Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2727(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0010/2014

Dibattiti :

PV 17/07/2014 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.1

Testi adottati :

P8_TA(2014)0006

Testi adottati
PDF 220kWORD 56k
Il-Ħamis, 17 ta' Lulju 2014 - Strasburgu
Sudan, il-każ ta' Meriam Yahia Ibrahim
P8_TA(2014)0006RC-B8-0010/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-Sudan - il-każ ta' Meriam Yahia Ibrahim (2014/2727(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ġunju 2014 mill-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Parlament, flimkien mal-parteċipanti tal-laqgħa ta' livell għoli mal-mexxejja reliġjużi li saret f'dik id-data,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta’ Mejju 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sentenza tal-mewt mogħtija għal apostasija fis-Sudan,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemminn,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Protokoll għall-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-drittijiet tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi lejn l-aħħar tal-2013 Meriam Yahia Ibrahim (bint omm Etjopjana Nisranija u missier Sudaniż Musulman), li trabbiet bħala Nisranija, ġiet akkużata b'adulterju min-naħa tal-familja ta' missierha wara li rrapurtawha lill-awtoritajiet minħabba li żżewġet Nisrani; billi l-akkuża ta' apostasija żdiedet f'Diċembru 2013;

B.  billi l-verdett tal-qorti tal-prim' istanza ngħata fit-12 ta' Mejju 2014, meta Meriam Ibrahim, li dak iż-żmien kellha tmien xhur tqala, ġiet ikkundannata għal mitt daqqa ta' frosta fuq l-akkużi ta' adulterju u ġiet ikkundannata għall-mewt bil-forka fuq l-akkużi ta' apostasija, iżda ngħatat tlett ijiem biex tiċħad il-Kristjaneżmu; billi Meriam Ibrahim ġiet ikkundannata skont il-liġi Iżlamika tax-Xarija, fis-seħħ fis-Sudan mill-1983, li tqis il-konverżjonijiet bħala illegali u tikkundannahom bil-piena tal-mewt; billi fil-15 ta' Mejju 2014, il-verdett reġa' ġie kkonfermat, peress li Meriam Ibrahim għażet li ma tikkonvertix għall-Iżlam;

C.  billi fis-27 ta' Mejju 2014 Meriam Ibrahim welldet lil bintha, Maya, fil-ħabs; billi allegatament saqajn Meriam Ibrahim inżammu bil-qajd u l-ktajjen waqt li kienet qed twelled, u b'hekk saħħet l-omm u t-tifla sfaw f'periklu serju; billi dan jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal;

D.  billi fil-5 ta' Mejju 2014 il-każ tagħha ġie ttrasferit b'suċċess lill-Qorti tal-Appell;

E.  billi Meriam Ibrahim inħelset mill-Ħabs tan-Nisa ta' Omdurman fit-23 ta' Ġunju 2014 wara li l-Qorti tal-Appel ma sabithiex ħatja taż-żewġ akkużi, iżda billi reġgħet ġiet arrestata fl-ajruport ta' Khartoum meta l-familja kienet se titlaq lejn l-Istati Uniti tal-Amerika, allegatament minħabba li ppruvat titlaq mill-pajjiż b'dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati maħruġa mill-Ambaxxata tas-Sudan t’Isfel f'Khartoum;

F.  billi Meriam Ibrahim reġgħet inħelset fis-26 ta' Ġunju 2014 u sabet kenn fl-ambaxxata tal-Istati Uniti mal-familja tagħha, u billi hemm negozjati għaddejjin biex tkun tista' titlaq mis-Sudan, fejn qed taffaċċja theddid ta' mewt minn Musulmani from Muslulmani estremisti;

G.  biili l-libertà tal-ħsieb, tar-reliġjon u tat-twemmin hija dritt tal-bniedem universali li jeħtieġ li jitħares kullimkien u għal kulħadd; billi s-Sudan irratifika l-konvenzjonijiet relevanti tan-NU u tal-Unjoni Afrikana u għalhekk għandu obbligu internazzjonali li jiddefendi u jippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, li tinkludi d-dritt li persuna tadotta, tbiddel jew tabbanduna r-reliġjon jew it-twemmin tar-rieda ħielsa tagħha;

H.  billi l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikata mir-Repubblika tas-Sudan, tinkludi l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja u l-projbizzjoni ta' tortura u kastigi u trattamenti krudili, inumani jew degradanti, iżda billi l-piena tal-mewt, is-swat bil-frosta, l-amputazzjoni u forom oħra ta' kastigi korporali oħra għadhom qed jitwettqu f'dak il-pajjiż għal numru ta' reati;

I.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi jikkundannaw lin-nisa u l-bniet b'mod sproporzjonat għal delitti definiti ħażin ta' deċiżjonijiet privati, personali li qatt ma kellhom jiġu kriminalizzati, u billi n-nisa, b'mod sproporzjonat, jaffaċċjaw kastigi krudili bħalma huma d-daqqiet ta' frosta, bi ksur tad-drittijiet umani tagħhom għad-dinjità, il-privatezza u l-ugwaljanza;

J.  billi s-Sudan aderixxa għall-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Artikolu 27 tagħha jipprevedi li l-persuni mir-reliġjonijiet kollha għandhom id-dritt li jipprattikaw it-twemmin tagħhom;

K.  billi r-Repubblika tas-Sudan hija marbuta bil-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehima ta' Cotonou(1) u bil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi(2);

