Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2717(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0025/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.5

Testi adottati :

P8_TA(2014)0009

Testi adottati
PDF 241kWORD 80k
Il-Ħamis, 17 ta' Lulju 2014 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
P8_TA(2014)0009RC-B8-0025/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Ukraina (2014/2717(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-SL u b'mod partikolari d-destabilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja tal-G7 wara l-laqgħa tagħhom fl-Aja fl-24 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Marzu, tal-14 ta' April, tat-12 ta' Mejju u tat-23 ta'Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Marzu u tas-27 ta’ Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali dwar l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija fl-Ukraina tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE/ODIHR,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-partijiet finali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, inkluż Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, fis-27 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-15 ta' Mejju u tal-15 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni NATO–Ukraina tal-1 ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ukraina għada taffaċċja sfidi tas-sigurtà, politiċi u soċjoekonomiċi serji; billi l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina jirrappreżenta impediment serju għall-iżvilupp u l-prosperità tal-pajjiż;

B.  billi l-okkupazzjoni Russa u l-annessjoni tal-Krimea jiksru d-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li għandha r-Russja skont il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar il-Garanziji ta' Sigurtà, kif ukoll obbligi bilaterali li jirriżultaw mit-Trattat Bilaterali tal-1997 dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija;

C.  billi fil-25 ta' Mejju 2014 Petro Poroshenko ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Ukraina; billi l-elezzjoni kienet issorveljata minn missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali mmexxija mill-OSKE/ODIHR u, minkejja l-ambjent ta' sigurtà ostili fil-Lvant tal-Ukraina u l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja, hija meqjusa li fil-biċċa l-kbira kienet f'konformità mal-impenji internazzjonali u tirrispetta l-libertajiet fundamentali fil-parti l-kbira tal-pajjiż;

D.  billi l-President il-ġdid ressaq pjan ta' 15-il punt għal soluzzjoni paċifika għas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina li jħares is-sovranità, l-integrità u l-unità nazzjonali tal-Ukraina abbażi ta' amnestija għal dawk li ċedew u li ma wettqux reati gravi, l-istabbiliment ta' passaġġi kkontrollati għall-irtirar tal-merċenarji Russi u t-tnedija ta' djalogu inklussiv;

E.  billi, bħala l-ewwel pass, il-President Poroshenko ħabbar waqfien mill-ġlied unilaterali bejn l-20 u t-30 ta' Ġunju 2014 sabiex ikun possibbli li jsiru konsultazzjonijiet bejn l-Ukraina, ir-Russja u l-forzi tas-separatisti; billi l-waqfien mill-ġlied unilaterali ddikjarat mill-gvern tal-Ukraina nkiser ripetutament, b'mod speċjali mis-separatisti, u wassal għal imwiet fuq iż-żewġ naħat;

F.  billi fil-25 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tal-Federazzjoni Russa approva deċiżjoni mill-President Putin biex jirrinunzja d-dritt li jibgħat forzi armati Russi fit-territorju tal-Ukraina;

G.  billi fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill Affarijiet Barranin ikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni li l-Ukraina ssodisfat il-punti ta' riferiment taħt l-ewwel fażi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u għaddiet għat-tieni fażi tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża;

H.  billi fis-27 ta' Ġunju 2014 l-UE u l-Ukraina ffirmaw id-dispożizzjonijiet li kien fadal tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv; billi dan il-ftehim jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Ukraina li jgħix f'pajjiż immexxi minn valuri Ewropej, bid-demokrazija u bl-istat tad-dritt;

I.  billi l-President Poroshenko ddeċieda li jġedded l-operazzjoni kontra t-terroriżmu biex jegħleb l-irvell tas-separatisti fil-Lvant wara l-falliment tal-waqfien mill-ġlied unilaterali; billi l-armata tal-Ukraina reġgħet ħadet kontroll fuq diversi bliet fil-Lvant tal-Ukraina, u ġegħlet lir-ribelli u lill-merċenarji jirtiraw lejn Donetsk; billi, madanakollu, il-vjolenza għadha għaddejja;

