Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (05602/2014 – C7-0036/2014 – 2011/0183(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (05602/2014),
– wara li kkunsidra t-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta l-Kunsill (C7‑0036/2014),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva(2)
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar Perspettivi Finanzjarji Multiannwali u riżorsi proprji(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020(6),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0271/2014),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill kif emendat;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-abbozz tiegħu b'mod sustanzjali;
4. Jistieden lill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-riżorsi proprji biex sa tmiem l-2014 kif indikat fid-dikjarazzjoni konġunta annessa ma' din ir-riżoluzzjoni(7) iressaq l-ewwel valutazzjoni tiegħu dwar is-sistema tar-riżorsi proprji; jistenna li tali Grupp se jressaq il-proposti biex jiġu megħluba n-nuqqasijiet tas-sistema attwali bil-għan li titwitta t-triq għal riforma, immexxija mill-objettivi ġenerali tas-sempliċità, tat-trasparenza, tal-ekwità u tar-responsabilità demokratika, biex issir operattiva fil-QFP li jmiss;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Abbozz tal-Kunsill
Emenda
Emenda 1 Abbozz ta' deċiżjoni Premessa8a (ġdida)
(8a) Il-Parlament Ewropew talab kontinwament li l-baġit tal-Unjoni jkun iffinanzjat kompletament minn riżorsi proprji, kif previst mit-Trattat, u enfasizza regolarment in-nuqqasijiet u l-limiti tas-sistema attwali tar-riżorsi proprji, li mhijiex trasparenti, hija inġusta, mhijiex suġġetta għall-kontroll parlamentari, hija immensament kumplessa u hija totalment inkomprensibbili għaċ-ċittadini Ewropej li fl-aħħar mill-aħħar iġarrbu l-konsegwenzi. Il-Parlament Ewropew iqis li sistema bħal din tikser, sostanzjalment, l-ittra u l-ispirtu tat-Trattat.
Emenda 2 Abbozz ta' deċiżjoni Premessa 8b (ġdida)
(8b) Il-Parlament Ewropew iqis li s-sistema attwali ta' finanzjament tal-Unjoni, li fiha 74 % tad-dħul ġej mill-kontribuzzjonijiet bbażati fuq l-ING, u 11 % mill-kontribuzzjonijiet statistiċi bbażati fuq il-VAT eżistenti, saħħet biss il-loġika tar-"redditu ġust" li pprevaliet f'kull dibattiment fi ħdan il-Kunsill, kemm mil-lat tad-dħul kif ukoll mil-lat tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni u wasslet għall-introduzzjoni ta' ribassi u ta' mekkaniżmi ta' korrezzjoni oħrajn kumplessi u mċajpra, u tikkontribwixxi għall-problema rikorrenti tan-nuqqas ta' pagamenti fil-proċedura baġitarja annwali. Il-Parlament Ewropew iqis ukoll li s-sistema attwali timpedixxi l-formazzjoni ta' maġġoranza suffiċjenti fil-Kunsill biex tibbaġitja ammont suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġits annwali biex jiġu onorati l-obbligi ġuridiċi u l-impenji politiċi tal-Unjoni Ewropea.
Emenda 3 Abbozz ta' deċiżjoni Premessa 8c (ġdida)
(8c) Il-Parlament Ewropew sostna bil-qawwa riforma radikali tas-sistema tar-riżorsi proprji li għandha terġa' lura għal sistema ta' riżorsi proprji awtentiċi, ċari, sempliċi u ġusti. Il-Parlament Ewropew qies li l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi proprji ta' Ġunju 2011 kienu sejrin fid-direzzjoni t-tajba u, bħala tali, kienu sostnuti minn maġġoranza wiesgħa tal-Parlament Ewropew sa mill-bidu nett. Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li l-Kunsill ma kien kapaċi jagħmel l-ebda progress fir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji abbażi ta' tali proposti leġiżlattivi. Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li l-ftehim politiku definittiv milħuq mill-Kunsill Ewropew fit-8 ta' Frar 2013 introduċa wkoll ribassi u eċċezzjonijiet ġodda.
