Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2843(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0109/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0027

Testi adottati
PDF 325kWORD 96k
Il-Ħamis, 18 ta' Settembru 2014 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja u l-attakk tal-IS inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi
P8_TA(2014)0027RC-B8-0109/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi (2014/2843(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2170 (2014) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU S-22/L.1 (2014),

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Pariġi dwar is-sigurtà fl-Iraq u l-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku tal-15 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, li diġà kienet kritika, kompliet tmur għall-agħar bħala konsegwenza tal-okkupazzjoni ta' partijiet tat-territorji tagħhom mill-grupp terrorist ġiħadist li nqata' minn mal-Al-Qaeda, l-Istat Iżlamiku (IS); billi l-karattru transnazzjonali tal-IS u l-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu jirrappreżenta theddida lill-bqija tar-reġjun; billi t-tħassib dwar il-benessri ta' dawk li għadhom maqbuda f'żoni kkontrollati mill-forzi tal-IS qed jiżdied;

B.  billi d-diżintegrazzjoni tal-fruntiera ta' bejn l-Iraq u s-Sirja, forniet lill-IS b'opportunitajiet biex itejjeb il-preżenza tiegħu fiż-żewġ pajjiżi; billi l-IS, matul dawn l-aħħar xhur, espanda l-konkwista territorjali tiegħu mil-Lvant tas-Sirja sal-Majjistral tal-Iraq, inkluża t-tieni l-akbar belt tal-Iraq, Mosul; billi fid-29 ta' Ġunju 2014 ġie rrapportat li l-IS ipproklama 'l-kalifat', jew 'l-Istat Iżlamiku', fit-territorji tal-Iraq u s-Sirja li jikkontrolla, u billi l-kap tiegħu, Abdu Bakr al-Baghdadi, iddikkjara lilu nnifsu bħala kalif; billi l-IS ma jirrikonoxxix fruntieri aċċettati internazzjonalment u ddikjara l-intenzjoni li jifrex il-"kalifat Iżlamiku" lejn pajjiżi oħra b'maġġoranza Musulmana;

C.  billi l-konkwista tat-territorji fl-Iraq u s-Sirja wara l-impożizzjoni tal-interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Xarija; billi l-ksur sejru tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali sar f'żoni li jinsabu taħt il-kontroll tal-IS u l-gruppi assoċjati miegħu, inklużi l-qtil immirat, l-konverżjonijiet furzati, s-sekwestri, il-bejgħ tan-nisa, it-tjassir tan-nisa u t-tfal, ir-reklutaġġ tat-tfal għall-attakki suwiċida bil-bombi, l-abbuż sesswali u fiżiku u t-tortura; billi l-IS qatel lill-ġurnalisti James Foley u Steven Sotloff, u l-ħaddiem umanitarju David Haines; billi l-komunitajiet tal-Insara, il-Yezidi, it-Turkmeni, x-Shabak, il-Kaka’e, is-Sabian u x-Shi’a qegħdin fil-mira tal-IS, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti; billi l-moskej, il-monumenti, is-santwarji, il-knejjes u postijiet oħra ta' qima, l-oqbra u ċ-ċimiterji, kif ukoll siti arkeoloġiċi u siti ta' wirt kulturali nqerdu deliberatament;

D.  billi l-Iraqini Nsara reċentement kienu vittimi ta' persekuzzjoni u ċċaħħdu mid-drittijiet fundamentali tagħhom u ġew mġiegħla jitilqu minn djarhom u jsiru rifuġjati minħabba r-reliġjon u t-twemmin tagħhom; billi skont l-Open Doors International, in-numru ta' Insara fl-Iraq naqas b'mod sinifikanti minn 1.2 miljuni fil-bidu tal-1990 għal bejn 330 000 u 350 000 fil-preżent; billi qabel ma beda l-kunflitt fis-Sirja, fil-pajjiż kienu jgħixu madwar 1,8 miljun Insara; billi mindu beda l-kunflitt ġew spostati minn tal-inqas 500 000 Insara;

E.  billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) madwar 1,4 miljun persuna ġew spostati internament fl-Iraq din is-sena u madwar 1,5 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi ż-żieda qawwija tal-IS ipproduċiet kriżi umanitarja, notevolment l-ispustament massiv taċ-ċivili; billi fit-12 ta' Awwissu 2014 l-UE ddeċidiet li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b'EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spostati, b'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 17-il miljun; billi l-UE qed tkompli żżid ulterjorment l-għajnuna umanitarja u stabbiliet pont tal-imbark bejn Brussell u Erbil;

F.  billi skont in-NU 'l fuq minn 191 000 ruħ mietu fis-Sirja fil-kunflitt; billi skont l-OCHA huwa stmat li hemm aktar minn 6.4 miljun persuna spostata internament fis-Sirja, u aktar minn 3 miljun refuġjat Sirjan, prinċipalment fil-Libanu (1.170 miljun refuġjat), it-Turkija (832,000 refuġjat), il-Ġordan (613,000 refuġjat), l-Iraq (21,500 refuġjat) u l-Eġittu u l-Afrika ta' Fuq (162,000 refuġjat); Billi skont l-Uffiċċju għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili (ECHO) madwar 10,8 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi, s'issa, l-UE kkontribwixxiet b'EUR 150 miljun f'għajnuna umanitarja għall-vittmi tal-kriżi Sirjana;

G.  billi mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ħafna mill-Istati Membri tal-UE, issieħbu fil-ġlied man-naħa tal-IS; billi dawn iċ-ċittadini tal-UE huma identifikati bħala riskju għas-sigurtà mill-gvernijiet tal-Istati Membri;

H.  billi l-UE rrikonoxxiet il-piż li tqiegħed fuq ir-reġjun tal-Kurdistan u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, li qed jospita numru kbir ta' persuni spostati internament;

I.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) iddikkjara li se jibqa' diffiċli ferm li wieħed jopera fiż-żona biex iċ-ċivili u r-refuġjati jingħataw l-għajnuna xierqa li għandhom bżonn; billi huwa importanti li li l-eluf ta' mijiet ta' refuġjati Sirjani u Iraqini isibu kenn qabel ma tidħol ix-xitwa;

J.  billi l-UE tenniet l-impenn sod tagħha lejn l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq;

K.  billi l-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern li pparteċipaw fis-Summit tan-NATO tal-4 u l-5 ta' Settembru 2014 stqarru li l-preżenza tal-IS, kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq, hija theddida għall-istabbiltà reġjonali, u li l-popli tas-Sirja u dak tal-Iraq u fi bnadi oħra tar-reġjun jeħtieġu l-appoġġ tal-komunità internazzjonali biex jikkontrastaw din it-theddida;

L.  billi l-possibbiltà tqajmet biex isiru attakki mill-ajru fil-Lvant tas-Sirja; billi fil-laqgħa tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014, tfasslet koalizzjoni kontra l-IS; billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħalissa qed jaħdem fuq strateġija reġjonali komprensiva li tindirizza t-theddida mill-IS; billi fl-10 ta' Settembru 2014 il-President Amerikan Obama tal-Istati Uniti żvela l-istrateġija tiegħu għall-ġlieda kontra l-IS, li tinkludi, fost azzjonijiet oħra, kampanja sistematika ta' attakki mill-ajru kontra elementi IS "ikunu fejn ikunu", inkluż fis-Sirja, appoġġ akbar għall-forzi tal-alleati fuq l-art li qed jiġġieldu kontra l-IS, u sforzi akbar kontroterroristiċi mmirati biex jaqtgħu kull finanzjament lill-grupp; billi l-Lega Għarbija wiegħdet li se ssaħħaħ il-kooperazzjoni biex tgħeleb lill-IS fis-Sirja u fl-Iraq;

M.  billi l-IS irnexxielu jikseb sorsi ta' dħul sinifikanti minn sakkeġġi ta' banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, waqt li ħa f'idejh sitt bjar taż-żejt fis-Sirja, fosthom l-ikbar faċilità taż-żejt tas-Sirja, al-Omar, qrib il-fruntiera mal-Iraq u qed jirċievi wkoll fondi mingħand donaturi għonja li l-biċċa l-kbira tagħhom huma mir-reġjun;

N.  billi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittjiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, inkluż id-dritt għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin, huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-UE u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi;

1.  Jinsab imħasseb ferm dwar id-deterjorament tas-sigurtà u s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja bħala riżultat tal-okkupazzjoni ta' partijiet tat-territorju tagħhom mill-IS; ikkundanna bil-qawwa l-qtil indiskriminat u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn din l-organizzazzjoni u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra kontra minoritajiet reliġjużi u erniċi u l-gruppi l-aktar vulnerabbli; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra miri ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel u postijiet ta' qima, u l-użu tal-eżekuzzjonijiet u l-vjolenza sesswali mill-IS fl-Iraq u s-Sirja; jenfasizza l-fatt li m'għandu jkun hemm l-ebda impunità għan-nies li jagħmlu dawn l-atti;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tal-ġurnalisti James Foley u Steven Sotloff u l-ħaddiem umanitarju David Haines mill-IS u jesprimi tħassib serju dwar is-sikurezza ta' dawk li għadhom maqbuda mill-estremististi; jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawn il-vittmi u lill-familji tal-vittmi kollha tal-kunflitt;

3.  Jenfasizza li l-attakki sistematiċi u fuq skala wiesgħa mmirati fuq iċ-ċivili minħabba l-appartenenza etnika jew politika, ir-reliġjon, it-twemmin u s-sess tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu delitt kontra l-umanità; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' persekuzzjoni, diskriminazzjoni u l-intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin, u l-atti ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi kollha; jisħaq, għal darba oħra, dwar il-fatt li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

4.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-vittmi tal-intolleranza reliġjuża u l-mibegħda; jesprimi s-solidarjetà tiegħu lejn il-membri tal-komunitajiet Insara li qed ikunu vittmi ta' persekuzzjoni u jħabbtu wiċċhom mal-periklu tal-estinzjoni f'art twelidhom, l-Iraq u s-Sirja, kif ukoll lejn minoranzi reliġjuzi oħra vittmi ta' persekuzzjoni; jikkonferma l-appoġġa tiegħu lejn id-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali fejn twieldu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw fil-libertà ir-reliġjon tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li d-delitti li saru fuq il-minoranzi Nsara bħall-Assirjani, is-Sirijaċi u l-Kaldej, kif ukoll il-Yezidi u l-Musulmani Xiiti, huwa l-aħħar sforz tal-IS biex iwettqu persekuzzjoni reliġjuża kompleta fl-għeruq taċ-ċiviltà u l-Kristjanità; jinnota li, għal-sekli sħaħ, il-gruppi reliġjużi differenti f'dan ir-reġjun kienu jikkoeżistu b'mod paċifiku;

5.  Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mill-mexxej tal-ISIS li huwa waqqaf kalifat fiż-żoni li issa jikkontrolla; jenfasizza li l-ħolqien u l-espansjoni tal-"kalifat Iżlamiku", kif ukoll l-attivitajiet ta' gruppi estremisti oħra fl-Iraq u s-Sirja, hu theddida diretta għas-sigurtà tal-pajjiżi Ewropej; jirrifjuta n-nozzjoni ta' kwalunkwe bidla unilaterali tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment permezz tal-forza; jisħaq mill-ġdid li l-IS huwa soġġett għal embargo fuq l-armi u ffriżar tal-assi imposti mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1267 (1999) u 1989 (2011), u jissottolinja l-importanza ta' implimentazzjoni fil-pront u effikaċi ta' dawn il-miżuri; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra użu aktar effikaċi tal-miżuri restrittivi eżistenti, b'mod partikolari biex iċaħħad lill-IS il-benefiċċji ta' bejgħ illeċitu taż-żejt jew bejgħ illeċitu ta' riżorsi oħra fis-swieq internazzjonali; jinsab imħasseb ħafna dwar allegazzjonijiet li atturi f'xi Stati Membri tal-UE huma involuti f'kummerċ illeċitu ta' żejt mal-IS; jistaqsi lill-Kummissjoni jekk tistax tikkonferma dawn l-allegazzjonijiet u jekk huwa l-każ, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kummerċ illeċitu taż-żejt jintemm immedjatament;

6.  Jikkundanna l-użu u l-isfruttament tal-bjar taż-żejt u l-infrastruttura relatata mill-IS u gruppi assoċjati, fatt li jippermetti lill-IS jiġġenera introjtu sostanzjali, u jħeġġeġ lill-istati kollha jżommu mar-riżoluzzjonijiet 2161 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jikkundannaw il-kummerċ dirett jew indirett kollu mal-IS u gruppi assoċjati; jinsab imħasseb li l-IS qed jiġġenera introjtu permezz tal-bejgħ taż-żejt; jieħu nota tal-intenzjoni tal-UE li tissikka s-sanzjonijiet biex l-IS ma jkunx jista' jbiegħ iż-żejt; jappella għalhekk lill-UE timponi sanzjonijiet fuq dawk kollha (il-gvernijiet u l-kumpaniji pubbliċi jew privati) involuti fit-trasport, it-trasformazzjoni, l-irfinar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' żejt estratt f'żoni ikkontrollati mill-IS, flimkien ma' kontrolli stretti fuq il-flussi finanzjarji sabiex jiġu evitati l-attività ekonomika u l-isfruttament tar-rifuġji fiskali min-naħa tal-IS;

7.  Jilqa' l-appell li għamlu l-Federazzjonijiet Iżlamiċi Franċiżi kollha fit-8 ta' Settembru 2014, kif ukoll l-appelli minn komunitajiet Iżlamiċi oħra, li b'mod inekwivoku u mingħajr kundizzjonijiet jikkundannaw l-istrumentalizzazzjoni tal-Iżlam mill-gruppi terroristiċi estremisti biex jiġġustifikaw il-vjolenza, l-intolleranza u d-delitti li jwettqu kontra l-umanità;

8.  Jistieden lill-partijiet kollha tal-kunflitt fl-Iraq jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u jżommu mal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jingħata appoġġ u għajnuna umanitarja immedjati lill-persuni spostati tal-Iraq;

9.  Jilqa' l-isforzi tal-Istati Uniti u tal-istati kollha l-oħra li qed jagħtu l-kontribut tagħhom biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali tal-Iraq fil-ġlieda tagħhom kontra l-IS, iwaqqfu lill-IS milli jkompli javvanza u jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ umanitarju; jilqa' t-talba tal-Istati Uniti għal koalizzjoni internazzjonali kontra l-IS, li qed iżid fil-poter; jilqa' d-deċiżjoni li ttieħdet mil-Lega Għarbija fis-7 ta' Settembru 2014 biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa għal konfrontazzjoni mal-IS u kooperazzjoni mal-isforzi internazzjonali, reġjonali u nazzjonali biex jiġu miġġielda l-militanti fis-Sirja u l-Iraq, u biex tiġi approvata r-riżoluzzjoni 2170 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lil-Lega Għarbija tiddiskuti l-emendar tal-Konvenzjoni Għarbija għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-1998, biex b'hekk tkun tista' tiġġieled it-terroriżmu globali b'kull mezz;

