Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali (2013/2185(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b’mod partikolari l-preambolu tiegħu u l-Artikolu 4(3) (il-kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri), l-Artikolu 5 (l-għoti tal-kompetenzi u s-sussidjarjetà), l-Artikolu 10(1) (demokrazija rappreżentattiva) u 10(2) (rappreżentanza taċ-ċittadini tal-UE) u l-Artikolu 12 (ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-preambolu u Titolu II dwar il-kooperazzjoni interparlamentari, u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, mehmuża mat-Trattat ta' Lisbona,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 1997 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali(1), tas-7 ta’ Frar 2002 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qafas tal-integrazzjoni Ewropea(2), u tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta’ Liżbona(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-4 ta’ Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità - id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011(4)
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-20 ta’ Diċembru 2011 tal-grupp ta’ tmexxija dwar il-parlamenti nazzjonali fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona,
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali, b’mod partikolari r-rapport għall-2012 (COM(2013)0565),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi tal-iSpeakers tal-Parlamenti tal-UE fil-laqgħat tagħha mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(5), b'mod partikolari dik ta' Varsavja fl-2012 u f'Nikosija fl-2013,
– wara li kkunsidra l-kontributi u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Ewropej (COSAC) sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari il-laqgħa L COSAC f’Vilnjus fl-2013, u r-rapporti semiannwali tagħha(6),
– wara li kkunsidra l-20 rapport semiannwali tal-COSAC, b'mod partikolari t-taqsimiet relatati mal-leġittimità demokratika fl-UE u r-rwol tal-parlamenti u dwar id-djalogu politiku u l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014,
– wara li kkunsidra l-kontribut tal-parlamenti nazzjonali waqt il-laqgħa tal-presidenti tal-COSAC organizzata mill-Parlament Grieg f’Ateni fis-26 u s-27 ta’ Jannar 2014,
– wara li kkunsidra l-linji gwida dwar il-kooperazzjoni interparlamentari adottati mill-Konferenza tal-iSpeakers tal-UE f’Lisbona fil-21 ta’ Lulju 2008,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tad-9 u l-10 ta’ Settembru 2012 f’Paphos (Ċipru), tal-24, l-25 u s-26 ta’ Marzu f’Dublin (Irlanda) u tal-4 sas-6 ta’ Settembru 2013 f’Vilnjus (il-Litwanja), u l-kontribut tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-Governanza Ekonomika u Finanzjarja tal-UE prevista fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) tas-16 u s-17 ta’ Ottubru 2013 f’Vilnjus (il-Litwanja),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta’ governanza b’diversi livelli fl-Unjoni Ewropea (7) dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali(8),
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “Lejn Unjoni ekonomika u monetarja ġenwina”, imressaq fil-5 ta’ Diċembru 2012 mill-Presidenti Van Rompuy, Juncker, Barroso u Draghi,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tal-13 u t-14 ta’ Diċembru 2012, tal-24 u l-25 ta’ Ottubru 2013 u tad-19 u l-20 ta’ Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 130 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7‑0255/2014),
A. billi skont it-TUE, l-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea trid titqies bħala stadju fil-proċess lejn il-ħolqien ta’ unjoni dejjem iżjed mill-qrib, proċess li beda bit-twaqqif tal-Komunitajiet Ewropej;
B. billi skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali l-Unjoni u l-Istati Membri jgħinu lil xulxin, b'rispett reċiproku sħiħ, fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-trattati u billi l-Istati Membri jgħinu lill-Unjoni twettaq il-kompiti tagħha u jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni;