L.  billi, minkejja d-dikjarazzjoni ta' djalogu nazzjonali mill-President Omar al-Bashir f'Jannar 2014, id-detenzjoni u t-trattament inuman ta' Meriam Ibrahim huma emblematiċi ta' ripressjoni preokkupanti mill-awtoritajiet Sudaniżi kontra l-minoritajiet, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, l-istudenti li jipprotestaw, il-ġurnalisti, l-avversarji politiċi u l-organizzazzjonijiet li jiġġieldu għad-drittijiet, b'mod partikolari dawk li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ;

1.  Jikkundanna d-detenzjoni inġusta ta' Meriam Ibrahim; jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex iħassar il-leġiżlazzjoni kollha li tiddiskrimina abbażi tal-ġeneru jew ir-reliġjon u biex jipproteġi l-identità reiġjuża tal-gruppi ta' minoranzi;

2.  Jenfasizza li huwa degradanti u inuman li mara tqila twelled waqt li tkun miżmuma fiżikament u bil-ktajjen; jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jiżguraw li n-nisa tqal u dawk li jkunu qed iwelldu kollha li jkunu l-ħabs jirċievu kura tas-saħħa maternali u għat-tfal tat-twelid xierqa u sikura;

3.  Itenni li l-libertà ta' reliġjon, kuxjenza jew twemmin hija dritt tal-bniedem universali li jeħtieġ li jitħares kullimkien u għal kulħadd; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza u intimidazzjoni li jxekklu d-dritt li persuna jkollha jew ma jkollhiex, jew li tadotta, reliġjon tal-għażla tagħha, inkluż l-użu ta' theddid, forza fiżika jew sanzjonjiet penali biex min jemmen jew ma jemminx jinġiegħel jiċħad ir-reliġjon tiegħu jew jikkonverti; jenfasizza l-fatt li l-adulterju u l-apostsija huma atti li żgur li m'għandhomx jitqiesu bħala delitti;

4.  Ifakkar li s-Sudan irratifika l-konvenzjonijiet relevanti tan-NU u tal-Unjoni Afrikana u għalhekk għandu obbligu internazzjonali li jiddefendi u jippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, li tinkludi d-dritt li persuna tadotta, tbiddel jew tabbanduna r-reliġjon jew it-twemmin tar-rieda ħielsa tagħha;

5.  Jesiġi li l-Gven Sudaniż - b'konformità mad-drittijiet tal-bniedem universali - jirrevoka kwalunkwe dispożizzjoni ġuridika li tippenalizza jew tiddiskrimina kontra individwi minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom, minħabba li jkunu biddlu r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, jew minħabba li jkunu wasslu nies oħra biex ibiddlu r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, speċjalment meta l-każijiet ta' apostasija, eterodossija jew konverżjoni jkunu punibbli bil-mewt;

6.  Jenfasizza li tali liġijiet mhumiex konsistenti mal-Kostituzzjoni Interim tal-2005 tas-Sudan, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u jħeġġeġ klis-Sudan jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt(3);

7.  Jistieden lis-Sudan biex jippubblika moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet kollha bl-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt u l-forom kollha ta' kastigi korporali;

8.  Jinnota bi tħassib il-ksur kontinwu u frekwenti tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, speċjalment l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Kriminali tas-Sudan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi biex jiffirmaw u jirratifikaw malajr il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

9.  Jinnota bi tħassib li l-impunità għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tibqa' problema mifruxa u serja fis-Sudan, kif inhu fil-każ tal-kunflitt ta' Darfur, fejn l-awtoritajiet ma ħarrkux il-maġġoranza vasta ta' delitti serji li twettqu, inklużi delitti ta' vjolenza sesswali; jistieden lill-Gvern Sudaniż jinvestiga u jħarrek lil dawk responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu qtil, tortura u trattament ħażin tad-detenuti, u l-istupru u vjolenza sesswali oħra;

10.  Itenni l-importanza kbira li għandha għalih id-distinzjoni stretta bejn ir-reliġjon jew it-twemmin, minn naħa, u l-istat, min-naħa l-oħra, li timplika r-rifjut ta' kwalunkwe interferenza reliġjuża fil-funzjonament tal-gvern, kif ukoll in-nondiskriminazzjoni fir-rigward tar-reliġjon jew it-twemmin;

11.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex jaderixxi mal-Ewwel Protokoll tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika u mal-Protokoll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Afrikana, li t-tnejn li huma ġew adottati f'Maputo, il-Możambik, fil-11 ta' Lulju 2003;

12.  Jistieden lill-gvern Sudaniż biex iwettaq, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, riforma ġuridika urġenti sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' kull individwu u tiġi indirizzata, b'mod partikolari, id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, il-minoranzi u l-gruppi żvantaġġati;

13.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi favur il-kisba ta' soluzzjoni negozjata inklużiva għas-sitwazzjoni fis-Sudan, u jappoġġa l-isforzi tas-soċjetà ċivili u l-partiti tal-oppożizzjoni biex jippromwovu l-proċess tal-paċi;

14.  Jistieden lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija biex timbotta favur riżoluzzjoni b'saħħitha dwar is-Sudan fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2014, li tindirizza l-ksur serju u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali fil-pajjiż;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

(1) Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000.
(2) Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 2200A (XXI) tas-16 ta' Diċembru 1966.
(3) Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 44/128 tal-15 ta' Diċembru 1989.

Avviż legali - Politika tal-privatezza