10.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tassisti lill-awtoritajiet tal-Iraq, inkluż billi tipprovdi protezzjoni militari lill-gruppi partikolarment vulnerabbli, sabiex jiżguraw il-protezzjoni u l-assistenza lil dawk li qed jaħarbu miż-żoni milquta mit-terroriżmu, b'mod partikolari membri ta' gruppi vulnerabbli u membri ta' komunitajiet etniċi u reliġjużi; jistieden lill-atturi reġjonali kollha jikkontribwixxu lejn l-isforzi għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabbiltà fl-Iraq; ifakkar li għandu jkun l-impenn u r-responsabilità finali tal-atturi reġjonali kollha, kif ukoll tal-UE, li jagħmlu ħilthom kollha biex jiggarantixxu r-ritorn tal-minoranzi tradizzjonali u taċ-ċittadini kollha lejn fejn kienu joqogħdu qabel ma kellhom jaħarbu; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jassistu lill-awtoritajiet tal-Iraq u dawk lokali bil-mezzi kollha possibbli, inkluża assistenza militari adegwata, sabiex irażżnu u jimbuttaw lura l-espansjoni terroristika u aggressiva tal-IS; jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni koordinata min-naħa tal-pajjiżi fir-reġjun biex tiġi miġġielda t-theddida tal-IS; jistieden lill-atturi reġjonali kollha jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha minn entitajiet uffiċjali jew privati maħsuba biex ixerrdu ideoloġiji Iżlamisti estremi; jistieden lit-Turkija timpenja ruħha b'mod ċar u mhux ambigwu li tiġġieled it-theddida komuni għas-sigurtà li qed jippreżenta l-IS; jistieden lill-UE tiffaċilita djalogu reġjonali dwar il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Lvant Nofsani u tinkludi l-partijiet sinifikanti kollha, b'mod partikolari l-Iraq u l-Arabja Sawdija;

11.  Jilqa' l-mobilizzazzjoni taċ-Ċentru Ewropew ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni għall-Emerġenzi u l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili fuq talba tal-gvern tal-Iraq; jilqa' l-għajnuna umanitarja tal-UE lill-Iraq u s-Sirja; jitlob għajnuna umanitarja addizzjonali għall-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitt, inklużi l-Kurdi Sirjani;

12.  Jistieden lill-partijiet kollha tal-kunflitt fis-Sirja, b'mod partikolari r-reġim tas-Sirja, jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, iżommu mal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem, jiffaċilitaw il-forniment tal-għajnuna umanitarja u l-assistenza permezz tal-kanali kollha possibbli, inkluż min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u l-linji tal-kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u tal-ħaddiema umanitarji; ifaħħar ir-rwol tal-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija għall-fatt li jaċċettaw ir-refuġjati; jistieden lill-komunità internazzjonali tkun aktar attiva u disponibbli fir-rigward tal-qsim tal-piżijiet u tipprovdi appoġġ finanzjarju dirett lill-pajjiżi ospitanti; jistieden lill-UE tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom b'mod rapidu; jilqa' l-impenji mill-Istati Membri, peress li l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna finanzjarja u s-sors ta' wegħdiet futuri;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati l-possibiltajiet kollha biex it-theddida tal-IS tiġi miġġielda b'mod effettiv, b'rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali; jenfasizza li fuq perjodu ta' żmien twil hija biss soluzzjoni politika dejjiema u inklużiva li tinvolvi tranżizzjoni paċifika lejn gvern ġenwinament rappreżentattiv fis-Sirja li tista' tgħin tinnewtralizza t-theddida tal-IS u organizzazzjonijiet estremisti oħra;

14.  Jistieden lill-partijiet kollha tal-kunflitt fis-Sirja jirrispettaw il-mandat tal-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti Inkarigata mill-Osservanza tad-Diżimpenn u jiżguraw is-sikurezza u l-libertà tal-moviment tat-truppi tan-NU, inkluż dawk mill-Istati Membri tal-UE; jikkundanna l-fatt li 45 ħaddiem għaż-żamma tal-paċi mill-Fiġi nżammu minn grupp armat; jilqa' l-ħelsien tal-ħaddiema għaż-żamma tal-paċi fil-11 ta' Settembru 2014;

15.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Koordinatur Speċjali għall-Missjoni Konġunta tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi u n-Nazzjonijiet Uniti (OPCW-NU), fejn intqal li 96 % tal-armi kimiċi Sirjani nqerdu; jitlob li l-armi li fadal jiġu diżattivati f'konformità mal-Qafas għall-Eliminazzjoni tal-Armi Kimiċi tas-Sirja;

16.  Jilqa' d-deċiżjoni meħuda minn Stati Membri individwali li jirreaġġixxu b'mod pożittiv għat-talba tal-awtoritajiet reġjonali Kurdi biex jipprovdulhom materjal militari b'mod urġenti; jisħaq fuq il-fatt li dawn ir-reazzjonijiet isiru skont il-kapaċitajiet u l-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri u għandhom il-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Iraq; jistieden lil dawk l-Istati Membri li qed jipprovdu materjal militari lill-awtoritajiet reġjonali Kurdi biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jimplimentaw miżuri effikaċi ta' monitoraġġ sabiex jevitaw li dan il-materjal jinxtered mingħajr kontroll u li jintuża kontra persuni ċivili;

17.  Itenni t-tħassib tiegħu li eluf ta' ġellieda barranin transnazzjonali, inklużi ċittadini tal-Istati Membri, issieħbu fir-rewwixta tal-IS; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex lill-ġellieda ma jħalluhomx jivvjaġġaw minn arthom, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jiżviluppaw strateġija komuni għas-servizzi ta' sigurtà u l-aġenziji tal-UE biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jitlob kooperazzjoni fil-livell tal-UE u dak internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwalunkwe individwu suspettat li jkun involut f'atti ta' terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll ma' korpi tal-UE, u jiżguraw kooperazzjoni effiċjenti mat-Turkija; jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, l-estensjoni, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid;

18.  Jilqa' l-ħolqien ta' gvern ġdid u inklużiv fl-Iraq, kif ukoll l-adozzjoni tal-programm ministerjali; jappoġġa l-isforzi tal-Prim Ministru biex jiffinalizza l-formazzjoni tal-gvern; jistieden lill-gvern ikun verament rappreżentattiv, b'aġenda inklużiva; jenfasizza li l-gvern għandu jirrappreżenta kif jixraq id-diversità politika, reliġjuża u etnika tas-soċjetà tal-Iraq, inkluża l-minoranza Sunnita, biex jieqaf it-tixrid tad-demm u l-frammentazzjoni tal-pajjiż; jistieden lill-parteċipanti kollha jaħdmu flimkien fl-interess tal-istabbiltà politika u l-paċi, u sabiex jiġi miġġieled l-irvell tal-IS; jissottolinja l-fatt li l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali biex ikun hemm stabbiltà u żvilupp ekonomiku fil-pajjiż u r-reġjun;

19.  Jistieden lill-Gvern u l-Parlament tal-Iraq jeżaminaw mill-ġdid b'mod urġenti l-leġiżlazzjoni u l-prattika legali, jagħmlu riforma tas-sistema ġudizzjarja u tas-sistema tas-sigurtà tal-pajjiż, u jimplimentaw politiki inklużivi fil-konfront tal-Iraqini kollha, sabiex itemmu l-politika ta' diskriminazzjoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jindirizzaw il-qagħda tan-nisa fl-Iraq u s-Sirja, jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet l-aktar fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, b'mod partikolari ż-żwieġ bikri tal-bniet; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li żdiedet kull xorta ta' vjolenza kontra n-nisa Yazidi, li qed jiġu miżmuma f'ħabsijiet, stuprati, abbużati sesswalment u mibjugħa mill-membri tal-IS;

21.  Jesprimi tħassib dwar l-għadd dejjem jikber ta' każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal u żgħażagħ fl-Iraq u s-Sirja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha flimkien ma' sħab, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, biex jitħejja programm komprensiv li jindirizza l-ħtieġa li jitħarsu t-tfal u n-nisa milquta mill-kunflitt armat;

22.  Jappoġġa t-talba tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tintbagħat b'urġenza missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga l-ksur u l-abbużi tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li wettqu l-IS u gruppi terroristiċi assoċjati, u tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn l-abbużi u l-ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata reponsabilità sħiħa;

23.  Jibqa' konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja u fl-Iraq jekk il-partijiet kollha ma jieħdux ir-responsabilità tad-delitti li twettqu miż-żewġ naħat matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk imwettqa għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi; itenni l-appell tiegħu sabiex dawk suspettati li wettqu delitti kontra l-umanità fis-Sirja u fl-Iraq jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jappoġġa kull inizjattiva f'dan ir-rigward;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lir-Rappreżentanti tal-Kunsill tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0023.

Avviż legali - Politika tal-privatezza