Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2716(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0059/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.7

Testi adottati :

P8_TA(2014)0011

Testi adottati
PDF 227kWORD 62k
Il-Ħamis, 17 ta' Lulju 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fl-Iraq
P8_TA(2014)0011RC-B8-0059/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq (2014/2716(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b’mod partikolari dik tas-27 ta’ Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-23 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu parti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Iraq għadu jħabbat wiċċu ma' sfidi gravi fl-ambitu politiku, tas-sigurtà u soċjoekonomiku u billi x-xena politika tiegħu hija estremament frammentata u kkaratterizzata mill-vjolenza u mill-politika settarja, fatt li jmur askapitu tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq għall-paċi, prosperità u tranżizzjoni ġenwina lejn id-demokrazija; billi l-Iraq qiegħed jaffronta l-aktar mewġa gravi ta' vjolenza mill-2008;

B.  billi s-sottogrupp dissidenti ġiħadista tal-al-Qaeda bl-isem ta' Stat Iżlamiku (IS) – dak li qabel kien l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant (ISIL) – ħakem partijiet tal-Majjistral tal-Iraq, inkluża t-tieni l-ikbar belt fl-Iraq, Mosul, u kompla bl-eżekuzzjoni sommarja ta' ċittadini Iraqini, bl-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, il-qerda ta' postijiet ta' qima u ta' santwarji Xiiti, Sufi, Sunniti u Kristjani, u atroċitajiet oħra kontra l-popolazzjoni ċivili;

C.  billi d-diżintegrazzjoni tal-fruntieri bejn l-Iraq u s-Sirja pprovdiet lill-IS b'opportunitajiet biex itejjeb il-preżenza tiegħu fiż-żewġ pajjiżi; billi l-kisbiet tal-IS ġew tollerati jew saħansitra appoġġjati minn partijiet tal-popolazzjoni Sunnita diżilluża u mis-sostenituri ta' dak li kien il-partit Ba’ath; billi fid-29 ta' Ġunju 2014 ġie rappurtat li l-IS ħabbar it-twaqqif ta' "kalifat" jew "stat Iżlamiku" fit-territorji li jikkontrolla fl-Iraq u s-Sirja, u li l-mexxej tiegħu, Abdu Bakr al-Baghdadi, iddikjara lilu nnifsu bħala l-kaliff tiegħu;

D.  billi l-IS irnexxielu jikseb sorsi ta' dħul sinifikanti minn sakkeġġi ta' banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, waqt li ħa f'idejh sitt bjar taż-żejt fis-Sirja, fosthom l-ikbar faċilità taż-żejt tas-Sirja, al-Omar, qrib il-fruntiera mal-Iraq. L-IS jirċievi wkoll fondi mingħand donaturi għonja, b'mod partikolari mill-Arabja Sawdija, il-Qatar, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda;

E.  billi l-ispinta rapida li ħa l-IS uriet il-fraġilità tal-armata u l-istituzzjonijiet Iraqini, li huma kkaratterizzati mill-korruzzjoni, settarjaniżmu u l-politiki ta' esklużjoni tal-gvern tal-Prim Ministru, Nuri al-Maliki, li wasslu għall-aljenazzjoni sostanzjali tas-Sunniti u ta' minoranzi oħra fl-Iraq;

F.  billi f’nofs Ġunju 2014 unitajiet militari tal-Gvern Reġjonali Kurd ħadu f’idejhom il-kontroll tal-belt multietnika ta’ Kirkuk, u b’hekk integraw fil-provinċja Kurda lil dan it-territorju li għandu ħafna żejt, li kien il-kawża ta’ deċenju ta’ tilwim, u billi l-Gvern Kurd ħabbar pjanijiet għal referendum fost il-popolazzjoni Kurda biex tinkiseb l-indipendenza mill-Iraq;

G.  billi l-UE rrikonoxxiet il-piż li qed iġorr ir-reġjun tal-Kurdistan u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, li qed jospita numru kbir ta' persuni spustati internament;

H.  billi l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' April 2014 fl-Iraq taw il-maġġoranza lill-blokk tal-"Istat tad-Dritt" tal-Prim Ministru Nuri al-Maliki; billi l-gvern attwali ma rnexxilux jibni soċjetà aktar inklużiva fl-Iraq; billi qed ikompli jiżdiedu t-talbiet biex al-Maliki ma joħroġx għal prim ministru għat-tielet darba u biex minflok jiġi ffurmat gvern li huwa ġenwinament inklużiv; billi l-mexxej reliġjuż tax-Xiiti, Ayatollah Sistani, talab lill-partijiet Iraqini kollha biex b'mod urġenti jilħqu kunsens dwar gvern ta' dan it-tip, iżda l-parlament ġdid Iraqi s'issa naqas milli jagħmel dan;

I.  billi l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja u r-Repubblika Iżlamika tal-Iran ipprovdew appoġġ lill-gvern tal-Iraq; billi l-President tal-Iran Hassan Rouhani indika li lest jikkoopera mal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-theddida tal-IS fl-Iraq, waqt li gruppi armati Sunni estremisti fir-reġjun, inkluż l-IS, matul is-snin li għaddew irċevew appoġġ ideoloġiku mill-Arabja Sawdija u ċerti pajjiżi tal-Golf;

J.  billi mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ħafna mill-Istati Membri tal-UE, ġew irrappurtati li ssieħbu fil-ġlied man-naħa tal-IS; billi dawn iċ-ċittadini tal-UE huma identifikati bħala riskju għas-sigurtà mill-gvernijiet tal-Istati Membri;

K.  billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), hemm madwar 1.2 miljun persuna spustata internament fl-Iraq ċentrali u tat-tramuntana u madwar 1.5 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi l-ispinta li ħa l-IS ipproduċiet kriżi umanitarja, notevolment spustament taċ-ċivili fuq skala kbira; billi l-UE ddeċidiet li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b' EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spustati, b'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 12-il miljun;

L.  billi l-kostituzzjoni tal-Iraq tiggarantixxi bil-liġi l-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-"drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet"; billi l-Gvern Iraqin għandu r-responsabilità għall-iżgurar tad-drittijiet, il-benessri u s-sigurtà tal-popolazzjoni sħiħa;

M.  billi hemm rapporti li n-nisa u l-bniet fl-Iraq qed jiġu attakkatti deliberatament u hemm rapporti ta' ħtif, stupru u żwieġ sfurzat mill-militanti tal-IS u gruppi armati oħra; billi skont ir-rapport tat-12 ta’ Lulju 2014 tal-organizzazzjoni Human Rights Watch, jidher li l-forzi tas-sigurtá Iraqini u milizzji affiljati tal-gvern qatlu illegalment tal-anqas 255 priġunier matul ix-xahar li għadda, aktarx bħala tpattija għal każijiet ta' qtil min-naħa ta’ ġellieda tal-Istat Iżlamiku;

N.  billi sa 10 000 persuna mill-komunitajiet predominantament Insara ta' Qaraqosh (magħrufa ukoll bħala Al-Hamdaniya), belt storika Assirjana, ħarbu minn djarhom fil-25 ta' Ġunju 2014 wara li ġew sparati balal li jisplodu li waqgħu ħdejn il-belt; billi hu mifhum li mill-2003 mill-inqas nofs l-Insara tal-Iraq ħallew il-pajjiż; billi skont l-Open Doors International, in-numru ta' Insara fl-Iraq naqas b'mod sinifikanti: minn 1.2 miljuni fil-bidu tal-1990 għal bejn 330 000 u 350 000 fil-preżent;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà fl-Iraq li qed tiddeterjora b'mod rapidu; jikkundanna bil-qawwi l-attakki mwettqa mill-IS kontra ċ-ċittadini Iraqini u l-istat tal-Iraq, li wasslu għal eżekuzzjonijiet sommarji, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, il-qerda ta' postijiet ta' qima u tal-wirt storiku, kulturali u artistiku fir-reġjun, u atroċitajiet oħra; iwissi li l-opinjonijiet estremi anti-Xia u anti-Nsara tal-IS qed iżidu r-riskju ta' qtil settarju fuq skala massiva, jekk l-IS jitħalla jżomm it-territorji li ħakem u jkompli jespandi;

2.  Jikkundanna bis-saħħa l-attakki mmirati lejn iċ-ċivili, inklużi l-isptarijiet, l-iskejjel u postijiet ta' talb, u l-użu tal-eżekuzzjonijiet u l-vjolenza sesswali fil-kunflitt; jenfasizza l-fatt li m'għandu jkun hemm l-ebda impunità għan-nies li jagħmlu dawn l-atti; jinsab imħasseb sew dwar il-kriżi umanitarja u l-ispustament ta' ċivili fuq skala kbira;

3.  Jappoġġja l-awtoritajiet Iraqini fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-IS u gruppi armati/terroristiċi oħra, iżda jenfasizza li r-rispons ta' sigurtà jeħtieġ li jimxi id f'id ma' soluzzjoni politika sostenibbli li tinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà Iraqina u li tindirizza l-ilmenti leġittimi tagħhom; ikompli jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jiġu rrispettatti d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Iraq biex jaġixxu b'mod konformi mad-dritt internazzjonali u nazzjonali u b'rispett lejn l-impenji tal-Iraq favur il-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-Gvern Iraqin u lill-mexxejja politiċi kollha biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni liċ-ċittadini Iraqini kollha, b'mod partikolari lil membri ta' gruppi u komunitajiet reliġjużi vulnerabbli;

4.  Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mill-mexxejja tal-IS li waqqfu kalifat fiż-żoni kkontrollati minnu, u jirrifjuta l-kunċett ta' kwalunkwe bdil unilaterali permezz tal-forza fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment, filwaqt li għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nies fit-territorji kkontrollati mill-IS;

5.  Jenfasizza li l-IS hi suġġetta għall-embargo fuq l-armi u l-iffriżar tal-assi imposti permezz tar-riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1989 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni fil-pront u effikaċi ta' dawk il-miżuri;

6.  Jemmen li l-elezzjonijiet parlamentari reċenti fl-Iraq fit-30 ta' April 2014 jippreżentaw opportunità biex jinħoloq gvern verament rappreżentattiv b'aġenda inklużiva; jilqa' l-ħatra tal-ispeaker il-ġdid tal-Parlament tal-Iraq fil-15 ta' Lulju 2014; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha, speċjalment il-Prim Ministru Nouri al-Maliki, jiżguraw li jifformaw gvern inklużiv bħala kwistjoni ta’ urġenza; jenfasizza li l-gvern għandu jirrappreżenta kif xieraq id-diversità politika, reliġjuża u etnika tas-soċjetà tal-Iraq, biex jieqaf it-tixrid tad-demm u l-frammentazzjoni tal-pajjiż;

7.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jikkontribwixxu għall-isforzi tal-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabilità fl-Iraq, u b'mod partikolari jħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq biex joqrob lejn il-minoranza Sunni u jirriorganizza l-armata b'mod inklużiv, mhux settarju u mhux partiġjan;

8.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jagħmlu kulma jistgħu biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha ta' korpi uffiċjali u privati li jippropagaw u jxerrdu ideoloġi Iżlamiċi estremi bil-kliem u bl-atti; jistieden lill-komunità internazzjonali, speċjalment l-UE, biex tiffaċilita djalogu reġjonali dwar il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Lvant Nofsani u tinkludu l-partijiet sinifikanti kollha, b'mod partikolari l-Iran u l-Arabja Sawdija;

9.  Jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa strateġija politika komprensiva għar-reġjun u li primarjament, l-Iran, l-Arabja Sawdija kif ukoll l-Istati l-oħra tal-Golf, jeħtieġ jiġu inklużi bħala atturi essenzjali fi kwalunkwe sforz li jwassal għat-tnaqqis tat-tensjoni fis-Sirja u l-Iraq;

10.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'dan iż-żmien ta' kriżi, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertajiet diġitali;

11.  Jinnota t-tħabbir min-naħa tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan ta’ referendum dwar l-indipendenza; madankollu jappella lill-parlament u lill-President tar-Reġjun tal-Kurdistan, Massoud Barzani, biex jorganizzaw proċess inklużiv fir-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi mhux Kurdi li jgħixu fil-provinċja;

12.  Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar rapporti li mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ċittadini ta' Stati Membri tal-UE, issieħbu fir-rewwixta tal-IS; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwaunkwe individwu ssuspettat li jkun involut f'atti ta' terroriżmu;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-UE tad-19 ta' Ġunju 2014 li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b' EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spustati. B'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 12-il miljun;

14.  Itenni l-impenn tal-UE li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Iraq, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq; jistieden lill-Kunsill ikompli jgħin lill-Iraq jippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u l-istat tad-dritt, fost l-oħrajn billi jibni fuq l-esperjenzi u l-kisbiet tal-missjoni EUJUST LEX-Iraq; jappoġġja wkoll l-isforzi tal-UNAMI u dawk tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jassistu lill-Gvern tal-Iraq fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi tiegħu, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, il-faċilitazzjoni tad-djalogu reġjonali, titjib fil-provvediment ta' servizzi bażiċi u l-iżgurar tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi Adottati, P7_TA(2014)0171.
(2) Testi Adottati, P7_TA(2013)0023.
(3) Testi Adottati, P7_TA(2014)0207.
(4) ĠU C 247 E, 17.8.2012, p. 1.
(5) Testi Adottati, P7_TA(2014)0339.

Avviż legali - Politika tal-privatezza