Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2020(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0270/2014

Testi mressqa :

A7-0270/2014

Dibattiti :

PV 16/04/2014 - 11
CRE 16/04/2014 - 11

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2014 - 14.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0434

Testi adottati
PDF 285kWORD 50k
L-Erbgħa, 16 ta' April 2014 - Strasburgu
Sistema tar-riżorsi proprji
P7_TA(2014)0434A7-0270/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 dwar il-miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (2014/2020(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (05600/2014),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill (COM(2011)0740),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0047/2014),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva(2)",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar Perspettivi Finanzjarji Multiannwali u r-riżorsi proprji(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0270/2014),

A.  billi, f'konformità mal-Artikolu 311 tat-TFUE, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skont proċedura leġiżlattiva speċjali, għandu jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni safejn ikun previst fid-deċiżjoni li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni;

B.  billi l-Artikolu 311 tat-TFUE jistabbilixxi wkoll li l-baġit għandu jkun ffinanzjat kompletament minn riżorsi proprji u jippermetti lill-Kunsill jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti, biex b'hekk iforni l-bażi ġuridika għal riforma radikali tas-sistema tar-riżorsi proprji;

C.  billi l-Parlament ma waqafx jitlob li l-finanzjament tal-baġit tal-UE jerġa' lura għal sistema ta' riżorsi proprji awtentiċi, kif stabbilit fit-Trattat; billi enfasizza regolarment in-nuqqasijiet u l-limiti tas-sistema tar-riżorsi proprji attwali, li n-nuqqas ta' trasparenza u l-kumplessità għolja tagħha jagħmluha totalment inkomprensibbli għaċ-ċittadini Ewropej, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li jġarrbu l-konsegwenzi;

D.  billi l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE, ibbażati fuq l-ING, li llum jirrappreżentaw madwar 74 % tad-dħul totali tal-UE, ma jistgħux jitqiesu riżorsi proprji awtentiċi billi huma sempliċement trasferimenti mit-teżor nazzjonali lejn il-baġit tal-UE; billi r-riżorsa bbażata fuq il-VAT, li tirrappreżenta madwar 11 % tad-dħul totali tal-UE, żviluppat b'tali mod li issa titqies ukoll bħala kontribuzzjoni nazzjonali għall-baġit tal-UE; billi din is-sitwazzjoni saħħet, tul għexieren ta' snin, il-loġika tar-"redditu ġust", li pprevaliet b'mod ċar ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-7 u t-8 ta' Frar 2013 dwar il-QFP 2014-2020 u li impediet fil-biċċa l-kbira riforma strutturali tal-baġit tal-UE;

E.  billi, minħabba l-miżuri ta' awsterità, l-Istati Membri jsibuha bi tqila jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-UE, minkejja l-vantaġġi indiskussi li jieħdu mill-programmi ffinanzjati mill-baġit tal-UE, u billi sistema ta' riżorsi proprji diretti għall-UE tirrappreżenta l-unika soluzzjoni fattibbli;

F.  billi l-Parlament sistematikament wera l-appoġġ tiegħu għall-proposti tal-Kummissjoni ppreżentati f'Ġunju 2011, li, permezz tat-tnaqqis tas-sehem tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE għal perċentwal massimu ta' 40 %, tal-abolizzjoni tal-kontribuzzjoni attwali purament statistika bbażata fuq il-VAT u s-sostituzzjoni tagħha b'riżorsa tal-UE awtentika bbażata fuq il-VAT, tal-ħolqien ta' riżorsa proprja awtentika ġdida u tas-sostituzzjoni tar-ribassi u tal-mekkaniżmi ta' korrezzjoni kollha b'sistema ta' somom f'daqqa għall-perjodu 2014-2020, għamlu pass fid-direzzjoni t-tajba billi adattaw il-parti korrispondenti għad-dħul tal-baġit tal-UE għall-ispirtu u għall-ittra tat-Trattat u li, minħabba f'hekk, kisbu sa mill-bidu nett l-appoġġ ta' maġġoranza wiesgħa fi ħdan il-Parlament;

G.  billi, minkejja l-iskuntentizza tiegħu minħabba l-inkapaċità tal-Kunsill li jagħmel progress fir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, eventwalment il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu lir-Regolament QFP 2014-2020 f'Novembru 2013, insegwitu tal-ftehim mal-Kunsill dwar dikjarazzjoni konġunta dwar il-kostituzzjoni tal-Grupp ta' Livell Ġħoli dwar ir-Riżorsi Proprji; billi, f'din l-okkażjoni, il-Presidenza Litwana impenjat ruħha li torganizza l-laqgħa inawgurali ta' dan il-Grupp fit-18 u fid-19 ta' Diċembru 2013; billi, minħabba d-dewmien min-naħa tal-Kunsill fil-ħatra tat-tliet nominati tiegħu f'dan il-Grupp ta' Livell Ġħoli, din il-laqgħa issa se ssir f'April 2014;

H.  billi l-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji biħsiebu jippreżenta l-ewwel valutazzjoni tan-nuqqasijiet tas-sistema attwali sa tmiem l-2014, b'riżultat finali fl-2016 li jiġi sottopost għall-valutazzjoni ta' konferenza interistituzzjonali bil-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali; billi l-Grupp ta' Livell Għoli għandu jeżamina l-aspetti kollha tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji bil-ħsieb li jforni lill-Kummissjoni bil-mezzi neċessarji biex tivvaluta jekk l-inizjattivi l-ġodda tar-riżorsi proprji humiex adegwati parallelament mar-rieżami/reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020 (li se j/titnieda sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016) u tipproponi riforma li tirnexxi għall-perjodu kopert mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2020;

1.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill qabel li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw ir-riżorsi proprji tal-Unjoni konformement ma' kif previst fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa;

2.  Jiddispjaċih, madankollu, bid-deċiżjoni tal-Kunsill li jittrasferixxi d-dispożizzjonijiet relatati mal-kalkolu tar-riżorsi bbażati fuq l-ING lura lejn id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; huwa tal-fehma li din tirrappreżenta opportunità li ntilfet biex jingħaqdu flimkien id-dispożizzjonijiet kollha ta' natura implimentattiva f'test uniku, u li l-Artikolu 311 tat-Trattat ta' Lisbona ma fihx ġustifikazzjoni oġġettiva għal din il-firda;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill ma kien kapaċi jagħmel l-ebda progress fir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji abbażi tal-proposti leġiżlattivi mressqa mill-Kummissjoni;

4.  Jibqa' jappella għal riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea bl-iskop li ssir sempliċi, trasparenti, ġusta, viżibbli u komprensibbli għaċ-ċittadini tal-UE, biex b'hekk tissaħħaħ ir-rabta tagħhom mal-proġett Ewropew filwaqt li fl-istess ħin jonqos il-piż fuq it-teżori nazzjonali tal-Istati Membri;

5.  Jistenna ħafna mill-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, li, fil-fehma tiegħu, joffri opportunità unika biex tiġi żblukkata r-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji; jilqa' l-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Livell Għoli tat-3 ta' April 2014; jistenna li, minkejja d-dewmien fl-organizzazzjoni ta' din il-laqgħa inawgurali, li kien konsiderevoli u ta' min jiddispjaċih minnu, il-Grupp ta' Livell Għoli xorta se jikkonforma mal-objettivi u l-kalendarju stabbiliti fid-dikjarazzjoni konġunta li tistabbilixxi l-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 214.
(2) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 89.
(3) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 42.
(4) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 1.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0078.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0304.

Avviż legali - Politika tal-privatezza