Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (COM(2013)0430 – C7-0177/2013 – 2013/0202(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0430),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 149 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0177/2013),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2013(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Novembru 2013(2),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Frar 2014, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7‑0072/2014),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2014 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru .../2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
DWAR
L-ISTABBILIMENT TA' NETWERK GĦAS-SERVIZZI PUBBLIĊI TAL-IMPJIEGI
Il-Parlament Ewropew:
1. JILQA' l-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES), li qed tifformalizza u ssaħħaħ in-netwerk informali eżistenti ta' kooperazzjoni bejn il-PES;
2. IFAKKAR li l-Artikolu 149 TFUE jistipula li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jadottaw miżuri ta' inċentiv mfassla biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi. Tali atti huma atti leġiżlattivi u jistgħu jipprevedu obbligi legalment vinkolanti, madankollu, mingħajr ma jarmonizzaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri;
3. JIKKUNSIDRA li l-istabbiliment tan-netwerk ta' kooperazzjoni bejn il-PES huwa miżura ta' inċentiv li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 149 TFUE. Għalhekk, ladarba d-Deċiżjoni tiġi adottata, l-Istati Membri kollha għandhom jipparteċipaw f'dan in-netwerk, billi n-nonparteċipazzjoni ta' Stat Membru f'politika tal-Unjoni ma tistax tiġi ġustifikata sempliċement mix-xewqa tal-Istati Membri;
4. JISSOTTOLINJA li, skont il-premessi u l-artikoli ta' promulgazzjoni, l-objettiv ewlieni ta' din id-Deċiżjoni huwa li ssaħħaħ u ttejjeb l-effikaċja tan-netwerk informali tal-PES li kien jeżisti preċedentement, billi tifformalizzah permezz ta' att leġiżlattiv. Tali objettiv jista' jintlaħaq biss jekk l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fin-netwerk u jimpenjaw ruħhom fl-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni.