Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0107/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0026

Testi adottati
PDF 302kWORD 73k
Il-Ħamis, 18 ta' Settembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Reazzjoni tal-UE għall-epidemija tal-Ebola
P8_TA(2014)0026RC-B8-0107/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ir-risposta tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola (2014/2842(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' 'emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali' tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-8 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għar-rispons tal-Ebola tal-WHO tat-28 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea dwar il-kriżi tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika tal-15 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tar-riskju għall-Ebola miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-27 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni dwar it-tfaqqigħ tal-Ebola' fil-Punent tal-Afrika mill-Kummissarju għas-saħħa, Tonio Borg tat-8 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola' mill-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva tal-5 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Avveniment ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni Ewropea biex tikkoordina r-rispons għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika tal-15 ta’ Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra il-missjoni tal-Unjoni Afrikana (UA), 'Appoġġ mill-UA għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika' (ASEOWA), stabbilita fil-21 ta' Awissu 2014,

–  wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ebola minn Dr Joanne Liu, President Internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières, fit-2 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Ministru għad-Difiża tal-Liberja, Brownie Samukai, quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-theddida li qed jirrappreżenta t-tfaqqigħ tal-Ebola għal pajjiżu,

–  wara li kkunsidra l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Settembru fejn il-krizi tal-Ebola se jkollha prominenza fl-aġenda,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Marda tal-Virus tal-Ebola (EVD), li qabel kienet magħrufa bħala d-deni emorraġiku Ebola, hija marda severa, ħafna drabi fatali fil-bniedmin;

B.  billi, mit-tfaqqigħ tal-Ebola li ġie ddikjarat uffiċjalment fit-22 ta' Marzu 2014 fil-Ginea, dan laħaq erba’ pajjiżi oħra (Liberja, Niġerja, Sierra Leone u Senegal), affettwa kważi 4 000 persuna u kkawża 'l fuq minn 2000 mwiet, filwaqt li jiġi kkunsidrat li hemm ukoll każijiet mhux irrappurtati ta’ persuni infettati bl-Ebola u mwiet;

C.  billi l-epidemija qed taċċellera malajr u tinfirex fir-reġjun tal-Punent tal-Afrika, għalkemm qed iseħħ tfaqqigħ separat tal-virus anke fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

D.  billi l-WHO tirrikonoxxi li t-tfaqqigħ ġie sottovalutat u tistima li l-għadd ta' pazjenti jista' jmur oltre l-20 000 tul it-3 xhur li ġejjin;

E.  billi l-WHO ħabbret li dan huwa l-ikbar tfaqqigħ f'termini ta' każijiet, imwiet u kopertura ġeografika, u ddikjarat il-kriżi bħala "emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali" li titlob rispons internazzjonali kkoordinat;

F.  billi hemm 4,5 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin li qed jgħixu fiż-żoni milqutin mill-virus tal-Ebola, u n-nisa (li jirrappreżentaw 75 % tal-każi) intlaqtu b'mod sproporzjonat mill-virus minħabba r-rwol tagħhom bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor;

G.  billi l-pjan direzzjonali tal-WHO jelenka għadd ta' miżuri ferm konkreti u immedjati bl-għan li jwaqqfu t-trażmissjoni tal-Ebola madwar id-dinja fi żmien sitt jew disa’ xhur, filwaqt li jġestixxu malajr il-konsegwenzi ta' kwalunkwe tixrid internazzjonali u jirrikonoxxu l-ħtieġa li, b'mod parallel, jiġi indirizzat l-impatt soċjoekonomiku usa' tat-tfaqqigħ;

H.  billi l-iktar NGOs attivi fil-post, il-Médecins Sans Frontières u l-International Federation of Red Cross u r-Red Crescent Societies, qed jikkritikaw l-isforzi internazzjonali billi qalu li dawn huma inadegwati b'mod perikoluż, peress li kapaċitajiet ferm limitati fil-post qed jirriżultaw f'nuqqasijiet kritiċi fl-aspetti kollha tar-rispons: kura medika ta' appoġġ, taħriġ tal-persunal tas-saħħa, kontroll tal-infezzjonijiet, traċċar tal-kuntatti, sorveljanza epidemoloġika, twissija u sistemi ta' riferiment, edukazzjoni komunitarja u mobilizzazzjoni;

I.  billi d-dipartiment tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DĠ DEVCO) u d-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili (DĠ ECHO) wiegħdu aktar minn EUR 147 miljun f'għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp biex irażżnu t-tixrid tal-virus, jipprovdu trattament u tagħmir bżonnjuż ħafna lil persuni infettati u jiskjeraw esperti umanitarji;

J.  billi EUR 11.9 miljun biss mill-EUR 147 miljun mwiegħda jindirizzaw speċifikament uħud mill-aktar bżonnijiet umanitarji urġenti;

