Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2021(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0244/2014

Testi mressqa :

A7-0244/2014

Dibattiti :

PV 17/04/2014 - 8
CRE 17/04/2014 - 8

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2014 - 9.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0455

Testi adottati
PDF 313kWORD 66k
Il-Ħamis, 17 ta' April 2014 - Strasburgu
Negozjati tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika UE-Ġappun
P7_TA(2014)0455A7-0244/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2014 li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati dwar ftehim ta' sħubija strateġika UE-Ġappun (2014/2021(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ewwel samit bilaterali li sar fl-Aja fl-1991 u l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta dwar ir-relazzjonijiet bejn il-KE u l-Ġappun,

–  wara li kkunsidra l-għaxar samit bilaterali li sar fi Brussell fl-2001 u l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni bejn l-UE u l-Ġappun bit-titolu "Infasslu l-futur komuni tagħna" li jinkludi l-objettivi li jippromwovu l-paċi u s-sigurtà, li jsaħħu s-sħubija ekonomika u kummerċjali, li jaffaċċjaw l-isfidi globali u soċjetali u li jlaqqgħu flimkien in-nies u l-kulturi,

–  wara li kkunsidra n-negozjati awtorizzati mill-Kunsill fid-29 ta' Novembru 2012 u li nfetħu fi Brussell fil-25 ta' Marzu 2013 dwar ftehim ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Ġappun,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li tnedew fil-25 ta' Marzu 2013 dwar ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun,

–  wara li kkunsidra l-21 samit bejn l-UE u l-Ġappun li sar f'Tokjo fid-19 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida dwar il-Politika Barranija u tas-Sigurtà tal-UE fl-Asja tal-Lvant, li kienu approvati mill-Kunsill fil-15 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar "It-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija"(1), u tal-24 ta' Marzu 2011 dwar "is-sitwazzjoni fil-Ġappun, b'mod partikolari l-istat ta' allarm fl-impjanti tal-enerġija nukleari"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-għaxar Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li se ssir f'Nagoya (il-Ġappun) mit-18 sad-29 ta' Ottubru 2010(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar "il-piena kapitali fil-Ġappun"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar "ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun"(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada(6),

–  wara li kkunsidra t-terremot katastrofiku u z-tsunami sussegwenti li qerdu partijiet sinifikanti mill-kosta tal-Ġappun fil-11 ta' Marzu 2011 u wasslu għall-qerda tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Fukushima,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7‑0244/2014),

A.  billi l-Ġappun ilu sieħeb strateġiku tal-UE mill-2003;

B.  billi l-UE u l-Ġappun jikkondividu r-responsabilità speċjali għat-trawwim tal-paċi, tal-istabilità u tal-prosperità f'dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla;

C.  billi l-UE u l-Ġappun diġà jikkooperaw f'numru ta' oqsma bħalma huma l-kooperazzjoni doganali u l-assistenza legali f'materji kriminali, ix-xjenza u t-teknoloġija, is-sigurtà tal-internet, il-kooperazzjoni akkademika u għar-riċerka, l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, il-kuntatti tal-komunità tan-negozju u l-promozzjoni ta' rabtiet interpersonali;

D.  billi l-UE u l-Ġappun jikkondividu l-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li lkoll għandhom jifformaw il-parti ewlenija ta' kwalunkwe ftehim bejn iż-żewġ partijiet bl-għan li jingħata qafas solidu għal dik ir-relazzjoni;

E.  billi l-kontribut tal-Ġappun għas-sigurtà u l-istabilità internazzjonali żdiedet, inkwantu l-pajjiż huwa Kontributur Proattiv għall-Paċi, abbażi tal-prinċipju ta' kooperazzjoni internazzjonali;

F.  billi l-Ġappun u l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) iffirmaw l-ewwel dikjarazzjoni politika konġunta f'April 2013, u rriferew għall-ġestjoni tal-kriżijiet, l-isforzi ta' sokkors f'każ ta' diżastri, l-operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi, iċ-ċiberdifiża u s-sigurtà marittima bħala oqsma possibbli ta' kooperazzjoni;

G.  billi l-Ġappun huwa wkoll membru attiv tal-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), tal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AFDB), tal-Bank Inter‑Amerikan tal-Iżvilupp (IADB), tal-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Asja u l-Paċifiku (UNESCAP), u ta' ħafna aġenziji speċjalizzati oħra tan-NU, kif ukoll tal-Laqgħa Asja‑Ewropa (ASEM) u tad-Djalogu għall-Kooperazzjoni Asjatika (ACD); billi l-Ġappun huwa wkoll membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) mill-1995, is-sena li fiha ġiet stabbilita, u huwa membru tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), tal-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (IBRD), il-Grupp ta' Tmienja (G8) u l-Grupp ta' Għoxrin (G20);

H.  billi jeżistu tensjonijiet bejn il-Ġappun u l-ġirien tiegħu, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Korea t'Isfel dwar gżejjer fiż-żoni marittimi tal-Lvant tal-Asja;

