Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew li jissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (95/167/KE, Euratom, KEFA) (2009/2212(INL))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-tielet paragrafu tal-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 41 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0352/2011),
1. Jadotta bħalha l-proposta tiegħu għal regolament it-testi adottati fit-23 ta' Mejju 2012(1);
2. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħtu notifika tal-kunsens tagħhom għall-proposta;
3. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jekk ma jistgħux jagħtu l-kunsens tagħhom għall-proposta fil-forma preżenti tagħha, biex jissoktaw bin-negozjati mal-Parlament elett ġdid, jagħrfu l-progress magħmul f'negozjati fil-passat fuq livell politiku u waqt il-kuntatti informali fil-livell tekniku, b'mod partikolari dwar il-kwistjoni ta' kunfidenzjalità u l-immaniġġar ta' tagħrif ikklassifikat u tagħrif ieħor;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.