi jtejbu l-kwalità u l-viżibilità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni (ogħla) Ewropej u jattiraw studenti u riċerkaturi f’kompetizzjoni għat-talent li qed issir dejjem aktar globali;
47. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari għall-faċilitazzjoni massima tal-aċċess għat-tagħlim u biex jiġi adattat u mmodernizzat il-kurrikulu tal-istituzzjonijiet edukattivi għall-possibilitajiet u l-offerti li jevolvu b’mod rapidu tat-tagħlim diġitali u r-REM, sabiex jiġu indirizzati bl-aħjar mod possibbli l-isfidi l-ġodda tad-dinja tal-lum;
48. Jinkoraġġixxi kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u mal-organizzazzjonijiet u l-partijiet interessati internazzjonali, sabiex jiġi ffaċilitat fehim aħjar ta’ metodi ġodda ta’ tagħlim u l-impatt tat-TIK fuq l-edukazzjoni; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ pjattaformi komuni għal tali kooperazzjoni;
49. Jenfasizza li l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda fl-edukazzjoni għandu jkun immirat sew biex iwieġeb għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jegħleb il-vojt attwali fil-ħiliet; jenfasizza l-ħtieġa ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni mtejba bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ u s-settur tan-negozju;
50. Jinnota li t-teknoloġiji l-ġodda u t-tagħlim elettroniku għandhom il-valur miżjud li jipprovdu esperjenza ta’ tagħlim internazzjonali għal dawk li ma jipparteċipawx fl-iskemi ta’ mobilità;
51. Jirrimarka li t-teknoloġiji diġitali mhumiex qed jiġu sfruttati għal kollox fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni kollha; jibża’ li din is-sitwazzjoni tista’ twassal għal iktar frammentazzjoni tal-approċċi tat-tagħlim; jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs għas-swieq il-ġodda peress li r-REM għandhom jibqgħu għodda biex jitwessa’ l-aċċess għall-edukazzjoni u mhux isiru sforz purament ekonomiku;
52. Jenfasizza li t-teknoloġija diġitali hija għodda ta’ taħriġ importanti għaċ-ċittadinanza, li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ għadd kbir ta’ ċittadini li jgħixu f’żoni periferiċi u b’mod partikolari taż-żgħażagħ, biex ikunu jistgħu japprofittaw bis-sħiħ mil-libertà ta’ espressjoni u ta’ komunikazzjoni onlajn;
Il-kontribut tal-programmi tal-UE
53. Jilqa’ t-tnedija tal-portal Open Education Europa bil-lingwi kollha tal-UE, li jipprovdi bieb wieħed għar-REM Ewropej, u jitlob li l-portal jiġi żviluppat u promoss b’mod vigoruż fl-Istati Membri;
54. Jinnota li infrastruttura diġitali xierqa bbażata fuq teknoloġiji popolari użati b’mod komuni, hija prerekwiżit biex jintlaħqu l-ogħla numru possibbli ta’ studenti bir-REM;
55. Jistieden lill-Kummissjoni torganizza konferenza Ewropea annwali dwar l-ippjanar reġjonali biex tiżgura li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għas-servizzi tat-TIK jkunu fejn ikunu fl-UE;
56. Jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-iżvilupp tal-infrastrutturi, fit-tixrid u t-tagħrif tad-diversi inizjattivi lil pubbliku iktar wiesa’, fl-involviment ta’ atturi oħra tat-territorju, u fit-tixrid u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi Ewropej rilevanti fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali;
57. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw il-fondi disponibbli permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment biex inaqqsu d-distakk diġitali tat-territorji permezz tat-titjib tal-infrastruttura u n-netwerks u jiffavorixxu t-taħriġ fit-TIKu l-użu tajjeb tagħhom, b’kont meħud tal-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi, b’mod partikolari fir-reġjuni rurali u dawk imbiegħda; jinnota li l-użu intelliġenti u komprensiv tal-fondi mill-UE jirrikjedi sinerġija bejn il-programmi u l-istrumenti differenti, inklużi Erasmus+, Orizzont 2020 u l-fondi strutturali u ta’ investiment;
58. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi, filwaqt li tislet mill-proġetti u l-esperjenzi eżistenti;
59. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiżviluppa indikaturi li jimmonitorjaw mill-qrib l-integrazzjoni tat-TIK fl-istituzzjonijiet tat-tagħlim u t-taħriġ, u biex tappoġġa stħarriġ kwantitattiv fl-Unjoni kollha;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u testendi n-netwerk u l-azzjonijiet tal-Ischoolnet Ewropew;
61. Japprezza l-fatt li l-materjal edukattiv kollu mħejji bl-appoġġ ta' Erasmus+ se jkun disponibbli għall-pubbliku taħt liċenzji miftuħa; jinkoraġġixxi prattiki simili għal programmi oħra tal-Unjoni, inkluża t-tnedija wiesgħa tal-aċċess miftuħ taħt il-programm Orizzont 2020;
62. Jenfasizza l-fatt li Erasmus+ u Orizzont 2020 jista’ jkollhom rwol importanti biex jiġġeneraw r-REM permezz ta’ komunitajiet ta’ prattika, bħal dik tal-għalliema fl-iskejjel li jużaw il-pjattaforma eTwinning; jinkoraġġixxi estensjoni tal-użu ta’ dawn il-pjattaformi għal setturi edukattivi oħra;
o o o
63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.