Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/010 RO/Mechel mir-Rumanija) (COM(2014)0255 – C8-0088/2014 – 2014/2043(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0255 – C8-0088/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0008/2014),
A. billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;
C. billi r-Rumanija ressqet l-applikazzjoni FEG/2012/010 RO/Mechel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG wara 1 513-il sensja: 1 441 matul u wara l-perjodu ta' referenza f'Mechel Campia Turzii u 72 f'Mechel Reparatii Targoviste, b'1 000 ħaddiem destinat għal miżuri kofinanzjati tal-FEG, matul il-perjodu ta' referenza ta' bejn l-20 ta' Ġunju 2012 u l-20 ta' Ottubru 2012;
D. billi l-awtoritajiet Rumeni jsostnu li d-deċiżjoni li jingħataw is-sensji minn Mechel Campia Turzii ma setgħetx tkun prevista; billi l-kumpanija daħħlet fis-seħħ għadd ta' miżuri biex tnaqqas l-ispejjeż b'rabta mal-persunal, iżda madankollu dawn il-miżuri ma solvewx id-diffikultajiet finanzjarji u l-intrapriża ddeċidiet li tibda sensji kollettivi;
E. billi 72,8 % tal-ħaddiema li l-miżuri huma indirizzati lejhom huma rġiel u 27,2 % huma nisa; billi 87,9 % tal-ħaddiema għandhom bejn il-25 u l-54 sena u 11,2 % tal-ħaddiema għandhom bejn il-55 u l-64 sena;
F. billi 44,9 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja jaqgħu taħt il-kategorija tal-operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw il-magni, 27,1 % huma ħaddiema fl-artiġjanat u snajja' relatati, 9,1 % huma tekniċi u professjonisti assoċjati u 8.1 % huma ħaddiema ta' appoġġ klerikali;
G. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, ir-Rumanija hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-21 ta' Diċembru 2012, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fis-7 ta' Mejju 2014; jiddispjaċih dwar il-valutazzjoni fit-tul ħafna ta' sbatax-il xahar u li minħabba r-rata ta' inflazzjoni fil-perjodu bejn l-2012 u l-2014, kien hemm tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri sabiex tindirizza din il-kwistjoni f'sitwazzjonijiet simili fil-futur;
3. Jenfasizza li l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'dawn l-aħħar sbatax-il xahar inbidlu xi ftit, u jemmen li għandha tkun prevista aktar analiżi abbażi tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fl-2014;
4. Iqis li s-sensji f'SC Mechel Campia Turzii SA u produttur wieħed iktar 'l isfel fil-katina tal-attivitajiet (SC Mechel Reparatii Targoviste SRL) huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni, filwaqt li jirreferi għall-fatt li s-settur tal-manifattura ta' prodotti lesti u parzjalment lesti tal-azzar, is-settur li kienu attivi fih il-kumpaniji Mechel Campia Turzii u Mechel Reparatii Targoviste, ġarrab tħarbit ekonomiku serju minħabba tnaqqis rapidu fis-sehem tas-suq tal-Unjoni fis-settur tal-prodotti tal-azzar, u t-tkabbir fis-sehem tas-suq ta' pajjiżi bħaċ-Ċina; jindika li dan il-każ juri l-ħtieġa għal strateġija tal-Unjoni għall-industrija tal-prodotti tal-azzar, bil-ħsieb li tinżamm il-kompetittività;
5. Jinnota li l-1 513-il sensja inkwistjoni kellhom riperkussjonijiet kbar għas-suq tax-xogħol lokali, billi l-intrapriża Mechel Campia Turzii kienet l-aktar li tħaddem nies fiż-żona, b'1 837 ħaddiem (f'Ġunju 2012), li jammonta għal madwar terz tan-numru totali ta' ħaddiema fiż-żona; jiddeplora l-fatt li l-għadd ta' persuni qiegħda fiż-żona ta' Campia Turzii żdied b'aktar mid-doppju minħabba s-sensji; jinnota li s-suq tax-xogħol lokali huwa ristrett ħafna billi r-rata tal-qgħad fiż-żona ta' Câmpia Turzii ġeneralment hija madwar 5 % u r-rata ta' postijiet tax-xogħol battala hija baxxa ħafna (inqas minn 0.5 %)(4);
6. Jinnota li sal-lum, is-settur tal-azzar kien is-suġġett ta' ħames talbiet għall-FEG, erba' minnhom kienu maħsuba biex jingħata sostenn lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni(5), u waħda minnhom kienet maħsuba biex jingħata sostenn lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali(6);
7. Jieħu nota tal-ammont ta' EUR 15 000 li għandu jingħata lill-250 ħaddiem magħżula bħala għajnuna sabiex jinbdew attivitajiet indipendenti; jiddispjaċih li kwart biss mill-ħaddiema fil-mira se jkunu jistgħu jipparteċipaw f'din l-azzjoni;
8. Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Rumeni ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Marzu 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;
9. Jistenna b'interess kbir il-ħolqien u l-iżvilupp ta' “soċjetà kooperattiva” mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u r-riżultati tagħha;
10. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jrid jiġi kofinanzjat, jinkludi miżuri għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 1 000 ħaddiem li ngħataw is-sensja, bħal gwida vokazzjonali u konsulenza, korsijiet għat-taħriġ vokazzjonali u internships, assistenza sabiex jingħata bidu għal attivitajiet indipendenti, il-kiri tal-ispazju tal-produzzjoni u l-ħlas tal-kera tul il-proġett; allowances għall-ivvjaġġar, l-intervista, il-parteċipazzjoni, is-sussistenza u l-internship, u mentoring wara l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Rumeni jiżguraw li l-għażla tal-250 membru tas-soċjetà kooperattiva tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs; jappella ulterjorment sabiex is-sħab soċjali jibqgħu jiġu kkonsultati u involuti;
12. Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija Nazzjonali Rumena għall-Impjiegi (ANOFM), l-Aġenzija tal-Kontea ta' Cluj għall-Impjiegi (l-AJOFM ta' Cluj) kif ukoll awtoritajiet reġjonali u lokali, trejdjunjins u intrapriżi oħra, se jkunu marbuta mal-intrapriża kooperattiva li se tiġi stabbilita biex tappoġġa lill-ħaddiema destinati għall-assistenza bħala parti mill-miżura 'Assistenza fit-tnedija ta' attivitajiet indipendenti', u li se tiġi applikata politika tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll tan-nondiskriminazzjoni matul id-diversi stadji tal-implimentazzjoni tal-FEG u l-aċċess għalih;
13. Jinnota l-ispiża għolja tar-reġistrazzjoni tal-ħaddiema meta mqabbla ma' talba preċedenti mir-Rumanija; jinnota wkoll l-ispejjeż totali stmati ta' EUR 70 000 għal azzjonijiet informattivi u pubbliċitarji li għandhom iwasslu għal għarfien aħjar tal-kontribuzzjoni mill-FEG u jiżguraw aktar viżibilità tar-rwol tal-Unjoni fiha;
14. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent reali tan-negozju;
15. Jinnota li l-informazzjoni li ngħatat dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jenfasizza li l-awtoritajiet Rumeni kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċievux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
16. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' talba għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jenfasizza li fir-Regolament il-ġdid dwar il-FEG(7) ġie integrat titjib proċedurali ulterjuri, u li se jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà tal-FEG;
17. Jisħaq li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja f'impjieg stabbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
18. Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar il-FEG li jirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament ta' talbiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;
19. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-rata ta' postijiet tax-xogħol battala tkejjel il-perċentwal tal-postijiet tax-xogħol battala, meta mqabbel mal-għadd totali ta' postijiet tax-xogħol okkupati u battala. Fit-tielet kwart tal-2012, l-istima tar-rata ta' postijiet tax-xogħol battala fl-UE-28 f'NACE Rev.2, it-taqsimiet B sa S (l-industrija, il-kostruzzjoni, is-servizzi) kienet ta' 1.4 %.
FEG/2009/022 BG/Kremikovtsi AD (talba rifjutata mill-Kummissjoni), FEG/2013/002 BE/Carsid (talba mressqa quddiem il-Kummissjoni fit-2 ta' April 2013), FEG/2013/007 BE Duferco-NLMK (talba mressqa quddiem il-Kummissjoni fis-27 ta' Settembru 2013).
Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/010 RO/Mechel mir-Rumanija)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/696/UE.)