K.  billi l-organizzazzjonijiet sħab fuq il-post kollha saħqu fuq il-fatt li, sabiex il-pazjenti jiġu iżolati u jingħataw il-kura, hemm ħtieġa urġenti mhux biss għal fondi, imma anke għal kapaċità operattiva, inklużi riżorsi umani kwalifikati u materjal loġistiku;

L.  billi l-Kummissjoni qed tissorvelja s-sitwazzjoni permezz taċ-Ċentru tagħha għall-Koordinament tar-Rispons għal Emerġenza (ERCC), li għandu jservi ta' pjattaforma għall-koordinament tal-assistenza tal-UE;

M.  billi esperti umanitarji tal-UE intbagħtu fir-reġjun biex jissorveljaw is-sitwazzjoni u jżommu kuntatt mall-organizzazzjonijiet imsieħba u l-awtoritajiet lokali;

N.  billi l-Istati Membri tal-UE għandhom il-kapaċità li jimmobilizzaw timijiet ta' rispons immedjat biex jiżguraw djanjosi bikrija, iżolament (każijiet suspetti u każijiet ikkonfermati fi swali differenti), il-monitoraġġ ta' persuni f'kuntatt u li jintraċċaw katini ta' trażmissjoni, miżuri ta' dfin, edukazzjoni u appoġġ lokali;

O.  billi l-pajjiżi affettwati diġà jsofru minn nuqqasijiet ta' ikel u ilma nadif u kollass ekonomiku kkawżat minn ostakli fil-kummerċ, it-titjiriet kummerċjali u l-ħidma tal-ħsad, wara t-tfaqqigħ tal-epidemija, u dan iwassal għal problemi soċjali, ħarb, kaos, theddid lill-ordni pubbliku u tifrix ulterjuri tal-virus;

P.  billi l-marda żvelat l-inadegwatezza serja tas-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi milqutin u l-bżonn urġenti ta' appoġġ biex jissaħħu;

1.  Jiddeplora l-imwiet fir-reġjun devastat mit-tfaqqigħ tal-Ebola u jestendi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-gvernijiet tal-pajjiżi u l-persuni affettwati mit-tfaqqigħ;

2.  Jikkunsidra li l-komunità internazzjonali għandha jkollha rwol akbar filwaqt li l-pajjiżi Afrikani għandhom jassumu wkoll is-sehem tagħhom tar-reponsabbiltà, peress li t-tfaqqigħ tal-Ebola toħloq sfida ta' sigurtà globali u mhijiex biss problema tal-Punent tal-Afrika iżda pjuttost hi problema fuq skala globali;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha u tikkoordina azzjonijiet mal-Istati Uniti biex tiġġieled t-tfaqqigħ tal-virus tal-Ebola; jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, flimkien mal-pajjiżi sħab affettwati, jikkunsidraw il-possibbiltà li jintużaw assi ta’ difiża militari u ċivili taħt it-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali u koordinati mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

4.  Jilqa' u jħeġġeġ ż-żieda fl-impenn finanzjarju li għadu għaddej tal-Kummissjoni f'termini ta' għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp b'rispons għall-kriżi, u speċjalment l-appoġġ tagħha għall-missjoni ASEOWA tal-Unjoni Afrikana;

5.  Ifaħħar il-ħidma li saret fuq l-art minn organizzazzjonijiet sħab minkejja l-isfidi u jilqa' l-kontribut kbir u l-għajnuna tagħhom għall-kontroll ta' dan it-tfaqqigħ.

6.  Ifakkar lill-Istati Membri li l-għajnuna finanzjarja pprovduta lill-pajjiżi affettwati m’għandhiex tkun askapitu tal-għajnuna għall-iżvilupp fit-tul iżda, minflok, għandha tkun kumplimentari;

7.  Jiddispjaċih dwar is-sottovalutazzjoni tal-kriżi min-naħa tal-komunità internazzjonali u d-dewmien fil-provvista ta' strateġija kkoordinata adegwata;

8.  Jilqa’ l-impenni li saru mill-Istati Membri fl-Avveniment ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta' Settembru 2014, u jħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea torganizza laqgħa ministerjali biex jiġi stabbilit pjan ta’ emerġenza għall-mobilizzazzjoni ta’ rispons mediku biex ikun hemm qbil u tiġi pprovduta għajnuna umanitarja mill-Istati Membri, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni;

9.  Jappella lill-Kummissjoni biex tfassal valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u pjanijiet imfassla apposta għall-pajjiż biex tiddetermina u tikkoordina d-domanda u l-użu ta’ persunal ikkwalifikat fil-qasam tas-saħħa, laboratorji mobbli, tagħmir tal-laboratorju, ħwejjeġ protettivi u ċ-ċentri ta' trattament ta' swali ta' iżolament;

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkordinaw titjiriet u jistabbilixxu pontijiet tal-arja li huma dedikati għaċ-ċaqliq ta' persunal u tagħmir tas-saħħa lejn il-pajjiżi u r-reġjun affetwati, u biex jipprovdu evakwazzjoni medika jekk hi neċessarja;

11.  Jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-kollaborazzjoni xjentifika u l-appoġġ teknoloġiku fiż-żoni affettwati minn dan it-tfaqqigħ, bl-għan li jiġu stabbiliti infrastrutturi kliniċi, epidemoloġiċi u dijanjostiċi, inkluż infrastruttura u sorveljanza sostenibbli, u li tingħata attenzjoni partikolari għall-involviment tal-persunal lokali, inkluż it-taħriġ;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni, permezz tal-ERCC, biex iżżomm kuntatt mill-qrib mal-ECDC, il-WHO u l-Istati Membri permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistemi ta' kontroll biex tiżgura li l-baġit sħiħ allokat lit-twaqqif tat-tfaqqigħ tal-Ebola jintuża verament biex tiġi miġġielda l-epidemija fil-pajjiżi affettwati mill-virus, u mhux għal skopijiet oħra;

14.  Jikkunsidra l-pjan direzzjonali għar-Rispons tal-Ebola tal-WHO bħala bażi għall-attivitajiet ta' prijorità, speċjalment ir-rispons differenzjat tal-pajjiżi b'trażmissjoni mxerrda ħafna, każijiet inizjali u pajjiżi ġirien fejn il-preparamenti għandhom jiġu msaħħa;

15.  Jilqa’ d-diskussjonijiet dwar kif l-isforzi tan-NU għaż-żamma tal-paċi jistgħu – bit-taħriġ xieraq – jappoġġaw ulterjorment il-ġlieda kontra l-Ebola fir-reġjun;

16.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jappoġġaw u jinkoraġġixxu lill-Unjoni Afrikana fir-rigward tal-bżonn ta’ pjan ta’ azzjoni olistiku, peress li s-sitwazzjoni qed tkompli tmur għall-agħar b'mod rapidu u qed taffettwa l-ekonomija kif ukoll l-ordni pubblika fil-pajjiżi kkonċernati, peress li l-kriżi tal-Ebola saret kumplessa, b’implikazzjonijiet politiċi, ta’ sigurtà, ekonomiċi u soċjali li jkomplu jaffettwaw ir-reġjun lil hinn sew mill-emerġenza medika attwali;

17.  Jenfasizza li l-kriżi attwali ma tistax tissolva mis-sistemi tas-saħħa waħedhom, iżda hemm bżonn ta' approċċ ikkonċentrat li jinvolvi d-diversi setturi (il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, s-sanitazzjoni, l-għajnuna għall-ikel) biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kritiċi fis-servizzi essenzjali kollha;

18.  Jemmen li l-persunal mediku lokali jrid jiġi involut fit-trattament tal-popolazzjoni affettwata u għandu joħloq kuntatt mal-popolazzjoni u l-persunal mediku internazzjonali;

19.  Jappella għal azzjoni edukattiva u informattiva biex jiżdied l-għarfien dwar is-sintomi u l-miżuri preventivi għall-faċilità tal-fiduċja u l-kooperazzjoni popolari mal-miżuri kontra l-Ebola, peress li l-informazzjoni u l-komunikazzjoni jikkostitwixxu aspett importanti tal-ġlieda kontra t-tfaqqigħ tal-Ebola;

20.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra l-Ebola ma tistax twassal għall-istigmatizzazzjoni tal-pazjenti superstiti fil-komunitajiet jew fil-pajjiżi;

21.  Jitlob lill-Istati Membri kollha jwettqu kontroll tal-infezzjonijiet rigorużi u, b'kooperazzjoni mal-ECDC, jipprovdu informazzjoni iktar kompluta lill-pubbliku dwar ir-riskji;

22.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkoordinaw u jsaħħu r-riċerka medika u l-produzzjoni ta' mediċini effiċjenti u titqib kontra l-Ebola, u jmexxu 'l quddiem il-provi kliniċi neċessarji għat-trattamenti kandidati eżistenti;

23.  Jitlob ukoll li ssir distinzjoni ċara bejn it-testijiet ta' tilqim tal-Ebola u t-trattament li jingħata lil persuni infettati mill-Ebola; jitlob li l-provi kliniċi tal-vaċċin għall-Ebola biex jirrispettaw ir-regoli fis-seħħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

24.  Jitlob lill-Kumitat għall-Iżvilupp biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet approfonditi għall-mitigazzjoni tal-konsegwenzi fit-tul tal-epidemija u jsaħħaħ is-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi affettwati sabiex jiġi evitat tfaqqigħ simili;

25.  Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni , lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Unjoni Afrikana, s-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Avviż legali - Politika tal-privatezza