Emenda 4 Abbozz ta' deċiżjoni Premessa 8d (ġdida)
(8d) Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-riżorsi proprji huwa kkostitwit bi qbil komuni bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif indikat fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Riżorsi Proprji, li jikkostitwixxi parti tal-ftehim politiku dwar il-QFP 2014-2020. Il-Grupp ta' Livell Għoli ser iwettaq rieżami ġenerali tas-sistema tar-riżorsi proprji ggwidat mill-objettivi ġenerali tas-sempliċità, it-trasparenza, l-ekwità u r-responsabilità demokratika. Għandhom ikunu eżaminati l-aspetti kollha tas-sistema tar-riżorsi proprji. L-ewwel valutazzjoni se tkun disponibbli fi tmiem l-2014.
Emenda 5 Abbozz ta' deċiżjoni Premessa 8e (ġdida)
(8e) Ir-riżultati tal-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli se jkunu vvalutati f'konferenza interistituzzjonali matul l-2016, bil-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din il-ħidma, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk humiex adatti inizjattivi ġodda ta' Riżorsi Proprji. Din il-valutazzjoni se ssir parallelament mar-rieżami/reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020 li se j/titnieda mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016. Il-Parlament Ewropew iqis li l-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli għandha twitti t-triq għal riformi eventwali li għandhom ikunu deċiżi u jsiru operattivi għall-perjodu kopert mill-QFP li jmiss.
1. Skont l-Artikolu 311 tat-TFUE l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-objettivi tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha; jipprevedi wkoll li, bla ħsara għal kull dħul ieħor, il-baġit għandu jkun iffinanzjat kollu kemm hu minn riżorsi proprji. L-Artikolu 311(3) jindika li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali, għandu, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni dwar is-sistema ta' riżorsi proprji u li, f'dak il-kuntest, il-Kunsill jista' jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti.
2. Fuq il-bażi ta' dan, f'Ġunju 2011 il-Kummissjoni ppreżentat sett ta' proposti biex tirriforma s-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Fil-laqgħa tiegħu tas-7/8 ta' Frar 2013, il-Kunsill Ewropew qabel li l-arranġamenti tar-riżorsi proprji għandhom jiġu ggwidati mill-objettivi ġenerali tas-sempliċità, it-trasparenza u l-ekwità. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal riżorsa proprja ġdida bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Huwa stieden ukoll lill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) biex jeżaminaw jekk tistax issir il-bażi għal riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-UE.
3. Il-kwistjoni tar-riżorsi proprji teħtieġ aktar xogħol. Għal dan il-għan, ser jitlaqqa' Grupp ta' livell għoli, kompost minn membri maħtura mit-tliet istituzzjonijiet. Dan ser jieħu kont tal-kontribut kollu eżistenti jew li ġej li jista' jiġi pprovdut mit-tliet istituzzjonijiet Ewropej u mill-Parlamenti Nazzjonali. Dan għandu jisfrutta l-esperjenza xierqa, inkluż mill-awtoritajiet baġitarji u fiskali nazzjonali kif ukoll mill-esperti indipendenti.
4. Il-Grupp ser iwettaq rieżami ġenerali tas-sistema tar-riżorsi proprji ggwidat mill-objettivi ġenerali tas-sempliċità, it-trasparenza, l-ekwità u r-responsabilità demokratika. L-ewwel valutazzjoni se tkun disponibbli fi tmiem l-2014. Il-progress tal-ħidma ser jiġi vvalutat fil-livell politiku b'laqgħat regolari, tal-inqas darba kull sitt xhur.
5. Il-Parlamenti Nazzjonali ser jiġu mistiedna għal konferenza interistituzzjonali matul l-2016 biex jivvalutaw l-eżitu ta' dan ix-xogħol.
6. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din il-ħidma, il-Kummissjoni ser tivvaluta jekk humiex adatti inizjattivi ġodda ta' riżorsi proprji. Din il-valutazzjoni ser issir b'mod parallel mar-rieżami msemmi fl-Artikolu 1a tar-Regolament QFP bil-ħsieb ta' riformi possibbli li jiġu kkunsidrati għall-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.