Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2695(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0387/2014

Dibattiti :

PV 17/04/2014 - 13.2
CRE 17/04/2014 - 13.2

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2014 - 14.2

Testi adottati :

P7_TA(2014)0461

Testi adottati
PDF 231kWORD 67k
Il-Ħamis, 17 ta' April 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-Sirja: is-sitwazzjoni f’ċerti komunitajiet vulnerabbli
P7_TA(2014)0461RC-B7-0387/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2014 dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f’ċerti komunitajiet vulnerabbli (2014/2695(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b’mod partikolari dik tas-6 ta’ Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tal-14 ta' April 2014 u tal-20 ta’ Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tal-15 ta’ Marzu 2014 dwar it-tielet anniversarju tar-rewwixta Sirjana, u tat-8 ta’ April 2014 b’referenza għall-qtil tar-Reverendu Van der Lugt, SJ, f'Homs, is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija tal-Forom Kollha ta’ Intolleranza u ta’ Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2139 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-22 ta’ Frar 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tat-12 ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem għas-Segretarju Ġeneral tan-NU Ban Ki-moon dwar is-Sirja tas-7 ta’ April 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Koordinatriċi tal-Għajnuna ta’ Emerġenzi u Sotto-Segretarja Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tan-NU Valerie Amos dwar is-Sirja tat-28 ta’ Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-2000,

–  wara li kkunsidra l-Istatut taʼ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi vjolenta li għadha għaddejja fis-Sirja rriżultat f’katastrofi umanitarja ta’ skala li ma kienx hawn bħalha qabel fl-istorja riċenti, fejn inqatlu aktar minn 150 000 ruħ, il-biċċa l-kbira minnhom nies ċivili, hemm aktar minn 6,5 milun ruħ spustata internament, u aktar minn 2,6 miljun rifuġjat Sirjan, prinċipalment fil-Libanu, it-Turkija, il-Ġordan, l-Iraq u l-Eġittu; billi l-minoranzi etniċi u reliġjużi qed isibu ruħhom f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli f’din il-kriżi;

B.  billi l-popolazzjoni Sirjana tradizzjonalment kienet komposta minn diversità għanja ta’ komunitajiet etniċi u reliġjużi, li rispettivament jinkludu Għarab, Aramin, Armeni, Assirjani, Ċirkassjani, Kurdi u Turkmeni, u Musulmani, Insara u Drużi, kif ukoll gruppi oħra; billi l-ebda waħda mill-komunitajiet reliġjużi jew etniċi fis-Sirja ma ħelsitha mill-kunflitt li ilu għaddej tliet snin, li kulma jmur qed jieħu dimensjoni settarja;

C.  billi dawn il-komunitajiet dejjem kienu parti mis-soċjetà Sirjana, fejn ikkontribwixxew għall-iżvilupp u l-avvanz tagħha inter alia permezz tal-impenn tagħhom fl-edukazzjoni, is-saħħa, u s-setturi kulturali; billi huma għalhekk għandhom rwol importanti x’jaqdu fid-demokratizzazzjoni tas-Sirja u hemm bżonn li jiġu rappreżentati fi kwalunkwe konsultazzjoni dwar il-ġejjieni tal-pajjiż u fi kwalunkwe proċess ta’ rikonċiljazzjoni;

D.  billi sa ftit taż-żmien ilu l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-komunitajiet kienu ppruvaw jevitaw li jżommu ma xi naħa fil-kunflitt, peress li ħafna jistgħu jirrikonoxxu l-ħtieġa li ssir bidla tar-reġim fis-Sirja iżda jibżgħu wkoll li, jekk il-gvern jitneħħa, huma jiġu fil-mira tar-ribelli ġiħadisti Sunniti, li qed jitolbu li jiġi stabbilit stat Islamiku, jew oħrajn;

E.  billi r-reġim ta’ Assad b’mod deliberat ta l-bidu għal dinamika ta' polarizzazzjoni settarja bħala l-istrateġija ta’ sopravivenza tiegħu, li tat in-nar lit-tensjonijiet komunali li kienu moħbija u li sa dak iż-żmien kienu fil-biċċa l-kbira mrażżna; billi l-preżenza u l-infiltrazzjoni dejjem akbar ta' estremisti u ġiħadisti Islamiċi fuq in-naħat kollha fil-kunflitt ħolqu tħassib leġittimu fost il-komunitajiet ta' minoranza fil-pajjiż; billi l-approfondiment tal-firda bejn is-Sunniti u x-Xiti fis-Sirja qed jaffettwa wkoll ir-relazzjonijiet interkomunali fil-pajjiżi ġirien;

F.  billi l-Ġiżwita Nederlandiż ir-Reverendu Frans van der Lugt, li kien ilu jgħix is-Sirja għal ħafna deċennji u kien magħruf sew li rrifjuta li jitlaq mill-belt assedjata ta’ Homs, ġie msawwat u nqatel b’tiri tan-nar minn irġiel armati fis-7 ta’ April 2014; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU kkundanna dan l-att bla ħniena ta’ vjolenza kontra raġel li baqa’ leali għall-poplu tas-Sirja qalb l-assedji u d-diffikultajiet li kienu qed jikbru; billi hemm Insara oħra li għadhom fil-monasteru fejn inqatel ir-Reverendu van der Lugt u l-komunità internazzjonali hija inkwetata dwar is-sikurezza tagħhom, kif inhi inkwetata dwar is-sikurezza tal-ħafna nies ċivili li għadhom maqbuda fil-belt ta' Homs, li għadha taħt assedju;

G.  billi r-Reverendu Paolo Dall’Oglio ilu nieqes minn Lulju 2013, u l-Isqof Boulos Yazigi tal-Knisja Ortodossa Griega u l-Isqof John Ibrahim tal-Knisja Ortodossa Assirjana f' April 2013 inħatfu mill-karozza tagħhom minn irġiel armati barra l-belt tat-Tramuntana ta' Aleppo; billi għadu ħadd ma jaf x'sar minnhom;

H.  billi l-ġlied bejn il-forzi tar-reġim u l-ġellieda ribelli, inklużi elementi marbuta ma' Al-Qaeda, fi tmiem Marzu 2014 wassal għall-evakwazzjoni tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni ta' Kassab, belt Armena fil-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija; billi hemm rapporti kontradittorji dwar l-għadd ta' vittmi f’dawn il-ġrajjiet;

I.  billi l-aħħar rapporti mis-Sirja juru li ribelli mill-Front al-Nursa marbut ma' Al-Qaeda qabdu għadd ta' rħula Nsara u Kurdi fil-fruntiera Torka, bħall-belt Kurda ta' Ayn-Al-Arab/Kobane;

J.  billi r-rifuġjati Palestinjani jibqgħu grupp partikolarment vulnerabbli fil-kriżi fis-Sirja; billi ħafna minnhom jgħixu f'żoni assedjati, b'mob partikolari fil-Kamp Yarmouk, li għadu jinsab taħt attakk qawwi mill-forzi tar-reġim u minn diversi gruppi armati, li qed iwassal għal tbatija inumana għat-18 000 Palestinjan li jgħixu f'din iż-żona; billi kważi kull wieħed mill-540 000 rifuġjat Palestinjan fis-Sirja għandhom bżonn l-għajnuna llum, u 'l fuq minn nofshom huma spustati internament fi ħdan il-pajjiż, u qed jiffaċċjaw ostakli mill-akbar jew restrizzjonijiet dejjem ikbar meta jipprovaw jaħarbu lejn l-Eġittu, il-Ġordan jew il-Libanu;

K.  billi n-nisa u t-tfal għadhom qed ibatu minn aggressjoni, vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru, abbuż u n-nuqqas ta' prodotti u servizzi bażiċi fil-kriżi li għaddejja bħalissa fis-Sirja; billi hemm għadd sproporzjonatament għoli ta' nisa u tfal fost ir-rifuġjati Sirjani; billi kważi 3 miljun tifel u tifla waqqfu l-iskola fis-Sirja mill-2011, filwaqt li tal-inqas 500 000 tifel u tifla rifuġjati rreġistrati mhumiex miktuba fi skola fil-pajjiżi ġirien;

L.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-intellettwali, il-figuri reliġjużi, il-ġurnalisti u l-attivisti tas-soċjetà ċivili għadhom jisfaw vittmi tal-kriżi vjolenti fis-Sirja; billi r-Rebbieħa tal-Premju Sakharov 2011, Razan Zaitouneh, li inħatfet flimkien mar-raġel tagħha u żewġ attivisti oħra tad-drittijiet tal-bniedem 'il fuq minn erba' xhur ilu f'Douma, għadha tinsab miżmuma f'post mhux magħruf;

M.  billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir li jikkumbattu fil-livelli kollha l-estremiżmu u t-terroriżmu u jippromwovu r-rispett reċiproku fost l-individwi u l-gruppi reliġjużi u etniċi;

