Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2834(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0097/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2014)0024

Testi adottati
PDF 305kWORD 78k
Il-Ħamis, 18 ta' Settembru 2014 - Strasburgu
Ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladexx
P8_TA(2014)0024RC-B8-0097/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladexx (2014/2834(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni KE-Bangladexx tal-2001,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 33 u 35 tal-Kostituzzjoni tal-Bangladexx, li jistipulaw li l-ebda persuna ma għandha tiġi soġġetta għat-tortura jew kastiġ jew trattament krudili, inuman jew degradanti u li l-ebda persuna ma għandha tiġi arrestata jew miżmuma fil-kustodja mingħajr ma tiġi infurmata dwar ir-raġunijiet ta' tali arrest,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Suprema tal-Bangladexx li stipulat miżuri ta' salvagwardja kontra arresti arbitrarji mill-pulizija taħt is-sezzjoni 54 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, li tesiġi wkoll li kwalunkwe inċident ta' mewt li jseħħ fil-kustodja tal-pulizija jiġi investigat minn maġistrat u li jittieħdu l-passi legali meħtieġa,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li l-Bangladexx irratifika fl-2000,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp;

B.  billi l-Bangladexx għamel progress sinifikanti fis-snin reċenti, partikolarment lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u fil-prestazzjoni ekonomika tiegħu;

C.  billi l-Gvern tal-Bangladexx ħabbar politika ta' "tolleranza żero" fil-konfront ta' kwalunkwe vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-aġenziji ta' infurzar tal-liġi, u billi adotta Att ta' Riforma tal-Pulizija, inkluż Kodiċi ta' Kondotta, għases tal-pulizija mudell u ċentri ta' appoġġ għall-vittmi f'għases ewlenin tal-pulizija;

D.  billi l-Gvern tal-Bangladexx ħabbar li, f'kollaborazzjoni mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, qed iwettaq programmi ta' konsultazzjoni legali u ta' taħriġ għall-aġenziji tal- infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal-ħabsijiet dwar salvagwardji internazzjonali kontra t-tortura;

E.  billi fis-snin reċenti l-Bangladexx ta xhieda ta' numru ta' traġedji fil-fabbriki tal-ilbies tiegħu, fejn l-agħar waħda f'termini ta' telf ta' ħajja kienet il-kollass tal-fabbrika Rana Plaza, b'iktar minn 1,100 persuna midruba; billi, wara l-kollass ta' Rana Plaza, il-Bangladexx, flimkien ma' partijiet interessati maġġuri fis-settur tal-ilbies, ta bidu għal programm ta' riforma bil-għan ta' kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u deċenti; billi l-UE tappoġġja dan il-programm permezz tal-Bangladesh Sustainability Compact, iżda billi l-partijiet interessati mhumiex imħajra jieħdu sehem;

F.  billi l-każijiet ta' għajbien (allegatament spiss jinvolvu forzi tas-sigurtà tal-istat), l-użu tat-tortura u forom oħra ta' maltrattament jippersistu fil-Bangladexx minkejja s-salvagwardji stipulati fil-Kostituzzjoni, il-Kodiċi Penali u l-Att dwar (il-projbizzjoni ta') it-Tortura u l-Mewt waqt Kustodja, kif l-istess jagħmlu restrizzjonijiet dwar id-dritt tal-libertà ta' espressjoni;

G.  billi wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-5 ta' Jannar 2014, li ġew ibbojkottjati mill-Partit Nazzjonalista tal-Bangladexx (PNB) – il-partit prinċipali tal-oppożizzjoni – u fid-dell tal-istrajkijiet istigati mill-PNB u l-vjolenza li rriżultat, il-gvern tal-Lega Awami mmexxi minn Sheikh Hasina ħa bosta passi biex jillimita d-drittijiet ċivili;

H.  billi r-Rapid Action Battalion (RAB), li nħoloq għaxar snin ilu bħala miżura ta' emerġenza biex jiġu kkumbattuti theddidiet għas-sigurtà minn gruppi militanti, jinkludu uffiċjali kemm militari kif ukoll tal-pulizija, u effettivament jinvolvi l-armata fl-infurzar tad-dritt ċivili mingħajr mekkaniżmi ta' responsabilità trasparenti; billi organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem qed jallegaw li l-RAB huwa responsabbli għal madwar 800 mewt, mingħajr ebda prosekuzzjoni jew kastiġ fil-konfront tal-uffiċjali responsabbli; billi, minbarra l-arresti reċenti ta' bosta membri tal-RAB b'konnessjoni ma' qtil kontrattwali suspettat ta' politiku tal-partit mexxej, abbużi xokkanti oħra ma ġewx ikkastigati;

I.  billi fis-6 ta' Awwissu 2014 il-Gvern tal-Bangladexx ippubblika l-politika l-ġdida tiegħu tal-midja; billi elementi ta' din il-politika jimponu limiti fuq il-libertà tal-midja, pereżempju billi jipprojbixxu kliem li huma "antistatali", "jirridikola l-ideoloġija nazzjonali" jew "huwa inkonsistenti mal-kultura tal-Bangladexx" billi jirristrinġi r-rappurtar ta' "anarkija, ribelljoni jew vjolenza"; billi l-gvern qed jippjana li jintroduċi qafas legali li permezz tiegħu jinforza l-politika; billi l-Bangladexx jinsab fil-145 post minn 179 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa;

J.  billi l-Gvern tal-Bangladexx ippropona liġi ġdida li hija rrappurtata li timponi bosta restrizzjonijiet fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs); billi l-Att il-ġdid dwar ir-Regolazzjoni ta' Donazzjonijiet minn Barra jirregola operazzjonijiet u ffinanzjar minn kwalunkwe grupp li jirċievi ffinanzjar minn barra l-pajjiż, u jagħti lill-Uffiċċju dwar l-Affarijiet tal-NGOs fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru awtorità ta' approvazzjoni fuq proġetti ffinanzjati minn barra; billi l-abbozz ta' att ġdid jesiġi wkoll li kulmin ikun involut f'attivitajiet volontarji għandu jikseb approvazzjoni minn qabel għall-ivvjaġġar barra l-pajjiż għal skopijiet relatati mal-ħidma tiegħu fuq proġett; billi jeżisti tħassib fuq skala wiesgħa fost l-NGOs li l-att se jinvolvi aktar uffiċjali tal-gvern fil-proċess ta' monitoraġġ, persuni li jivvalutaw u japprovaw permessi – bil-potenzjal ta' dewmien u prattiki ħżiena;

K.  billi fis-27 ta' Awwissu 2014 Hana Shams Ahmed, koordinatur tal-International Chittagong Hill Tracts Commission (CHTC), u ħabib tiegħu ġew attakkati brutalment minn tmienja sa għaxar membri ta' Somo Odhikar Andolon waqt żjara privata fi Shoilopropat f'Bandarban fiċ-Chittagong Hill Tracts; billi l-erba' membri tal-Fergħa tal-Investigaturi (DB) tal-pulizija li suppost kienu qed jipprovdulhom sigurtà ma intervenewx, u anki sparixxew waqt li sar l-attakk;

L.  billi l-vjolenza etnika u reliġjuża motivata qed tkompli, inkluż attakk minn bosta tużżani ta' rġiel armati fil-bidu ta' Lulju 2014 fuq is-sorijiet tal-kunvent tal-Istitut Pontifikali ta' Missjonijiet Barranin (PIME) f'Boldipuku; billi waqt dan l-attakk insterqu oġġetti mill-kunvent, u s-sorijiet ġew attakkati fiżikament;

M.  billi mill-inqas erba' bloggers u żewġ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew mixlija fl-aħħar sentejn taħt is-sezzjoni 57 tal-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) Act;

N.  billi t-Tribunal tad-Delitti Internazzjonali (ICT) tal-Bangladexx, li huwa mistenni li jinvestiga delitti tal-gwerra konnessi mal-gwerra tal-indipendenza tal-Bangladexx ħareġ għaxar verdetti sa issa, inklużi tmien sentenzi tal-mewt u żewġ termini ta' ħabs għall-ħajja; billi l-politiku Iżlamiku Abdul Quader Mollah kien l-ewwel wieħed li ġie ġġustizzjat; billi teżisti kritika b'saħħitha u persistenti li l-ICT mhijiex konformi ma' standards internazzjonali; billi huwa stmat li hemm 'il fuq minn 1,000 ruħ ikkundannati għall-mewt fil-Bangladexx;

