Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-każ ta' Pierre Claver Mbonimpa (2014/2833(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Burundi tal-10 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,
– wara li kkunsidra il-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar tat-22 ta' Lulju 2014, b'mod partikolari tal-punt 7 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Uffiċċju tan-NU fil-Burundi (BNUB),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret nhar l-Erbgħa, 9 ta' Lulju 2014, mill-Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Ivan Simonovic waqt il-Burundi Configuration of Peacebuilding Fund,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta' missjoni u l-oqsma ta' prijorità għall-azzjoni (2010-2014) tal-FAO u l-UNICEF fil-Burundi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ġuħ u n-nutrizzjoni ħażina,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Pierre Claver Mbonimpa, difensur ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem u President tal-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijet tal-Bniedem u Persuni Detenuti (Association pour la protection des droits humains et des personnes détenues, APRODH), għal darb'oħra ġie arrestat fil-15 ta' Mejju 2014 u aktar tard akkużat li "hedded is-sigurtà esterna tal-istat" u li "hedded is-sigurtà interna tal-istat billi kkawża d-diżordni pubbliku" u ilu jinżamm taħt arrest minn dakinhar li ttieħed għall-interrogazzjoni;
B. billi permezz tal-ħidma tiegħu fid-difiża tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem matul dawn l-aħħar żewġ deċennji u aktar, is-Sur Mbonimpa kiseb diversi premjijiet internazzjonali u rikonoxximent wiesa' kemm domestikament u lil hinn;
C. billi l-akkużi kontrih huma relatati ma' kummenti li huwa għamel fuq Radio Publique Africaine (RPA) fis-6 ta' Mejju 2014, fejn qal li s-sezzjoni taż-żgħażagħ tal-partit CNDD-FDD, magħruf ukoll bħala l-Imbonerakure, qed tiġi armata u mibgħuta lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) għat-taħriġ militari, u billi dan l-istess tħassib tqajjem mill-BNUB, li enfasizza li l-militarizzazzjoni ta' dawn iż-żgħażagħ tikkostitwixxi "theddida kbira għall-paċi fil-Burundi",
D. billi l-arrest ta' Pierre Mbonimpa huwa rappreżentattiv tar-riskji kbar li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qiegħdin jaffaċċaw, l-intimidazzjoni tal-attivisti u l-ġurnalisti u l-arrest arbitraju ta' membri tal-partit fl-oppożizzjoni, li skont gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u l-Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-biċċa l-kbira tagħhom twettqu mill-Imbonerakure;
E. billi, wara avveniment paċifiku tal-partit tal-oppożizzjoni fit-8 ta' Marzu 2014, 70 persuna ġew arrestati, u aktar tard 48 minnhom ingħataw sentenza ta' ħabs, inkluż priġunerija għall-għomor;
F. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat il-gvern tal-Burundi pprojbixxa l-protesti u d-dimostrazzjonijiet paċifiċi b'appoġġ għal Mbonimpa u wissa lill-istazzjonijiet tar-radju biex ma jxandrux informazzjoni li tappoġġa l-affermazzjonijiet ta' Mbonimpa;
G. billi r-rispett sħiħ għal-libertà ta' espressjoni, inkluż għall-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, huwa prekondizzjoni għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-2015 u biex ir-riżultati ta' din l-elezzjoni jiġu aċċettati minn kulħadd;
H. billi reċentament l-UE allokat EUR 432 miljun lill-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020, biex, fost affarijiet oħra, tassisti fit-titjib tal-governanza u s-soċjetà ċivili;
I. billi tal-anqas wieħed minn kull żewġ Burundjani u kważi żewġ terzi, jew 58 %, tat-tfal kollha taħt il-ħames snin ibatu minn nutrizzjoni ħażina kronika, u billi l-Burundi għandu l-ogħla rata ta' ġuħ fost il-120 pajjiż li fuqu ġie kkalkulat l-Indiċi tal-Ġuħ Dinji fl-2012
J. billi l-Burundi huwa wieħed mill-ifqar ħames pajjiżi fid-dinja, b'wieħed mill-aktar PDG baxx per capita; billi ħafna Burundjani qed isiru dejjem aktar frustrati bl-ispiża dejjem tikber għall-ikel, l-ilma u l-fjuwil, il-livelli għoljin ta' korruzzjoni u n-nuqqas ta' responsabilità tal-mexxejja politiċi;
K. billi bħalissa l-Burundi qed jaffaċċa l-agħar kriżi politika tiegħu minn meta ħareġ minn gwerra ċivili ta' 12-il sena fl-2005, u billi din għal darb'oħra qed toħloq theddida mhux biss għall-istabilità interna tal-pajjiż, iżda wkoll għal dik tal-ġirien tagħha f'reġjun tal-kontinent Afrikan li huwa diġà instabbli;
1. Jikkundanna b'mod qawwi d-detenzjoni tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Pierre Claver Mbonimpa u jitlob għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjoni tiegħu; jesprimi tħassib dwar l-istat ħażin ta' saħħtu u jitlob li jingħata assistenza medika urġenti;
2. Jesprimi tħassib partikolari dwar is-sitwazzjoni tal-membri tal-oppożizzjoni MSD li għadhom qed jinżammu taħt arrest wara l-avvenimenti tat-8 ta' Marzu 2014; jappella lill-awtoritajiet Burundjani biex jannullaw s-sentenza u jipproċessaw mill-ġdid lil dawk li għandhom akkużi kredibbli kontrihom f'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż id-dritt tad-difiża u tal-proporzjonalità;
3. Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex jieħu miżuri biex jikkontrolla s-sezzjoni taż-żgħażagħ tas-CNDD-FDD, u ma jħallix il-membri tagħha jintimidaw u jattakaw lil dawk li jqisu bħala avversarji, u jiżgura li dawk responsabbli mill-akkużi jitressqu quddiem il-qrati; jitlob għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-affermazzjonijiet li s-CNDD-FDD qed jarma u jħarreġ is-sezzjoni taż-żgħażagħ tiegħu; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-partiti fl-oppożizzjoni biex iwaqqfu l-vjolenza kontra l-avversarji tagħhom;
4. Jitlob lill-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar biex jindirizzaw l-attivitajiet illegali tal-Imbonerakure u flimkien jindirizzaw problemi bħal dawn mal-Gvern tal-Burundi. Jitlob lil dawn il-pajjiżi biex iżommu livell għoli ta' impenn fil-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità permezz ta' mekkaniżmi reġjonali eżistenti u biex jintensifikaw l-isforzi għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għar-rikonċiljazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-impunità u l-istabbiliment ta' responsabilità ġudizzjarja aħjar;
5. Ifakkar li l-Burundi huwa marbut mill-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou, mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u mill-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u għalhekk huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet univerali tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni; jappella lill-Gvern tal-Burundi bex jippermetti li jsir dibattitu politiku ġenwin u miftuħ qabel l-elezzjonijiet tal-2015 mingħajr il-biża ta' intimidazzjoni, billi ma jinterferixxix fl-amministrazzjoni interna tal-partiti fl-oppożizzjoni, billi ma jpoġġix restrizzjonijiet fuq il-kampanji għall-partiti kollha, speċjalment f'żoni rurali, u billi ma jabbużax mill-ġudikatura biex jeskludi rivali politiċi;
6. Jesprimi tħassib qawwi dwar in-nuqqas ta' ġustizzja għall-qtil politiku massiv li sar bejn l-2010 u l-2012, wara l-elezzjonijiet tal-2010; jitlob lill-awtoritajiet Burundjani jiżguraw li l-awturi ta' dan il-qtil jitressqu quddiem il-qrati, għal proċessi ġusti, u jagħmlu kull sforz biex jipprevjenu l-vjolenza politika qabel l-elezzjonijiet tal-2015;
7. Itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza tar-rispett tal-Kodiċi ta' Kondotta għal kwistjonijiet elettorali (Code de bonne conduite en matière électorale) u l-pjan direzzjonali tan-NU dwar l-elezzjonijiet li kien iffirmat mill-atturi politiċi fl-2013, u jappoġġa bis-sħiħ l-attivitajiet tal-BNUB immirati biex jipprevjenu vjolenza politika ulterjuri fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet tal-2015 u li jgħinu jirrestawraw is-sigurtà fit-tul u l-paċi;
8. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li l-popolazzjoni tal-Burundi kollha kemm hi qed taffaċċa, b'mod partikolari r-refuġjati u l-persuni spostati, li se jkomplu jiżdiedu minħabba l-poblemi ta' sigurtà fil-pajjiż u t-tensjonijiet fil-pajjiżi ġirien;
9. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jżommu l-impenji li jinsabu fil-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha 2000, li fl-2005 kien strumentali biex jintemm kunflitt ċivili li dam 12-il sena; iwissi kontra li tiġi emendata l-kostituzzjoni Burundjana b'tali mod li jitneħħew id-dispożizzjonijiet fundamentali dwar il-qsim tal-poter stipulati fil-ftehimiet ta' Arusha;
10. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-politika tal-UE fir-rigward tal-Burundi hija waħda ċara u bbażata fuq prinċipji u li tindirizza l-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tnedija ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou bil-ħsieb ta' sospensjoni possibbli mill-Ftehim u biex jittieħdu l-miżuri xierqa waqt li jkunu qed jitmexxew;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjonim lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u tal-Parlament Pan-Afrikan.