N.  billi d-dritt internazzjonali umanitarju u dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxi l-immirar ta' individwi jew gruppi abbażi tar-reliġjon jew l-identità etnika, kif ukoll attakki kontra nies ċivili li ma jipparteċipawx fil-ġlied; billi dawn l-azzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; billi r-Riżoluzzjoni 2139 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tenfasizza l-bżonn li tintemm l-impunità għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u ttenni tafferma li l-persuni li wettqu jew li b’xi mod ieħor kienu responsabbli għal ksur u abbużi bħal dawn fis-Sirja għandhom jiġu arrestati u jitressqu l-qorti;

1.  Jesprimi x-xokk profond tiegħu dwar il-livell mingħajr preċedent ta' tbatija umana u telf tal-ħajja, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi innoċenti kollha fil-kunflitt Sirjan; jikkundanna bis-saħħa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mir-reġim ta' Assad u mill-milizja ta’ favur il-gvern; jikkundanna kwalunkwe abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali minn gruppi armati li jopponu r-reġim ta' Assad; jikkundanna bis-saħħa l-għadd dejjem ikbar ta' attakki terroristiċi mwettqa minn organizzazzjonijiet estremisti u individwi fil-pajjiż;

2.  Jinsab konvint li soluzzjoni dejjiema għall-kriżi attwali fis-Sirja tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ proċess politiku inklussiv immexxi mis-Sirjani u mirfud mill-komunità internazzjonali; jiddeplora l-fatt li t-taħditiet ta' paċi bħalissa qed ifallu minħabba li r-reġim qed jostakola dawn it-taħditiet, u jitlob b'mod urġenti li l-partijiet kollha involuti u l-komunità internazzjonali jagħmlu ħilithom kollha sabiex jinfetħu taħditiet ġodda, li se jwasslu għat-tmiem ta' dan il-massakru; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni f'dan il-proċess tal-partijiet kollha tas-soċjetà Sirjana, inklużi l-minoranzi etniċi u reliġjużi, u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-minoranżi fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali uniku u tat-tradizzjoni ta' koeżistenza interkulturali, interetnika u interreliġjuża fis-Sirja, bil-għan li tinħoloq soċjetà ħajja għall-ġenerazzjonijiet futuri tas-Sirjani;

3.  Itenni li d-drittijiet tal-minoranzi huma marbuta b’mod inseparabbli mar-rispett għal drittijiet u libertajiet fundamentali oħra, bħad-dritt għal-libertà, għas-sigurtà, l-ugwaljanza u l-libertà tal-espressjoni;

4.  Jikkundanna bis-saħħa l-attakki reċenti kontra ċerti komunitajiet reliġjużi u etniċi fis-Sirja, partikolarment kontra l-Kristjani, l-Armeni u l-Kurdi, u jitlob li l-partijiet kollha involuti jwaqqfu kull azzjoni li jkollha l-għan li xxewwex kunflitt interetniku u interreliġjuż; jenfasizza li l-atturi kollha involuti fil-kunflitt għandhom dmir li jipproteġu l-minoranzi differenti preżenti fil-pajjiż; jirrikonoxxi, madankollu, li l-attakki kontra ċerti komunitajiet vulnerabbli jikkostitwixxu biss aspett wieħed tal-gwerra ċivili fis-Sirja;

5.  Jikkundanna bl-ikbar qawwa possibbli l-qtil tar-Reverendu Frans Van der Lugt, att inuman ta' vjolenza kontra raġel li baqa’ leali għall-poplu tas-Sirja fost assedji u diffikultajiet dejjem ikbar; ifaħħar il-ħidma tiegħu, li marret oltra l-belt assedjata ta' Homs u għadha qed tgħin lil mijiet ta' nies ċivili bil-bżonnijiet ta' sopravivenza tagħhom ta' kuljum;

6.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jaderixxu strettament mad-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob għall-protezzjoni tal-komunitajiet vulnerabbli kollha, inter alia billi jingħata aċċess umanitarju u jitneħħew l-assedji kollha taż-żoni popolati, inkluża l-Belt Antika ta' Homs; itenni l-appell tiegħu għat-twaqqif ta’ postijiet ta’ rifuġju tul il-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja, u possibilment fis-Sirja nfisha, u għall-ħolqien ta’ kurituri umanitarji mill-komunità internazzjonali;

