Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2724(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0066/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.9

Testi adottati :

P8_TA(2014)0013

Testi adottati
PDF 215kWORD 54k
Il-Ħamis, 17 ta' Lulju 2014 - Strasburgu
Delitt ta' aggressjoni
P8_TA(2014)0013RC-B8-0066/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar id-delitt tal-aggressjoni (2014/2724(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 marbut mad-delitt tal-aggressjoni bħala wieħed mid-delitti essenzjali li jidħol fil-ġurisdizzjoni tal-QKI,

–  wara li kkunsidra l-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta' Ruma, li kienu adottat fil-Konferenza ta' Reviżjoni li saret Kampala, l-Uganda, fl-2010, b'riferiment partikolari għar-Riżoluzzjoni RC/Res. 6, dwar id-delitt tal-aggressjoni,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/CFSP u r-riferiment li din tagħmel għall-Emendi ta’ Kampala,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni revist adottat nhar it-12 ta’ Lulju 2011 b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/CFSP,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar il-Konferenza ta’ Analiżi dwar l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, f’Kampala, l-Uganda(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: niffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  Wara li kkunsidra d-Disa’ Rapport tal-Qorti Kriminali Internazzjonali lin-Nazzjonijiet Uniti għall-2012/13,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-25 sessjoni tal-Kunsill tal-Jeddijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f’April 2014,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Parlament Latino-Amerikan tad-19 u l-20 ta’ Ottubru 2013 dwar il-‘Promozzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u r-Ratifika tal-Emendi ta’ Kampala’ (AO/2013/07XXIX),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea tal-Istati Parti għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar it-‘Tisħiħ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Assembela tal-Istati Parti’, li tinkludi stedina lil Stati Parti futuri ħalli jirratifikaw l-Istatut kif emendat, stedina lill-Istati Parti kollha ħalli jikkunsidraw ir-ratifika tal-emenda u jirrikonoxxu r-ratifiki riċenti tal-emendi minn għadd ta' Stati Parti (ICC-ASP/12/Res.8),

–  wara li kkunsidra r-Ratifika u l-Implementazzjoni tal-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta' Ruma tal-manwal tal-QKI prodott mill-Missjoni Permanenti tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istitut Globali għall-Prevenzjoni tal-Aggressjoni, u l-Liechtenstein Institute on Self-Determination tal-Università ta’ Princeton,

–  wara li kkunsidra l-Jum Internazzjonali tal-Ġustizzja (JIĠ), imfakkar nhar is-17 ta’ Lulju, li jiċċelebra l-progress lejn responsabilità politika akbar għad-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istati Membri tal-UE ilhom alleati sodi tal-QKI sa mill-bidu tagħha, billi tawha sostenn finanzjarju, politiku, diplomatiku u loġistiku, filwaqt li ppromwovew l-universalità tal-Istatut ta’ Ruma u ddefendewlu l-integrità, bl-iskop li jsaħħu l-indipendenza tal-Qorti;

B.  billi nhar is-17 ta’ Novembru 2011(3), il-Parlament laqa’ l-adozzjoni tal-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta’ Ruma, inkluż dwar id-delitt tal-aggressjoni, u stieden lill-Istati Membri kollha jirratifikawhom u jinkorporawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

C.  billi nhar it-18 ta’ April 2012, il-Parlament sussegwentement adotta riżoluzzjoni(4) u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinqdew bl-awtorità internazzjonali tagħhom fl-interessi tal-iżgurar u t-tisħiħ tal-universalità tal-Istatut ta' Ruma għal definizzjoni internazzjonalment maqbula tal-atti ta' aggressjoni li jkunu jiksru d-dritt internazzjonali;

D.  billi r-ratifika tal-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta’ Ruma dwar id-delitt tal-aggressjoni minn mill-anqas 30 Stat Parti u d-deċiżjoni li se tittieħed wara l-1 ta’ Jannar 2017 minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati Parti se jippermettu t-twaqqif ta’ sistema permanenti ta’ responsabilità politika kriminali internazzjonali bl-ippenalizzar tad-delitt tal-aggressjoni;

E.  billi 122 pajjiż huma Stati Parti għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

F.  billi, s’issa, 14-il Stat Parti rratifikaw l-Emenda ta’ Kampala dwar id-delitt tal-aggressjoni, inklużi tmien Stati Membri tal-UE, jiġifieri l-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Islovakkja u l-Islovenja; billi mill-anqas 35 Stat Parti bħalissa qed jaħdmu attivament fuq ir-ratifika tal-emendi għad-delit ta' aggressjoni, u oħrajn impenjaw ruħhom li jirratifikaw;

G.  billi nhar it-8 ta’ Mejju 2012, Liechtenstein kien l-ewwel pajjiż li rratifika l-emendi għad-delitt ta' aggressjoni flimkien mal-emendi għall-Artikolu 8 (delitti tal-gwerra) adottat fil-Konferenza ta' Analiżi tal-2010 tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI, li saret Kampala, l-Uganda;

H.  billi l-Istati mhux parti għall-Istatut ta' Ruma jistgħu jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma, inklużi l-emendi ta' Kampala, u b'hekk jagħti kontribut għall-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni;

I.  billi l-Emendi ta’ Kampala huma għalkollox kompatibbli mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti billi jikkriminalizzaw biss l-aktar forom gravi tal-użu illegali tal-forza, jiġifieri dawk li manifestament jiksru l-Karta tan-NU invirtù tan-‘natura, il-gravità u l-iskala’ tagħhom;

J.  billi l-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se tikkontribwixxi għas-saltna tad-dritt f'livell internazzjonali u għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi taġixxi ta' deterrent għall-użu illegali tal-forza u b'hekk proattivament tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali delitti u l-konsolidament tal-paċi dejjiema;

K.  billi r-ratifika taż-żewġ Emendi ta’ Kampala min-naħa tal-Istati u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fuq ir-reat tal-aggressjoni se jkomplu jikkontribwixxu biex tintemm l-impunità għal min jikkommetti dan ir-reat;

L.  billi r-ratifika tal-Emendi ta’ Kampala u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem billi jikkriminalizzaw l-atti ta’ aggressjoni li ta’ sikwit ikunu fil-bidu tal-katina kawżali ta' vjolazzjoni kbar tal-jeddijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem;

M.  billi l-kriminalizzazzjoni tal-atti ta’ aggressjoni se tħares ukoll il-jedd għall-ħajja tal-kombattenti li jintbagħtu illegalment għall-gwerra u ta’ dawk tal-istat li jisfa attakkat, u b’hekk tingħalaq lakuna fl-Istatut ta’ Ruma u fid-dritt umanitjarju internazzjonali, li kif inhuma bħalissa jħarsu biss iċ-ċittadini u kategoriji oħrajn ta’ ‘persuni protetti’;

N.  billi l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tal-aggressjoni se tikkontribwixxi għall-universalità tal-Istatut ta' Ruma, billi bosta stati jista' jkun interessat jirratifika l-Istatut ta' Ruma kkompletat, inklużi l-Emendi ta' Kampala, li wkoll se jservu l-objettiv tal-politika nazzjonali tagħhom li jiswew ta' deterrent għall-użu illegali tal-forza kontra tagħhom;

1.  Itenni s-sostenn sħiħ tiegħu għal ħidmet il-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-għajnuna għalbiex tintemm l-impunità għal dawk rei tal-aktar delitt gravi li jippreokkupaw lill-komunità internazzjonali;

2.  Jistieden lill-UE tadotta pożizzjoni komuni dwar id-delitti tal-aggressjoni u dwar l-Emendi ta’ Kampala;

3.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipju tal-universalità tal-Istatut ta’ Ruma u jħeġġeġ lill-UE tkun fuq quddiem nett fil-promozzjoni tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta’ Kampala dwar id-delitt tal-aggressjoni, fis-sostenn tal-isforzi li għaddejjin għall-ksib ta’ dan l-objettiv, u biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tagħha jkunu minn tal-ewwel li jirratifikaw l-emenda u mbagħad isostnu pożittivament id-deċiżjoni ta’ darba tal-Assemblea tal-Istati Parti għall-Istatu ta’ Ruma, ladarba jintlaħqu t-30 ratifika, li jattivaw il-ġurisdizzjoni tal-QKI għad-delitt tal-aggressjoni;

4.  Jissottolinja l-ħtieġa li jippromwovi attivament is-sostenn għall-QKI, għar-ratifika tal-Istatut ta' Ruma kif emendat u għar-ratifika taż-żewġ emendi ta' Kampala fl-azzjonijiet esterni kollha tal-Unjoni, inkluż permezz tar-Rappreżentant Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) u d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-lok, inkluża l-assistenza teknika għall-Istati li qed ifittxu r-ratifika u/jew l-implementazzjoni; jistieden, f’dan is-sens, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrevedu l-impenn u s-sostenn tagħhom għall-QKI, inklużi dawk finanzjarji;

5.  Jistieden lill-UE timpenja ruħha fit-taqbida kontra l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt tal-aggressjoni, kif ukoll taħdem fit-taqbida ħalli l-impunità għall-vjolazzjonijiet serji tal-jeddijiet tal-bniedem issir prijorità għall-UE, u għall-Istati Membri, fl-azzjonijiet esterni tagħhom; jinkoraġġixxi lir-RGħ/VP ittejjeb l-isforzi fil-promozzjoni tal-implementazzjoni tal-istandards inġenerali tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-ottemperanza mal-istess, u b’mod partikolari mill-gruppi armati non-statali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jallinjaw malajr il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mad-definizzjonijiet tal-Emendi ta' Kampala, kif ukoll mal-obbligi l-oħrajn skont l-Istatut ta' Ruma, ħalli jippermettu lill-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet nazzjonali tad-delitti mill-Istati Membri tal-UE u ħalli jikkoperaw mal-Qorti;

7.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-President tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

(1) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 78.
(2) ĠU C 153 E, 13.5.2013, p. 115.
(3) Testi Adottati, P7_TA(2011)0507.
(4) Testi Adottati, P7_TA(2012)0126.

Avviż legali - Politika tal-privatezza