O.  billi wara l-kollass traġiku tal-fabbrika Rana Plaza f'April 2013, il-Gvern tal-Bangladexx u l-bejjiegħa bl-imnut tal-Punent stabbilixxew reġim għall-ispezzjoni ta' aktar minn 3,500 fabbrika tal-ħwejjeġ għall-integrità strutturali u s-sigurtà elettrika u kontra n-nirien; billi, filwaqt li l-ispezzjonijiet li twettqu mill-bejjiegħa bl-imnut tal-Punent kienu kontinwi u pubbliċi, dawk li twettqu mill-Gvern tal-Bangladexx s'issa għadhom ma sarux pubbliċi;

P.  billi l-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi stabbilit mill-Kumitat ta' Koordinazzjoni ta' Rana Plaza biex jassisti lill-vittmi u dawk li baqgħu ħajjin, li huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Bangladexx, l-industrija tal-ħwejjeġ. it-trade unions u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, u li huwa ppresedut mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, għadu ma laħaqx iċ-ċifra fil-mira tiegħu ta' 40 miljun dollaru Amerikan; billi, skont il-Kampanja 'Clean Clothes' huma biss nofs il-kumpaniji prinċipalment ibbażati fl-Ewropa u l-Istati Uniti u li għandhom rabtiet ma' fabbriki fil-binja Rana Plaza, li taw kontribuzzjonijiet lill-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi;

Q.  billi, minkejja ftit riformi tal-liġi tax-xogħol, il-ħaddiema qed ikomplu jagħmlu rapporti dwar fastidji u intimidazzjoni bil-għan li jitwaqqfu milli jissieħbu jew jiffurmaw union, u billi qed ikomplu jiġu rappurtati atti ta' vjolenza kontra l-organizzaturi tat-trade unions; billi skont l-Att dwar ix-Xogħol tal-2013 għadu mhuwiex aġġornat mal-istandards internazzjonali għal dak li jirrigwarda l-libertà ta' assoċjazzjoni, inklużi d-dritt għal strajk u negozjar kollettiv;

1.  Ifaħħar lill-Gvern tal-Bangladexx għall-progress li għamel lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, li rriżulta f'titjib sinifikattiv u reali għal miljuni ta' ċittadini; barra minn hekk, jirrikonoxxi l-fatt li dan it-titjib ġie rrealizzat taħt ċirkostanzi domestiċi diffiċli, li jinkludu t-theddida kostanti ta' attakki vjolenti minn gruppi radikali bħall-partit Jamaat-e-Islami affiljat mal-PNB; jilqa', f'dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Att ta' Prevenzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal fil-15 ta' Settembru 2014,

2.  Jesprimi, madankollu, tħassib dwar vjolazzjonijiet kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem mill-Rapid Action Battalion u forzi oħra tas-sigurtà, inkluż għajbien sfurzat u każi ta' qtil extraġudizzjarji ta' attivisti tal-oppożizzjoni; itenni s-sejħa tiegħu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u jilqa' s-sentenza tal-Qorti Suprema tas-16 ta' Settembru 2014 biex tibdel sentenza tal-mewt mit-tribunal Internazzjonali tad-Delitti kontra l-Viċi President ta' Jamaat-e-Islami, Delwar Hossain Sayedee, f'ħabs għal ħajtu

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jeħles immedjatament lil kulmin huwa suġġett għal għajbien sfurzat, sakemm ma jkunx jista' jiġi akkużat b'offiża kriminali rikonoxxibbli, f'liema każ għandu jinġieb immedjatament quddiem qorti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladexx jinvestigaw il-persuni responsabbli, filwaqt li jqisu r-responsabilità tal-kmand, u biex dawk li jinstabu li huma responsabbli, ssir ġustizzja magħhom fi proċess ġust; iħeġġeġ lill-Gvern jistabbilixxi korp indipendenti biex jinvestiga tali każijiet u jtenni s-sejħa tiegħu lill-Gvern biex jistabbilixxi kummissjoni tad-drittijiet tal-bniedem effettiva u kompletament indipendenti;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern juża forza mill-inqas biex jerġa' jikseb ordni pubbliku u biex jirrispetta b'mod strett il-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u l-Armi tan-Nar; jikkundanna bil-qawwa attakki vjolenti minn gruppi tal-oppożizzjoni kemm kontra l-popolazzjoni ċivili kif ukoll kontra l-Gvern; jistieden lill-gruppi tal-oppożizzjoni jingaġġaw biss fi protesti paċifiċi;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx iġib lura lill-forzi tas-sigurtà tal-istat, inkluż il-pulizija u r-Rapid Action Battalion (RAB), fil-konfini tal-liġi; jappella bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bangladexx iġibu fi tmiem l-impunità tal-RAB billi jordnaw investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet f'allegazzjonijiet ta' qtil illegali minn forzi tal-RAB jinnota li se jimmonitorja mill-qrib il-proċedimenti tal-każ ta' qtil Narayanganj, li b'konnessjoni miegħu tliet uffiċjali tal-RAB ġew arrestati u qed jistennew proċedimenti ġudizzjarji wara l-ħtif u l-qtil ta' seba' persuni f'Narayanganj f'April 2014;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex jissaħħaħ ir-rispett tal-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni, u r-riforma tat-Tribunal Internazzjonali tad-Delitti; jirrikonoxxi li huwa iktar importanti minn qatt qabel li tinbena fiduċja pubblika fil-ġudikatura, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem, meta titqies iż-żieda fit-theddidiet fir-reġjun minn organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-Al-Qaeda;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-liġi proposta dwar l-NGOs; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx ikompli bil-konsultazzjonijiet ma' gruppi indipendenti dwar il-kontenut ta' dan l-abbozz ta' liġi u jiżgura li, jekk eventwalment il-liġi tiġi adottata, tkun konformi mal-istandards internazzjonali u l-konvenzjonijiet tad-drittijiet ċivili li għalihom il-Bangladexx impenja ruħu;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx jirrikonoxxi u jirrispetta l-libertà tal-istampa u l-midja u jippermetti li l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom ir-rwol important tagħhom fit-tisħiħ tar-responsabilità u d-dokumentazzjoni ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx jirrevokaw il-politika ġdida tal-midja u jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jippermettu l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni;

9.  Huwa mħasseb ħafna dwar każijiet li qed jirrepetu ruħhom ta' vjolenza etnika u motivata mir-reliġjon; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx joffri protezzjoni u garanziji aħjar lill-minoranzi bħall-Ħindu, il-Buddisti u l-Insara, iżda wkoll il-Biharis; jilqa' l-arrest ta' persuni suspettati b'relazzjoni mal-attakk kriminali fuq il-kunvent f'Boldipuku;

10.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jiżgura l-infurzar ta' liġijiet tx-xogħol u jħeġġeġ riformi ulterjuri sabiex jinġiebu f'konformità ma' standards tal-ILO, partikolarment il-possibilità li ħaddiema jiffurmaw liberament trade unions u jissieħbu magħhom;

11.  Jinnota l-programmi ta' riforma fl-industrija tal-ilbies, iżda jħeġġeġ lill-Gvern jimplimenta bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni li ftiehem dwaru u li ffirma mal-ILO f' Mejju 2013, inkluż ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' spetturi u ispezzjonijiet dettaljati, permezz ta' rekords pubbliċi, tal-eluf kbar ta' fabbriki; iħeġġeġ lill-firmatarji tal-Ftehim dwar in-Nirien u s-Sikurezza fil-Bagladexx biex jirrispettaw l-impenji tagħhom, inkluż fir-rigward tal-kumpens finanzjarju għall-vittmi u l-istandards minimi;

12.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li minn Ġunju 2014 l-ammont totali miġbur minn donazzjonijiet ta' kumpaniji volontarji għall-Fondazzjoni Fiduċjarja ta' Donaturi huwa biss ta' 17-ilmiljun dollaru Amerikan, li jħalli 23 miljun dollaru pendenti; jikkonkludi, għalhekk, li l-prinċipju volontarju naqas lill-vittmi tad-diżastru ta' Rana Plaza u li mekkaniżmu mandatorju huwa meħtieġ urġentement;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza