Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2014 dwar il-Pakistan: il-każi reċenti ta' persekuzzjoni (2014/2694(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali tal-Pakistan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE(1), tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Peshawar(2), tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari dwar il-qtil ta’ Shahbaz Bhatti(3), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża(4) u tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton rigward l-attakk fuq il-komunità Nisranija f'Peshawar tat-23 ta' Settembru 2013 u rigward il-qtil ta' Shahbaz Bhatti tat-2 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi ta' Reliġjon jew Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati (Addendum: Missjoni fil-Pakistan), tal-4 ta' April 2013;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2012 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6), li jikkundanna l-persekuzzjoni tal-Insara u minoranzi reliġjużi oħra,
– wara li kkunsidra il-pjan ta' impenn fuq ħames snin ta' Marzu 2012 bejn l-UE u l-Pakistan, li jinkludi prijoritajiet bħal governanza tajba u djalogu rigward id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-Tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan tal-25 ta' Marzu 2014 li hu relatat mill-qrib,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pakistan tal-11 ta' Marzu 2013 li jtennu l-aspettattivi tal-UE rigward il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għalihom u jikkundannaw kull att ta' vjolenza, inklużi dawk kontra minoranzi reliġjużi(7),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura,
A. billi Shafqat Emmanuel u Shagufta Kausar, koppja Nisranija, ġew ikkundannati għall-mewt nhar l-4 ta' April 2014 talli allegatament bagħtu messaġġ SMS li jinsulta lill-Profeta Muħammed; billi l-koppja ċaħdet ir-responsabilità u ddikjarat li l-mobile li minnnu ntbagħtet l-SMS intilef qabel intbagħat il-messaġġ;
B. billi Sawan Masih, Nisrani Pakistanti minn Lahore, ġie kkundannat għall-mewt nhar is-27 ta' Marzu 2014 talli dagħa kontra l-Profeta Muħammed; billi, meta tħabbru l-allegazzjonijiet kontra Masih, faqqgħu rvelli ħorox f'Joseph Colony, żona Nisranija fil-belt ta' Lahore, li fihom inħarqu ħafna bini, inklużi żewġt iknejjes;
C. billi Asia Bibi, mara Nisranija mill-Punjab, ġiet arrestata f'Ġunju 20009 u qalgħet sentenza tal-mewt f'Novembru 2010 għal akkużi ta' dagħa; billi l-appell tagħha fl-aħħar wasal għand il-qorti superjuri ta' Lahore wara diversi snin; billi, għall-ewwel żewġ seduti ta' smigħ f'Jannar u Marzu 2014, deher li l-imħallfin li kienu qed jippresiedu kienu bil-liv;
D. billi, fl-2012, it-tifla Nisranija ta' 14-il sena, Rimsha Masih, li ġiet akkużata inġustament talli pprofanat il-Koran, ġiet assolta wara li nstab xi ħadd ieħor kien qegħdilha nassa biex jinkriminaha u l-persuna responsabbli ġiet arrestata; billi, madankollu, hi u l-familja tagħha kellhom jitilqu mill-pajjiż;
E. billi l-Insara, li jirrappreżentaw madwar 1,6 % tal-popolazzjoni fir-Repubblika Islamika tal-Pakistan, ibatu minn preġudizzju u każijiet sporadiċi ta' vjolenza tal-massa; billi l-maġġoranza tal-Insara Pakistanti għandhom eżistenza prekarja u ta' spiss ikunu imbeżżgħin minħabba allegazzjonijiet ta' dagħa, suġġett li jista' jqanqal it-tfaqqigħ ta' vjolenza pubblika; billi diversi Nsara oħra attwalment qegħdin il-ħabs fuq akkużi ta' dagħa;
F. billi Mohammad Asghar, ċittadini Brittanniku b'marda mentali li jgħix il-Pakistan, ġie arrestat wara li allegatament bagħat ittri lil diversi uffiċjali fejn iddikjara li kien profeta u ġie kkundannat għall-mewt f'Jannar 2014;
G. billi kien biss dal-aħħar li ċittadin ieħor tar-Renju Unit, Masood Ahmad ta' 72 sena, membru tal-komunità reliġjuża Ahmaddiya, ġie meħlus bi pleġġ wara li kien ġie arrestat fl-2012 fuq akkużi li kkwota mill-Koran, att li hu meqjus bħala dagħa fil-każ tal-Ahmaddis li mhumiex rikonoxxuti bħala Musulmani u huma pprojbiti milli "jġibu ruħhom ta' Musulmani" skont it-Taqsima 298-C tal-kodiċi kriminali;
H. billi ħames tempji Ħindu ġew attakkati f'partijiet differenti ta' Sindh (f'Tharparkar, Hyderabad u Larkana) f'dawn l-aħħar xhur u tliet subien Ħindu ġew akkużati b'dagħa u attwalment qegħdin taħt arrest f'Badin (Sindh) peress li kienu sprejjaw biż-żebgħa xi sinjali fl-okkażjoni ta' Holi (il-festival Ħindu tal-ilwien);
I. billi membri tal-komunità Shia Hazara b'mod partikolari issa ta' kuljum qed jisfaw vittmi ta' qtil u migrazzjoni forzata minħabba ż-żieda qawwija fi vjolenza settarjana fil-Pakistan; billi qed jiġi rrapportat li aktar minn 10 000 Ħindu ħarbu mill-provinċja hekk kif l-episodji ta' ħtif għal riskatt saru rutina f'dawn l-aħħar tliet snin;
J. billi l-liġijiet tal-Pakistan dwar id-dagħa jagħmluha perikoluża għall-minoranzi reliġjużi li jesprimu lilhom infushom liberament jew jinvolvu ruħhom b'mod miftuħ f'attivitajiet relġijużi; billi għal diversi snin kien hemm tħassib globali dwar l-applikazzjoni ta' dawn il-liġijiet peress li l-akkużi ta' spiss ikunu mmotivati minn vendikazzjonijiet, qligħ ekonomiku jew intolleranza reliġjuża, u jrawmu kultura ta' viġilantiżmu, peress li jagħtu pjattaforma lill-marmalja għal molestji u attakki; billi l-Pakistan intalab mill-mekkaniżmi tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem jirrevoka l-liġijiet dwar id-dagħa, jew tal-anqas, jimplimenta minnufih salvagwardji għall-prevenzjoni ta' abbużi tal-liġi biex jiġu vittimizzati ċ-ċittadini li spiss jiġu minn komunitajiet minoritarji;
K. billi, fl-2013 biss, ġew irrapportati mijiet ta' qtil minħabba unur; billi dawn jirrappreżentaw biss l-aktar forma viżibbli ta' aggressjoni kontra n-nisa, meta wieħed iqis ir-rata konsistentement għolja ta' vjolenza domestika u żwiġijiet furzati
L. billi l-Pakistan jiżvolġi rwol importanti fit-trawwim tal-istabilità fin-Nofsinhar tal-Asja u għandu għaldaqstant imexxi bl-eżempju fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;
M. billi l-Unjoni Ewropea dan l-aħħar tat l-istatus ta' GSP+ lill-Pakistan, b'mod soġġett għall-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda qawwija fil-vjolenza settarjana u l-intolleranza reliġjuża fil-konfront ta’ minoritajiet u attakki fuq postijiet ta’ qima, inklużi knejjes Insara, u r-repressjoni kontinwa tan-nisa fil-Pakistan;
2. Jinsab imħasseb dwar l-effetti li din il-vjolenza għandha fuq l-iżvilupp futur tas-soċjetà Pakistana bħala tali, fid-dawl tal-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċja l-pajjiż; jenfasizza li huwa fl-interess fit-tul tal-Pakistan li ċ-ċittadini kollha tagħha jesperjenzaw sigurtà akbar;
3. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li l-liġijiet kontroversjali dwar id-dagħa jagħtu lok għal użu ħażin u li jista' jaffettwa nies ta' kull twemmin fil-Pakistan; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu li l-użu tal-liġijiet dwar id-dagħa, li kienu opposti pubblikament mill-Ministru Shahbaz Bhatti u mill-ex Gvernatur Salman Taseer, bħalissa qed jiżdied u jqiegħed fil-mira Insara u minoritajiet reliġjużi oħra fil-Pakistan;
4. Ifakkar lill-awtoritajiet Pakistani fl-obbligu tagħhom skont id-dritt internazzjonali biex jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-ħsieb, kuxjenza, reliġjon u twemmin; jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jeħilsu l-priġunieri li huma kkundannati għal raġunijiet ta' dagħa, u li jannullaw is-sentenzi tal-mewt fl-appell; jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jiggarantixxu l-indipendenza tal-qrati, l-istat tad-dritt u proċess ġust f'konformità ma' standards internazzjonali dwar il-proċedimenti ġudizzjarji; jitlob, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Pakistani jipprovdi protezzjoni biżżejjed għal dawk kollha involuti fil-każijiet dwar id-dagħa, inkluż billi l-imħallfin jiġu mħarsa minn pressjoni esterna, bil-protezzjoni tal-akkużat u tal-familji u l-komunitajiet tagħhom mill-vjolenza tal-folla, u billi jipprovdu soluzzjonijiet għal dawk li jiġu lliberati iżda ma jistgħux jirritornaw lura għall-postijiet ta' oriġini tagħhom;
5. Jikkundanna bis-saħħa l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanza; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan bħala kwistjoni ta' urġenza biex de facto jbiddel il-moratorju fuq il-piena tal-mewt f’abolizzjoni effettiva tal-piena tal-mewt;
6. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan iwettaq rieżami bir-reqqa tal-liġijiet dwar id-dagħa u l-applikazzjoni attwali tagħhom – kif stabbiliti fit-Taqsimiet 295 u 298 tal-Kodiċi Penali – għal allegati atti ta' dagħa, speċjalment fid-dawl tas-sentenzi tal-mewt reċenti; iħeġġeġ lill-Gvern jirreżisti għall-pressjoni li qed issirlu minn gruppi reliġjużi u xi forzi politiċi tal-oppożizzjoni biex iżomm dawn il-liġijiet;
7. Jappella lill-Gvern iħaffef ir-riformi dwar il-madrassi billi jistabbilixxi kurrikulu bażiku li jissodisfa l-istandards internazzjonali, b'enfasi speċjali fuq it-tneħħija ta' kontenut ta' mibegħda mill-kurrikuli u fuq l-introduzzjoni tat-tagħlim tat-tolleranza komunitarja u reliġjuża fis-sillabu bażiku; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu lil talbiet preċedenti għar-reviżjoni tal-kotba tal-iskola ffinanzjati mill-UE li fihom diskors ta' mibegħda;
8. Jappella b'urġenza lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan biex idaħħlu riformi għas-sistemi tal-ġustizzja formali sabiex jiskoraġġixxu r-rikors għal strutturi informali bħall-jirgas u l-panchayats, u biex iżidu b'mod sostanzjali r-riżorsi finanzjarji u umani tal-ġudikatura, b'mod partikolari fil-livell tal-qrati tal-prim'istanza;
9. Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi kif ukoll it-tipi kollha ta' diskriminazzjoni u intolleranza għal raġunijiet ta' reliġjon u twemmin; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jintervjeni sabiex jipproteġi l-vittmi ta' vjolenza tal-massa għal raġunijiet reliġjużi, u partikolarment biex jipprojbixxi d-diskors ta' mibegħda pubbliku, u biex iħeġġeġ lill-Pakistani kollha jaħdmu flimkien biex jippromwovu u jiżguraw it-tolleranza u l-fehim reċiproku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pakistani biex iħarrku lil dawk responsabbli għal tixwix u akkużi foloz ta' dagħa;
10. Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u d-drittijiet tal-minoranzi huma garantiti mill-kostituzzjoni tal-Pakistan; jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-Gvern tal-Pakistan minn Novembru tal-2008, bħall-istabbiliment ta' kwota ta' ħamsa fil-mija għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-festi pubbliċi li mhumiex Musulmani u d-dikjarazzjoni ta' Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;
11. Iħeġġeġ lill-Gvern Pakistani, madankollu, biex iżid l-isforzi mmirati għal fehim interreliġjuż aħjar, biex jindirizza attivament l-ostilitajiet reliġjużi minn atturi soċjetali, biex jiġġieled l-intolleranza reliġjuża, l-atti ta' vjolenza u l-intimidazzjoni, u biex jaġixxi kontra l-perċezzjoni tal-impunità;
12. Jinsab imħasseb ferm dwar il-kundizzjonijiet tan-nisa u l-bniet ta' minoranzi li ta' spiss isofru d-doppju, b'mod partikolari permezz tal-prattika tal-konverżjoni sfurzata u l-vjolenza sesswali mmirata; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pakistani biex itejbu l-protezzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kumpens;
13. Jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jesprimi t-tħassib tiegħu għat-tendenza reċenti fil-Pakistan li tixxekkel il-libertà tal-ħsieb, tal-espressjoni u tal-informazzjoni billi jiġu bblukkati u kkontrollati s-servizzi tal-internet l-aktar frekwentati; jistieden lill-Gvern biex iwaqqaf iċ-ċensura tal-internet u jirrevedi kemm l-abbozz tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu kif ukoll dak dwar l-NGOs, li jnaqqsu bil-kbir l-indipendenza u l-libertà tal-operazzjonijiet tal-NGOs u jafu jwasslu għall-falliment tal-ħidma ta' NGOs internazzjonalment konnessi fil-Pakistan;
14. Jisħaq fuq ir-rwol importanti li għandu l-Pakistan fit-trawwim tal-istabilità fir-reġjun sħiħ; iħeġġeġ lill-Pakistan biex ikollu rwol kostruttiv fil-promozzjoni ta' Afghanistan sigur u għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern Pakistani biex isaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-pajjiż tiegħu stess kif ukoll fir-reġjun sħiħ;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.