7.  Jikkundanna l-attakki kontra l-belt Armena ta' Kassab; jappoġġja l-isforzi kollha fil-livell lokali biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza settarja fiż-żoni li jinsabu f’idejn ir-ribelli u fiż-żoni b'maġġoranza Kurda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani attwali u futuri jipprovdu protezzjoni affidabbli u effiċjenti għall-komunitajiet vulnerabbli fil-pajjiż u jiżguraw ir-ritorn sigur u sikur tagħhom lejn darhom, kif ukoll jiżguraw li min iwettaq attakki kontrihom jiġi arrestat u jgħaddi qorti bi proċess kif xieraq;

8.  Jerġa' jitlob biex tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni vulnerabbli tar-rifuġjati Palestinjani fis-Sirja, u b'mod partikolari l-kundizzjonijiet ta' għajxien inumani tal-Palestinjani li jgħixu fil-Kamp ta' Yarmouk; itenni l-istedina tiegħu lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jippermettu lill-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra ta' għajnuna aċċess mingħajr ostakli għal dan il-kamp, kif ukoll għaż-żoni l-oħra kollha assedjati fil-pajjiż, sabiex tittaffa t-tbatija estrema tal-popolazzjoni lokali; jifraħ lill-UNWRA għall-ħidma tagħha fis-Sirja u jitlob biex jiżdied l-appoġġ internazzjonali għall-attivitajiet tagħha;

9.  Jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-UE jagħtu attenzjoni speċjali lit-tbatija u lill-bżonnijiet tan-nisa u t-tfal fil-kriżi Sirjana; jitlob li jkun hemm tolleranza żero fir-rigward tal-qtil, il-ħtif u r-reklutaġġ ta' tfal b'mod partikolari, kif ukoll li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' għajnuna umanitarja fil-qasam tal-appoġġ lill-vittmi trawmatizzati;

10.  Ifakkar dwar il-bżonn urġenti li jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, il-ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, il-figuri reliġjużi (inklużi r-Reverendu Paolo Dall’Oglio, l-Isqof Ortodoss Grieg Boulos Yazigi u l-Isqof Ortodoss Assirjan John Ibrahim), il-ġurnalisti u l-fotografi miżmuma mir-reġim jew minn ġellieda ribelli, u li jingħata aċċess lill-osservaturi indipendenti għall-postijiet kollha ta' detenzjoni; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex jiksbu l-ħelsien tar-Rebbieħa tal-Premju Sakharov 2011 Razan Zaitouneh u tal-attivisti l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, inkluż l-attivist ta’ fuq l-internet Bassel Safadi Khartabil;

11.  Jibqa' konvint li ma jista’ jkun hemm l-ebda paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed ir-responsabilità għar-reati mwettqa matul il-kunflitt, inkluż għar-reati abbażi tar-reliġjon jew l-etniċità; itenni t-talba tiegħu għar-referenza tas-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali u jappoġġja l-inizjattivi kollha li jimxu f'dan is-sens; jifraħ lill-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana għall-ħidma tagħha u lil protagonisti internazzjonali oħra għall-ħidma tagħhomli jiġbru u jippreservaw volum kbir ta' xhieda dwar delitti serji mwettqa mir-reġim u minn xi gruppi ribelli fis-Sirja, u jitlob biex tittieħed azzjoni sabiex min wettaq dawn id-delitti jiġi arrestat u jitressaq il-qorti;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi profondi tal-frammentazzjoni tas-Sirja għall-istabilità u s-sigurtà tar-reġjun, b'mod partikolari fil-Libanu u l-Iraq; jinsab imħasseb serjament dwar l-għadd għoli ta' rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien, speċjalment fil-Libanu, fejn, skont l-UNHCR, l-għadd ta' rifuġjati issa qabeż il-miljun ruħ, u dan ma jinkludix l-għexieren ta' eluf li ma rreġistrawx mal-aġenzija, filwaqt li 12 000 persuna qed jaħarbu mis-Sirja lejn il-Libanu kull ġimgħa; jinsab imħasseb serjament ukoll dwar il-fluss 'il barra kontinwu ta' rifuġjati li qed jolqot lill-Ġordan, it-Turkija, l-Iraq u l-Eġittu; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jipprovdu għajnuna umanitarja sostanzjali lill-popolazzjonijiet affettwati mill-kunflitt tas-Sirja;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tan-NU u tal-Lega Għarbija fis-Sirja, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Eġittu, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iraq, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġordan, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Libanu, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0099.

Avviż legali - Politika tal-privatezza