1.  Jindirizza lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

  

Dwar in-negozjati għall-ftehim ta' sħubija strateġika

   (a) jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġappun, permezz tal-konklużjoni f'waqtha tan-negozjati dwar ftehim ta' sħubija strateġika komprensiv; tiġi definita dimensjoni strateġika awtentika tal-ftehim li tenfasizza l-aspetti uniċi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġappun;
   (b) jimmiraw li jipprovdu qafas fit-tul għal relazzjoni aktar mill-qrib li tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għall-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali b'riżultati konkreti għaċ-ċittadini taż-żewġ reġjuni u tingħata attenzjoni speċjali għall-koordinament tal-politika ekonomika;
   (c) jiżdied b'mod sinifikanti l-għadd u l-firxa ta' kooperazzjoni bilaterali u ta' djalogi settorjali;
  

Djalogu politiku

   (d) jerġgħu jiġu affermati l-valuri kondiviżi, l-għanijiet u r-responsabilitajiet komuni għall-promozzjoni tal-paċi globali, l-istabilità, id-demokrazija parlamentari, l-iżvilupp sostenibbli u sistema multilaterali b'saħħitha; titkompla l-kollaborazzjoni favur it-tisħiħ u r-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà; jiġi rikonoxxut li d-dinja dejjem iktar multipolari hija kkaratterizzata mill-importanza politika dejjem ikbar ta' għadd kbir ta' atturi reġjonali u nazzjonali, inklużi l-UE u l-Ġappun, u jsir appell għal kooperazzjoni u koordinament imtejba fl-arena internazzjonali;
   (e) tiġi approfondita u msaħħa l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet politiċi, ta' sigurtà, ta' paċi, inkluż il-kondiviżjoni ta' informazzjoni, in-nonproliferazzjoni, id-diżarm, l-eliminazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, iċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali, bħat-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi, il-piraterija u t-terroriżmu;
   (f) jimpenjaw ruħhom, bħala d-donaturi l-aktar importanti ta' għajnuna dinjija għall-iżvilupp, għal kooperazzjoni u koordinament aktar mill-qrib ta' politiki u ta' interventi biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, fejn l-aspett tas-sigurtà tal-bniedem huwa essenzjali;
   (g) jiġi analizzat l-għan tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà globali, inkluż dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-isforzi għaż-żamma tal-paċi;
   (h) issir kooperazzjoni fil-ġestjoni ċivili tal-kriżijiet, fil-protezzjoni ċivili, fir-reazzjoni għad-diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem, fl-assistenza umanitarja u f'inizjattivi ta' rikostruzzjoni ta' wara l-kriżi; tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali u internazzjonali fit-tnaqqis tar-riskji ta' diżastri;
   (i) jiġi espress it-tħassib kbir tal-Istati Membri dwar il-konsegwenzi devastanti tal-katastrofi nukleari ta' Fukushima; jitħeġġeġ il-Gvern Ġappuniż ħalli jinforma lill-komunità internazzjonali b'mod kemm jista' jkun preċiż u komprensiv b'data disponibbli dwar is-sitwazzjoni fis-sit tar-reattur u dwar il-livelli ta' tniġġis;
   (j) tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni konġunta f'areni multilaterali oħrajn, bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-G8, il-G20, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI); isiru sforzi konġunti intiżi li jippromwovu l-irkupru ekonomiku globali, il-ħolqien tal-impjiegi u r-regoli kummerċjali multilaterali;
   (k) tiżdied il-kooperazzjoni konkreta fuq proġetti relatati mas-sigurtà f'reġjuni strateġiċi, bħal-Lvant Nofsani, l-Afrika u l-Asja Ċentrali, billi jinbena fuq is-suċċess tal-kooperazzjoni sal-lum;
   (l) issir kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-konferenza tan-NU, Rio + 20, biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli;
  

Djalogi reġjonali

   (m) jingħata appoġġ lill-integrazzjoni tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u jiġi enfasizzat ir-rwol tal-Forum Reġjonali ASEAN u tas-Samit tal-Asja tal-Lvant ħalli jiġi promoss fehim reċiproku fl-Asja u jinġiebu sħab fid-djalogu minn barra r-reġjun, inkluża l-UE;
   (n) biex jiġi enfasizzat l-fatt li r-relazzjoni tal-Ġappun mal-ġirien tiegħu hija fundamentali għall-istabilità u s-sigurtà fl-Asja tal-Lvant u għas-sigurtà globali b'mod ġenerali;
   (o) jitfakkar li l-istabilità u d-distensjoni (détente) fl-Asja tal-Lvant huma wkoll fl-aħjar interess tal-Ewropa; jiġu inkoraġġiti l-partijiet ikkonċernati kollha jsibu soluzzjoni għat-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant bis-saħħa ta' djalogu paċifiku abbażi tad-dritt u tal-konvenzjonijiet internazzjonali; ikun hemm astensjoni minn kull użu, jew theddid ta' użu, tal-forza u qbil fuq miżuri ta' involviment ta' taffija fil-każ ta' inċidenti mhux previsti; tiġi enfasizzata l-importanza tal-bini ta' fiduċja u diplomazija preventiva; jiġi enfasizzat il-fatt li l-libertà tan-navigazzjoni internazzjonali hija kritika għall-kummerċ internazzjonali u trid tiġi rispettata;
   (p) titkompla l-ħidma lejn il-paċi u s-sigurtà dejjiema f'peniżola Koreana ħielsa mill-armi nukleari, u biex ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) tiġi mħeġġa tabbanduna l-programmi nukleari eżistenti kollha;
  

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

   (q) jerġgħu jiġu affermati l-valuri kondiviżi tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt u jkun hemm kollaborazzjoni fil-promozzjoni u l-protezzjoni ta' dawn il-valuri;
   (r) ikun hemm djalogu mal-Gvern Ġappuniż dwar moratorju fuq il-piena kapitali bil-ħsieb li eventwalment din tiġi abolita;
   (s) tiġi promossa l-ugwaljanza tel-ġeneru bħala element kruċjali tad-demokrazija;
   (t) tiġi nnegozjata dispożizzjoni fil-ftehim li tinkludi l-kundizzjonalità reċiproka u klawsoli politiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li jerġgħu jikkonfermaw l-impenn reċiproku lejn dawn il-valuri; jiġu adottati salvagwardji xierqa biex jiżguraw l-istabilità tal-ftehim u li l-ebda naħa ma tkun tista' tabbuża minn tali dispożizzjoni; issir insistenza li tali kundizzjonalità għandha tifforma parti mill-Ftehim ta' Sħubija Strateġika mal-Ġappun, fl-ispirtu tal-approċċ komuni tal-UE dwar il-kwistjoni;
  

Kooperazzjoni ekonomika, ambjentali, xjentifika u kulturali

   (u) jiġi inkorporat qafas estensiv dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza, fit-teknoloġija, fin-negozju u fir-riċerka biex jitjieb il-potenzjal għall-innovazzjoni; ikun hemm kooperazzjoni bil-għan li jinstabu soluzzjoni innovattivi għall-kwistjonijiet tat-trasport;
   (v) jiġu eżaminati l-possibilitajiet ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib fir-rigward tas-sistemi ta' navigazzjoni satellitari;
   (w) jiġu intensifikati l-kummerċ u l-kooperazzjoni bilaterali dwar il-politiki li jippromwovu l-enerġija sikura u sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika, l-enerġiji rinnovabbli, l-oqfsa regolatorji ta' sikurezza nukleari u simulazzjonijiet ta' kriżi f'impjant tal-enerġija nukleari, ir-riċerka fl-enerġija li tinkludi l-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER) u l-qbid tal-karbonju;
   (x) ikun hemm iżjed kooperazzjoni ħalli tinstab risposta globali urġenti, komprensiva u sostenibbli għat-tibdil fil-klima, inkluż permezz ta' tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-partijiet kollha;
   (y) ikun hemm kooperazzjoni fil-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut;
   (z) tiġi promossa l-kooperazzjoni fil-qasam tal-governanza globali u tar-riċerka fl-elementi tal-art rari u materja prima kritika oħra;
   (aa) issir enfasi fuq il-fatt li ċ-ċiberspazju huwa importanti fil-promozzjoni tal-libertà ta' espressjoni u tal-iżvilupp soċjali ekwu;
   (ab) jiġu promossi l-għarfien pubbliku u l-viżibilità fir-reġjun tas-sieħeb l-ieħor; jiġu intensifikati l-iskambji bilaterali kulturali, akkademiċi, taż-żgħażagħ, interpersonali u sportivi;
   (ac) isir skambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki dwar kif tingħata risposta lill-esiġenzi ta' soċjetà li qed tixjieħ u li hija attiva;
   (ad) is-saħħa tiġi ttrattata bħala qasam partikolari ta' kooperazzjoni u sforz konġunt billi jkunu stabbiliti mezzi li jikkombinaw u jiskambjaw l-aħjar għarfien mediku disponibbli, inkluż il-bijoteknoloġiji, sabiex jirrispondu għall-isfidi tas-saħħa ta' soċjetajiet li qed jixjieħu;
  

Dispożizzjonijiet oħra

   (ae) il-Parlament jiġi kkonsultat dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni parlamentari;
   (af) jiġu inklużi parametri ta' riferiment ċari u skadenzi vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' sħubija strateġika u jiġu offruti mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inklużi rapporti regolari lill-Parlament;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Gvern u lid-Dieta Nazzjonali tal-Ġappun.

(1) ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 16.
(2) ĠU C 247E, 17.8.2012, p. 20.
(3) ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 14.
(4) ĠU C 249E, 30.8.2013, p. 63.
(5) ĠU C 377E, 7.12.2012, p. 19.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0532.

Avviż legali - Politika tal-privatezza