C. billi l-Artikolu 12 tat-TUE li jkopri l-attivitajiet tal-parlamenti nazzjonali, ilaħħam il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali billi jistabbilixxi li l-parlamenti nazzjonali jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni;
D. billi l-prinċipju ta’ għoti ta' kompetenzi jiddefinixxi l-kompetenzi tal-Unjoni, li huma eżerċitati skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, u billi l-istituzzjonijiet tal-UE kollha flimkien mal-parlamenti nazzjonali jiżguraw li l-atti leġiżlattivi jkunu konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà;
E. billi l-leġittimità demokratika u l-obbligu ta' rendikont jeħtieġ jiġu żgurati fil-livelli kollha li fihom jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet, kif ukoll fl-interazzjonijiet reċiproċi bejn dawk il-livelli;
F. billi l-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva, u fuq leġittimità demokratika doppja li ġejja mill-Parlament Ewropew, li huwa elett direttament miċ-ċittadini, u mill-Istati Membri, kif rappreżentati fil-Kunsill mill-gvernijiet tagħhom, li min-naħa tagħhom għandhom obbligu ta' rendikont demokratiku lejn il-parlamenti nazzjonali tagħhom u lejn iċ-ċittadini tagħhom;
G. billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali huma, kull wieħed fl-ambitu proprju tiegħu, il-pedamenti tal-leġittimità demokratika doppja tal-Unjoni; l-ewwel wieħed bħala istituzzjoni fejn iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fuq il-livell tal-Unjoni u t-tieni bħala istituzzjonijiet nazzjonali li għalihom huma direttament responsabbli l-gvernijiet rispettivi rrappreżentati fil-Kunsill;
H. billi, għaldaqstant, il-parlamenti nazzjonali ma jiffurmawx it-“tielet kamra” tal-leġiżlatura tal-UE, iżda pjuttost jirrappreżentaw l-istrument li jżomm responsabbli t-tieni kamra tal-Unjoni, jiġifieri l-Kunsill;
I. billi huwa għaldaqstant xieraq li naċċettaw dan l-approċċ kostruttiv mill-parlamenti nazzjonali, espress fil-komunikazzjoni ta' kontributi ta' dan it-tip;
J. billi l-parlamenti nazzjonali għandhom jiżviluppaw strutturi relatati mal-UE qawwija u koerenti bil-għan li jtejbu r-rabtiet mal-istituzzjonijiet Ewropej u sabiex jiksbu aktar kompetenza fuq kwistjonijiet relatati ma' kwistjonijiet Ewropej;
K. billi fl-istadju ta' integrazzjoni attwali, il-parlamenti nazzjonali għandhom ir-rwol speċjali tagħhom fit-tisħiħ tal-kuxjenza Ewropea fl-Istati Membri u biex iqarrbu liċ-ċittadini lejn l-UE;
L. billi l-kooperazzjoni interparlamentari jista' jkollha rwol essenzjali li tmexxi 'l quddiem il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea billi tippermetti l-iskambji tal-informazzjoni, l-analiżi komuni tal-kwistjonijiet, djalogu ta' benefiċċju reċiproku u l-faċilitazzjoni tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fid-dritt nazzjonali;
M. billi wara t-twaqqif tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-governanza ekonomika u finanzjarja, u l-konsolidazzjoni tar-rwol tal-laqgħat interparlamentari tal-kumitati bħala l-mezz preferut għall-kooperazzjoni, il-COSAC għandha tibqa' l-forum għal skambju regolari ta' fehmiet, informazzjoni u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-aspetti prattiki tal-iskrutinju parlamentari;
N. billi l-Parlament Ewropew għandu jkun involut aktar fil-qrib fid-'djalogu politiku'– b'mod partikolari l-verżjoni mtejba li hu involut fiha bħala parti mis-semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika – li l-Kummissjoni ħolqot mal-parlamenti nazzjonali, fuq kollox fid-dawl tal-interdipendenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-parlamenti nazzjonali;
O. billi l-bidliet fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu iqisu d-dispożizzjonijiet ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE;
P. billi għandu jiġi nnutat ir-rwol tal-Konferenza tal-iSpeakers tal-UE fil-kooperazzjoni interparlamentari fl-istadju attwali;
I. Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u l-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea
1. Jilqa’ d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprevedu għall-parlamenti nazzjonali serje ta’ drittijiet u dmirijiet li jippermettulhom li jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni; jemmen li tali drittijiet u dmirijiet jirrigwardaw:
(a)
il-parteċipazzjoni attiva fil-kwistjonijiet tal-UE (setgħat ta’ ratifika tat-Trattati, parteċipazzjoni fil-Konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 48 tat-TUE, skrutinju tal-gvernijiet nazzjonali, skrutinju tas-sussidjarjetà, possibilità eċċezzjonali ta’ oppożizzjoni għal leġiżlazzjoni, traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fid-dritt nazzjonali);
(b)
id-djalogu politiku (kooperazzjoni interparlamentari u l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari mal-Parlament Ewropew);
2. Jinnota li l-leġittimità demokratika doppja tal-Unjoni, bħala unjoni ta' ċittadini u ta' Stati Membri – hija inkorporata, fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill; jemmen li sabiex l-Istati Membri jkunu rappreżentati b'mod unitarju u għalkollox demokratiku fl-UE, il-pożizzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali fil-Kunsill għandhom jikkunsidraw il-fehmiet tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u b'hekk isaħħu n-natura demokratika tal-Kunsill;
3. Jenfasizza li leġittimità u responsabbiltà xierqa jeħtieġ li jiġu żgurati fl-livell nazzjonali u tal-UE mill-parlamenti nazzjonali u mill-Parlament Ewropew rispettivament; ifakkar il-prinċipju, stipulat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2012 li 'matul il-proċess, l-objettiv ġenerali jibqa’ li jiġu żgurati l-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika fil-livell li fih jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet';
4. Ifaħħar lill-parlamenti nazzjonali għall-passi li ħadu biex:
(a)
itejbu l-proċeduri ta' gwida u ta' skrutinju bl-għan li jkun hemm aktar konsistenza;
(b)
jipprovdu lill-ministri u lill-gvernijiet nazzjonali bi gwida minn qabel dwar ix-xogħol tagħhom fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, skont il-qafas kostituzzjonali nazzjonali tagħhom;
(c)
iwettqu skrutinju tal-pożizzjonijiet tal-ministri u tal-gvernijiet nazzjonali fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, skont il-qafas kostituzzjonali nazzjonali tagħhom;
(d)
ikollhom rwol effettiv li jipprovdu gwida u li jiskrutinizzaw l-implimentazzjoni tad-direttivi u r-regolamenti;
(e)
iħeġġu lill-Kunsill itejjeb it-trasparenza tad-deliberazzjonijiet tiegħu dwar l-atti leġiżlattivi, b'mod partikolari waqt l-istadju ta' tħejjija tal-proċess leġiżlattiv, biex tonqos l-assimetrija tal-informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill;
(f)
jevalwaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumitati tal-Parlament Ewropew u dawk tal-parlamenti nazzjonali;
5. Jirrikonoxxi r-rwol tal-kumitati tal-Parlament Ewropew u tal-kumitati tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE kollu;
6. Jiddeplora għaldaqstant in-nuqqas ta’ trasparenza ta' tali deliberazzjonijiet u n-nuqqas ta' bilanċ fil-fluss tal-informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill; jitlob lill-Kunsill jadatta l-livelli ta’ trasparenza tiegħu għal dawk garantiti mill-Parlament Ewropew, b’mod partikolari fil-fażijiet ta’ preparazzjoni tal-proċess leġiżlattiv;
7. Jemmen li n-nuqqas ta’ trasparenza fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill, b'mod partikolari fir-rigward ta' atti leġiżlattivi, jagħmilha diffiċli għall-gvernijiet li jkunu ġenwinament responsabbli lejn il-parlamenti nazzjonali tagħhom;
8. Jinnota li l-livelli ta' limitu previsti fl-Artikolu 7(3) tal-Protokoll Nru 2 s'issa intlaħqu darbtejn fil-proċess ta' skrutinju tas-sussidjarjetà; ifakkar li l-iskop tal-mekkaniżmu ta' twissija bikrija mhux li jweħħel il-proċess Ewropew tat-teħid ta' deċiżjonijiet, iżda li jtejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-UE billi jiżgura, b'mod partikolari, li l-UE topera fi ħdan il-kompetenzi tagħha;
9. Jemmen għaldaqstant li s-superviżjoni tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà min-naħa tal-parlamenti nazzjonali u tal-istituzzjonijiet tal-UE m'għandhiex titqies bħala restrizzjoni żejda iżda bħala mekkaniżmu biex jiġu garantiti l-kompetenzi tal-parlamenti nazzjonali billi tgħin it-tiswir tal-forma u s-sustanza tal-attività leġiżlattiva benefiċjali tal-UE;
10. Jemmen li l-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija għandu jitqies u jintuża bħala waħda mill-għodod biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istituzzjonijiet nazzjonali;
11. Jilqa' l-fatt li fil-prattika dan il-mekkaniżmu qed jintuża wkoll bħala kanal għall-konsultazzjoni u djalogu kooperattiv bejn id-diversi istituzzjonijiet fi ħdan is-sistemi b'ħafna livelli tal-UE;
12. Jemmen li l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali għandhom jitqiesu mill-istituzzjonijiet anke bħala opportunità biex tinkiseb stampa aktar ċara tal-aħjar mezz għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti għall-atti leġiżlattivi u jistieden lill-Kummissjoni twieġeb rapidament u b'mod dettaljat l-opinjonijiet motivati u l-kontributi tal-parlamenti nazzjonali;
II. Ir-relazzjonijiet interparlamentari fil-kuntest tal-integrazzjoni Ewropea progressiva
13. Itenni li l-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE ma tiħux post l-iskrutiju parlamentari normali li jwettaq il-Parlament Ewropew fl-ambitu tal-kompetenzi mogħtija lilu mit-Trattati u li l-parlamenti nazzjonali jwettqu fuq il-gvernijiet rispettivi tagħhom fir-rigward ta' attivitajiet relatati mal-UE; jemmen li din għandha l-għan li:
(a)
tiffavorixxi l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, bl-għan li tagħtihom lok li jeżerċitaw skrutinju aktar effettiv u jikkontribwixxu b'mod aktar sħiħ, mingħajr ma jdgħajfu l-kompetenzi rispettivi tagħhom;
(b)
tiżgura li l-parlamenti jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ is-setgħat tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet tal-UE;
(c)
tippromwovi l-ħolqien ta' kultura parlamentari u politika ġenwinament Ewropea;
14. Iqis il-laqgħat interparlamentari bħala lok fejn il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali jiltaqgħu u jieħdu minn xulxin, b'mod li jgawdu ż-żewġ naħat; jemmen li funzjoni ewlenija ta' tali laqgħat hi li tippermetti lill-parlamenti nazzjonali li jqisu l-perspettiva Ewropea fid-dibattiti nazzjonali, u lill-Parlament Ewropew li jqis il-perspettiva nazzjonali f'dibattiti Ewropej;
15. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li s-sistema interparlamentari ġdida Ewropea għadha qed tieħu s-sura u jeħtieġ li tirrifletti approċċ imsejjes fuq il-kunsens skont it-Titolu II, Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1 tat-Trattat ta' Lisbona, li skontu l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom il-kompitu konġunt li jistabbilixxu b'kunsens l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni interparlamentari fi ħdan l-Unjoni, għalkemm kwalunkwe attentat li jinħoloq qafas komuni għall-kooperazzjoni interparlamentari għadu prematur;
16. Jilqa' l-azzjonijiet meħuda – skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ tmexxija dwar ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali– sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għall-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, b'mod partikolari rigward l-ippjanar tal-laqgħat interparlamentari tal-kumitati, iż-żieda fl-għadd ta' laqgħat ta' dan it-tip (50 sa mill-2010), l-għoti lill-membri tal-parlamenti nazzjonali u korpi politiċi relevanti tas-sottomissjonijiet tal-parlamenti nazzjonali (opinjonijiet motivati u kontributi), l-introduzzjoni tal-vidjokonferenzi, il-promozzjoni ta' żjarat bilaterali, titjib tekniku fin-netwerk ta' skambju ta’ informazzjoni interparlamentari tal-UE (IPEX), iż-żieda fl-għadd ta' proġetti kollaborattivi mwettqa taħt il-patroċinju taċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni Parlamentari (ECPRD), żjarat minn uffiċjali amministrattivi u l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki; jemmen li dawn l-azzjonijiet jgħinu biex ir-relazzjonijiet interparlamentari jsiru aktar effiċjenti u aktar iffokati, filwaqt li jikkontribwixxu għad-demokratizzazzjoni parlamentari;
17. Jenfasizza li l-laqgħat interparlamentari jeħtieġ li jkunu organizzati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali sabiex tissaħħaħ l-effettività tagħhom u l-kwalità tagħhom; għaldaqstant jirrakkomanda l-inklużjoni tagħhom fl-iktar stadju bikri possibbli fl-abbozzar tal-aġenda tal-laqgħat interparlamentari;
18. Jemmen li l-iżvilupp tal-laqgħat interparlamentari għandu jkun ibbażat fuq arranġamenti prattiċi li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull tip ta' laqgħa;
19. Ifaħħar l-effikaċja tal-laqgħat interparlamentari tal-kumitati u jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ir-rapporteurs fir-rigward ta' kwistjonijiet leġiżlattivi speċifiċi;
20. Jilqa' l-laqgħat effettivi bejn il-gruppi politiċi u l-partiti politiċi Ewropej bħala parti mill-arranġamenti tal-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE; jitlob li jkun hemm aktar approvazzjoni ta' dawn il-laqgħat bħala mezz effettiv għall-iżvilupp ta' kuxjenza politika Ewropea awtentika;
21. Jilqa’ r-rwol tal-IPEX, speċjalment bħala pjattaforma ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ skrutinju parlamentari, minkejja d-diffikultajiet lingwistiċi li jistgħu jinqalgħu; jitlob, bl-għan li d-djalogu bejn il-parlamenti jsir effettiv kemm jista' jkun, li tingħata attenzjoni partikolari mill-parlamenti nazzjonali lill-prinċipju tal-multilingwiżmu;
22. Jenfasizza li l-kooperazzjoni interparlamentari għandha tkun miftuħa u inklużiva, u jesprimi tħassib dwar laqgħat interparlamentari ristretti li jeskludu ċerti parlamenti u li jiġu organizzati mingħajr konsultazzjoni xierqa biex jiġu adottati pożizzjonijiet rigward kwistjonijiet tal-UE li ma jkunux imsejsa fuq kunsens;
23. Jinnota li d-'djalogu politiku' stabbilit fl-ambitu tal-Inizjattiva Barroso fl-2006 u l-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija huma żewġ naħat tal-istess munita; jinnota l-iżvilupp ta’ firxa wiesgħa ta’ relazzjonijiet bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni u l-ħolqien ta’ 'djalogu politiku msaħħaħ' bħala parti mis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi;
III. Żviluppi u proposti
24. Jipproponi l-iżvilupp ta’ ftehim bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, li jista' jkun il-bażi għal kooperazzjoni effiċjenti skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1 tat-Trattat ta’ Lisbona u l-Artikolu 130 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;
25. Jitlob li fil-qafas tal-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE jsiru laqgħat strutturati tematikament u effettivi bejn il-gruppi politiċi u l-partiti politiċi Ewropej;
26. Jenfasizza li l-kooperazzjoni interparlamentari għandha timmira dejjem li tgħaqqad il-persuni tajba fil-mument it-tajjeb biex jindirizzaw il-kwistjonijiet it-tajba b’mod sinifikanti, biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fid-diversi oqsma ta’ responsabilità jibbenefikaw mill-'valur miżjud' ta' djalogu reali u dibattitu xieraq;
27. Jemmen li l-COSAC għandha tibqa' l-forum għal skambji regolari ta' fehmiet, informazzjoni u prattiki tajba dwar aspetti prattiċi tal-iskrutinju parlamentari;
28. Ifakkar li fir-rigward tal-konferenza dwar il-governanza ekonomika, li hija bbażata fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, ftehim milħuq mill-iSpeakers tal-parlamenti tal-UE fil-Konferenza tagħhom f’Nikosija f’April 2013 jipprevedi għadd ta’ arranġamenti għal dik il-konferenza u għal rieżami ta’ dawn l-arranġamenti, li għandhom jitlestew fl-2015 fil-Konferenza tal-iSpeakers tal-parlamenti tal-UE f'Ruma; jemmen għaldaqstant li kwalunkwe proċedura għall-adozzjoni ta’ arranġamenti prattiċi għall-konferenza dwar il-governanza ekonomika qabel dak ir-rieżami tkun prematura u għalhekk għandha tiġi evitata;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.