Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (16651/2013 – C7-0020/2014 – 2013/0375(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (16651/2013),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (16648/2013),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7–0020/2014),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (COM(2013)0765),
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (COM(2013)0766),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 81(2) u l-Artikolu 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd dwar l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7–0201/2014),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni relevanti dwar il-laqgħat xjentifiċi konġunti previsti fl-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-laqgħat tal-kumitat konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija, b’mod partikolari l-minuti u l-konklużjonijiet korrispondenti, flimkien ma’ rapport annwali dwar l-implimentazzjoni prattika tal-programm multiannwali ta’ appoġġ settorjali msemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll;
3. Jistieden lir-rappreżentanti tal-Kumitat għas-Sajd tiegħu, li jaġixxu bħala osservaturi, ikunu jistgħu jattendi l-laqgħat t’hawn fuq tal-kumitat konġunt previsti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, matul l-aħħar sena tal-validità tal-Protokoll u qabel il-ftuħ tan-negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport ta' valutazzjoni ex post dwar l-implimentazzjoni tiegħu, li jkun fih analiżi tal-użu tal-opportunitajiet tas-sajd u analiżi tal-ispiża f’relazzjoni mal-benefiċċju tal-Protokoll, flimkien ma' rapport dwar ir-restrizzjonijiet possibbli fuq l-operazzjonijiet tas-sajd u l-ħsara kkawżata lill-flotta tal-Unjoni li topera fiż-Żona Ekonomika Esklużiva tas-Seychelles bħala riżultat tal-piraterija f'din il-parti tal-Oċean Indjan;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Seychelles.