J.  billi fit-2 ta' Lulju 2014 il-Ministri Barranin tal-Ġermanja, ta' Franza, tar-Russja u tal-Ukraina ltaqgħu f'Berlin u qablu dwar sett ta' miżuri bl-għan li jwasslu għal waqfien mill-ġlied reċiproku sostenibbli fil-Lvant tal-Ukraina;

K.  billi l-President Poroshenko esprima r-rieda tiegħu li jħabbar waqfien mill-ġlied ieħor fuq tliet kundizzjonijiet, b'mod speċjali li l-waqfien mill-ġlied ikun osservat b'mod bilaterali, li jinħelsu l-ostaġġi kollha u li l-kontroll effikaċi tal-fruntiera jkun osservat mill-OSKE;

L.  billi l-President Poroshenko fl-14 ta' Lulju 2014 ddikjara li uffiċjali tal-persunal militari Russi kienu qed jiġġieldu kontra l-forzi tal-Ukraina flimkien ma' ribelli separatisti u li ġiet stabbilita sistema Russa għall-gwida tal-missili; billi, skont sorsi tan-NATO, ir-Russja qegħda allegatament tibgħat it-tankijiet kbar tal-gwerra, artillerija u armi oħrajn lir-ribelli, u qegħda tippermetti merċenarji mir-Russja jaqsmu l-fruntiera biex jissieħbu mal-milizzji tar-ribelli;

M.  billi laqgħa ta' konsultazzjoni bejn tliet partijiet bejn l-UE, l-Ukraina u r-Russja saret fi Brussell fil-11 ta' Lulju 2014 dwar l-impliemtazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv; billi dan huwa proċess utli li jista' jgħin itemm in-nuqqas ta' ftehim dejjiemi, billi jispjega l-benefiċċji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv u jqis it-tħassib leġittimu tal-partiti kollha;

1.  Jilqa' l-iffirmar tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li fadal, inkluża taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv , u jinsab konvint li se jservi ta' mutur għar-riforma politika u ekonomika, u se jwassal għall-modernizzazzjoni, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u jistimula t-tkabbir ekonomiku; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Ukraina li pproċediet bl-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim; jiddikjara li l-Parlament Ewropew se jlesti l-proċedura tiegħu għar-ratifika tal-Ftehim kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-Istati Membri u lill-Ukraina jirratifikawh fil-pront bil-ħsieb li jiġi implimentat bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-AA/DCFTA bl-ebda mod ma huwa konness mal-integrazzjoni man-NATO;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjoni, wkoll, l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja u mal-Moldova, li jimmarkaw il-bidu ta' era ġdida fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi ta' dawn il-pajjiżi mal-UE; jitlob għar-ratifika rapida tagħhom u jilqa' l-fatt li l-parlament tal-Moldova diġà għamel dan; jiċħad l-adozzjoni ta' miżuri ta' kummerċ 'punittivi' mir-Russja kontra dawk il-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, peress li dawn il-ftehimiet mhumiex ta' theddida għar-Russja; jenfasizza l-fatt li dawn l-azzjonijiet jikkontradixxu r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, huma motivati politikament u għalhekk mhumiex aċċettabbli;

3.  Jilqa' l-elezzjoni ta' Petro Poroshenko fl-ewwel rawnd għall-ħatra ta' President tal-Ukraina, f'elezzjoni ġusta u demokratika; jinnota li r-riżultat tal-elezzjoni juri appoġġ b'saħħtu fost il-popolazzjoni għal perspettiva Ewropea u demokratika tal-pajjiż;

4.  Jappoġġa l-pjan ta' paċi bħala opportunità kbira biex tittaffa l-eskalazzjoni u għall-paċi; jappoġġa l-azzjonijiet deċiżivi tal-President Poroshenko biex jiggarantixxi l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jilqa' l-impenn tiegħu li jindirizza l-problema tal-korruzzjoni sistemika u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi; itenni li r-Russja hija involuta f' azzjoni u provvista militari; iħeġġeġ lir-Russja twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha, sabiex ġenwinament timpenja ruħha f'negozjati għal soluzzjoni paċifika u biex tuża l-influwenza reali tagħha biex twaqqaf kwalunkwe vjolenza;

5.  Jitlob għal laqgħa ġdida tal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali dwar is-soluzzjoni fix-Xlokk tal-Ukraina, u jappoġġa forom ġodda ta' komunikazzjoni bejn il-partijiet;

6.  Jenfasizza d-dritt fundamentali tan-nies tal-Ukraina biex jiddeterminaw b'mod liberu l-ġejjieni ekonomiku u politiku ta' pajjiżhom u jafferma mill-ġdid id-dritt tal-Ukraina biex tiddefendi lilha nnifisha, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; itenni li l-komunità internazzjonali tappoġġa l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; iħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà tal-Ukraina biex jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt umanitarju internazzjonali (IHL) u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem (IHRL) meta jwettqu l-hekk imsejħa operazzjonijiet kontra t-terroriżmu, u jenfasizza l-ħtieġa li l-popolazzjoni ċivili tiġi protetta; u jitlob lir-ribelli u l-merċenarji jagħmlu l-istess u ma jużawx iċ-ċivili bħala tarka umana; jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjoni politika għall-kriżi; u jħeġġeġ lill-parteċipanti kollha joqogħdu lura u jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, li għandu jiġi ddikkjarat u implimentat mill-aktar fis possibbli;

7.  Jikkundanna l-aggressjoni Russa fuq il-Krimea bħala ksur gravi fl-ambitu tad-dritt internazzjonali tas-sovranità tal-Ukraina u l-integrità territorjali u jirrifjuta l-politika Russa ta' fait accompli fir-relazzjonijiet barranin; iqis l-annessjoni tal-Krimea illegali u jirrifjuta li jirrikonoxxi t-tmexxija de facto Russa fuq il-peniżola; jilqa' d-deċiżjoni li tiġi pprojbita l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea u Sevastopol li ma jkollhomx ċertifikat tal-Ukraina, u jħeġġeġ lil pajjiżi oħra jintroduċu miżuri simili skont ir-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

8.  Jikkundanna l-vjolenza li għaddejja u t-telf kuljum ta' ħajjiet fil-Lvant tal-Ukraina, il-qerda ta' djar u proprjetajiet u l-ħarba ta' bosta eluf ta' persuni ċivili minn żoni ta' kunflitt lejn postijiet ta' kenn; jilqa' r-rieda tajba li wriet in-naħa Ukraina fl-adozzjoni ta' waqfien mill-ġlied unilaterali u jiddispjaċih li r-ribelli u l-merċenarji naqsu milli jieħdu dak l-eżempju; jinsab ferm imħassab dwar is-sikurezza tan-nies ordinarji li nqabdu fiż-żoni ta' Donetsk u Luhansk; jiddeplora t-telf ta' ħajjiet u l-fatt li fost il-vittmi ġew reġistrati tfal; jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-qraba tagħhom; jikkundanna kwalunkwe attakki fuq il-popolazzjoni ċivili u jappella għal rispett strett tad-dritt umanitarju internazzjonali;

9.  Jistieden lir-Russja tappoġġa l-pjan ta' paċi b'determinazzjoni ġenwina, tadotta miżuri għall-kontroll effettiv tal-fruntiera tagħha mal-Ukraina u twaqqaf l-inkursjoni kontinwa ta' rġiel armati, armi u tagħmir illegali, azzjonijiet ostili u l-infiltrazzjoni, tnaqqas immedjatament u tirtira t-truppi tagħha mill-fruntiera tagħha mal-Ukraina, u tuża s-setgħa li għandha fuq ir-ribelli u l-merċenarji biex iġġegħlhom jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, iċedu l-armi tagħhom u jirtiraw lura lejn ir-Russja minn kuritur tal-irtirar, kif previst fil-pjan ta' paċi ta' Poroshenko - dawn bħala l-ewwel passi konkreti u tant mistennija li juru li r-Russja hija serja dwar it-taffija tal-eskalazzjoni tal-kriżi;

10.  Jiddeplora d-detenzjoni illegali tan-navigatur tal-forzi tal-ajru tal-Ukraina, Nadija Savchenko, fir-Russja u jitlob li tinħeles fil-pront, kif ukoll li jiġu rilaxxati l-ostaġġi kollha miżmuma fl-Ukraina jew fir-Russja;

11.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikollhom preżenza aktar qawwija u viżibilità akbar fil-mekkaniżmi ta' djalogu stabbiliti bil-għan li tissolva l-kriżi, inkluż il-Grupp ta' Kuntatt;

12.  Jilqa' l-estensjoni tas-sanzjonijiet attwali għal 11-il persuna oħra, ħafna minnhom uffiċjali tal-hekk imsejħa awtoritajiet separatisti; jilqa' l-ħidma preparatorja mwettqa mill-Kunsill, mis-SEAE u mill-Istati Membri bil-ħsieb li jiġu estiżi s-sanzjonijiet kontra r-Russja, li għandhom jinkludu s-settur ekonomiku, finanzjarju u tal-enerġija, u embargo fuq l-armi u fuq it-teknoloġija b'użu doppju; jitlob projbizzjoni kollettiva fuq il-bejgħ ta' armi lir-Russja u jħeġġeġ l-implimentazzjoni tagħha sa ma tinnormalizza ruħha s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina; iwissi li kull pass ieħor mir-Russja biex tiddestabbilizza l-Ukraina se jwassal għal konsegwenzi addizzjonali u estensivi għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

13.  Jitlob li l-Kunsill jappella lir-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali, u li tapplika it-tielet fażi ta' sanzjonijiet jekk is-sitwazzjoni tesiġi dan;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jadotta strateġija aktar koerenti u stretta u li jitkellem b'vuċi waħda b'rabta mal-kriżi tal-Ukraina u l-imġiba tal-gvern Russu, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri qed juru nuqqas ta' għaqda f'dan ir-rigward u nuqqas ta' solidarjetà tal-UE;

15.  Jappoġġa waqfien mill-ġlied imġedded u bbażat fuq qbil reċiproku biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-sigurtà, ikun hemm taffija ġenwina tal-eskalazzjoni u jinħoloq momentum għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko, li jiddependi fuq ir-rispett bilaterali tal-waqfien mill-ġlied, ir-rilaxx tal-ostaġġi u l-monitoraġġ effettiv tal-fruntiera min-naħa tal-OSKE; jilqa' l-aħħar suċċessi tal-forzi tal-Ukraina fil-Lvant tal-pajjiż u l-fatt li huma reġgħu ħadu f'idejhom il-kontroll ta' diversi bliet kbar;

16.  Jemmen bis-sħiħ li r-rwol tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE għandu jissaħħaħ, permezz ta' aktar mezzi materjali u finanzjarji, biex b'hekk l-Ukraina tiġi appoġġata tagħmel sikuri r-reġjuni tul il-fruntiera tagħha u timmonitorjahom;

17.  Ifakkar lill-Gvern tal-Ukraina li jinħtieġu b'urġenza riformi ekonomiċi u politiċi fil-livell nazzjonali; jindika li r-riformi nazzjonali ma jistgħux jinbdew biss minħabba pressjoni esterna, iżda għandhom ikunu bbażati fuq appoġġ popolari solidu għall-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali sostenibbli billi jiġi mmodernizzat il-pajjiż;

18.  Jappella sabiex ikun hemm investigazzjoni indipendenti u imparzjali tal-avvenimenti mdemmija u r-reati kollha kontra l-umanità li seħħew fil-partijiet kollha tal-Ukraina minn Novembru 2013 'l hawn, bl-inklużjoni ta' komponent internazzjonali b'saħħtu u taħt is-superviżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u sabiex dawk responsabbli jittellgħu l-qorti; jinsab konvint li hija biss l-investigazzjoni effettiva ta' dawn ir-reati li tista' tgħin lis-soċjetà tal-Ukraina u lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi jerġgħu jiksbu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet;

19.  Ifakkar fil-ħtieġa li jintemm it-tnaqqis sistematiku u strutturali tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza ħażina, il-korruzzjoni mifruxa u l-ekonomija sewda kolossali; jenfasizza l-importanza tal-proċess li għaddej ta' riforma kostituzzjonali, u l-importanza li jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili sabiex tinkiseb demokrazija verament parteċipattiva li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, tiżgura ġustizzja u governanza tajba għall-persuni kollha fir-reġjuni kollha tal-pajjiż u b'hekk tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà tiegħu; jappella għall-adozzjoni ta' liġi kontra d-diskriminazzjoni li hija konformi mal-istandards Ewropej;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li titkattar il-fiduċja bejn diversi komunitajiet fis-soċjetà u jitlob għal proċess ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi stabbilit djalogu nazzjonali inklussiv u li jiġu evitati l-propaganda, kwalunkwe diskors li jinstiga l-mibegħda u retorika inkluż mir-Russja li jistgħu jkomplu jaggravaw il-kunflitt;

21.  Iqis, barra minn hekk, li huwa ta' importanza kbira li jinbeda proċess gradwali ta' deċentralizzazzjoni tas-setgħat ċentrali favur l-amministrazzjonijiet reġjonali u muniċipali, mingħajr ma jimmina l-bilanċ intern tas-setgħat u l-funzjonament effettiv tal-istat;

22.  Jilqa' l-adozzjoni tad-dritt dwar l-akkwist pubbliku u jitlob l-implimentazzjoni diliġenti tiegħu; jistenna l-istabbiliment fil-pront ta' aġenzija politikament independenti kontra l-korruzzjoni b'setgħat biex tinvestiga l-imġiba korrotta;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, anke permezz ta' riforma ġudizzjarja li tikkontribwixxi sabiex iċ-ċittadini jerġgħu jiksbu l-fiduċja fil-ġudikatura, u l-ħtieġa li l-istruttura tal-korpi tal-infurzar tal-liġi ma jibqgħux politiċizzati u militarizzati;

24.  Jilqa' d-deċiżjoni li tiġi stabbilita missjoni ċivili u robusta fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni lejn l-Ukraina; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jħaffu l-mobilizzazzjoni tagħha; jinsab konvint li din il-missjoni jeħtiġilha mandat ambizzjuż biex tappoġġa lill-Ukraini b'mod effettiv fl-isforzi profondi meħtieġa biex is-sitwazzjoni fil-pajjiż tiġi stabilizzata;

25.  Itenni l-appoġġ tiegħu għar-rieda tal-President Poroshenko li jorganizza elezzjonijiet parlamentari bikrin; jenfasizza l-fatt li l-elezzjonijiet għandhom jitwettqu skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

26.  Jesprimi tħassib serju dwar l-aggravament tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-Lvant u l-Krimea, ikkaġunata minn ribelli u merċenarji instigati mir-Russja, b'mod partikolari fir-rigward ta' tortura, qtil, għajbien ta' ġurnalisti u attivisti, u t-teħid ta' ostaġġi, inklużi każijiet ta' ħtif tat-tfal; jitlob protezzjoni aħjar tal-persuni ċivili u biex l-awtoritajiet tal-Ukraina jagħtu għajnuna umanitarja fir-reġjuni kkonċernati;

27.  Jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-rapport riċenti tal-Amnesty International u jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu għal ħtif, swat salvaġġ, tortura, qtil, qtil extraġudizzjarju u abbuż serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju kontra attivisti, dawk li jipprotestaw, ġurnalisti u ħafna ċittadini oħra li mhumiex attivi fil-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina li ġraw f'dawn l-aħħar tliet xhur, li ġew ikkawżati prinċipalment minn separatisti armati u f'ċerti każijiet anke mill-forzi tal-gvern; jappoġġa t-talba lill-Gvern tal-Ukraina biex joħloq reġistru uniku u aġġornat regolarment tal-inċidenti ta' ħtif irrappurtat, u biex jinvestiga bir-reqqa u b'mod imparzjali l-allegazzjonijiet kollha ta' użu abbużiv ta' forza, trattament ħażin jew tortura;

28.  Jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni ċara, ġusta u stabbli biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ukraina, billi dan huwa prerekwiżit neċessarju għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà tal-Ukraina; jemmen li l-UE għandha tkompli bir-rwol tagħha li tiffaċilita ftehim li jippermetti lill-Ukraina tħallas prezz kompetittiv, mhux minħabba motivazzjonijiet politiċi, għax-xiri tal-gass tagħha; jenfasizza li l-użu tar-riżorsi tal-enerġija bħala strument tal-politika għall-affarijiet barranin jimmina l-kredibilità fuq perjodu ta' żmien twil tar-Russja bħala sħab kummerċjali ta' min jorbot fuqu għall-UE, u li bħala kwistjoni ta' prijorità għandu jkun hemm aktar miżuri sabiex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq il-gass tar-Russja;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw provvista suffiċjenti tal-gass permezz ta' fluss tal-gass invers minn stati ġirien fl-UE; jilqa', għal dan il-għan, il-memorandum ta' qbil dwar flussi inversi bejn ir-Repubblika Slovakka u l-Ukraina, li għandu jinkoraġġixxi lill-Ukraina tistabbilixxi sistema għat-trasportazzjoni tal-gass trasparenti u affidabbli; ifakkar f'dan ir-rigward fir-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li l-Ukraina qed tippresiedi fl-2014; jilqa' l-fatt li l-kooperazzjoni mal-Ukraina tifforma parti integrali tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għas-Sigurtà tal-Enerġija Ewropea ppreżentata f'Ġunju 2014;

30.  Jilqa' l-fatt li l-Ukraina reċentement imxiet għat-tieni fażi tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi, u b'hekk ikkonfermat mill-ġdid id-determinazzjoni tagħha li tistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali meħtieġ; jesprimi l-konvinzjoni sħiħa tiegħu li l-għan aħħari għandu jkun l-introduzzjoni rapida ta' reġim mingħajr viża; jappella, sadanittant, biex jiġu introdotti minnufih proċeduri sempliċi ħafna u rħas fuq bażi temporanja fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

31.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina, li se jipprovdi lill-awtoritajiet tal-Ukraina bl-għajnuna kollha neċessarja għat-twettiq ta' riformi politiċi u ekonomiċi u li se jaħdem għall-implimentazzjoni ta' 'Aġenda Ewropea għar-Riforma';

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu difiżi l-interessi u l-valuri Ewropej u li jiġu promossi l-istabbiltà, il-prosperità u d-demokrazija fil-pajjiżi tal-kontinent Ewropew;

33.  Itenni l-fehma tiegħu li l-AAs mal-Ukraina u mal-pajjiżi l-oħra tas-Sħubija tal-Lvant mhumiex l-għan aħħari fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandhom perspettiva Ewropea u jistgħu japplikaw sabiex isiru membri tal-Unjoni, dment li jaderixxu mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u jiżguraw l-istat tad-dritt;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa;

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0457.

Avviż legali - Politika tal-privatezza