Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2014/2844(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Awwissu 2014 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar il-Libja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-Pakkett tal-PEV dwar il-Libja ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-ħatra ta' Bernardino León bħala r-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja fl-14 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1970, 1973 (2011) u 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru 2014 tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) intitolat "Ħarsa ġenerali lejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja" ("Overview of violations of international human rights and humanitarian law during the ongoing violence in Libya"),
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Mibgħuta Speċjali għal-Libja tal-Lega Għarbija, l-Unjoni Ewropea, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti man-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta' Lulju 2014 bil-għan li jiddiskutu l-iżviluppi reċenti fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari Libjani li saru f'Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li l-partijiet involuti f'kunflitt armat għandhom biex jirrispettaw u jiżguraw ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sikurezza u l-Persunal Assoċjat, u l-Protokott Fakultattiv tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2013 li ħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM),
– wara li kkunsidra r-ratifika tal-Libja fil-25 ta' April 1981 tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li tirregola l-Aspetti Speċifiċi tal-Problemi tar-Rifuġjati fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Libjani niżlu fit-toroq fi Frar 2011 biex jitolbu d-drittijiet politiċi tagħhom, u ħabbtu wiċċhom ma' repressjoni mill-istat mingħajr diskriminazzjoni li tat bidu għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili u għat-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi; billi fil-ġimgħat li għaddew kien hemm deterjorament qawwi fis-sitwazzjoni tas-sigurtà u l-istabilità politika tal-Libja kif ukoll fis-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem;
B. billi l-iskontri bejn il-forzi tal-milizja rivali, speċjalment minn Misurata u Zintan, żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, u l-ġlied għall-kontroll ta' Tripli u Bengażi, b'mod partikolari, iddestabilizza lil-Libja u t-tranżizzjoni tagħha lejn id-demokrazija, u kkawżaw, f'numri dejjem jiżdiedu, imwiet fost il-popolazzjoni ċivili, persuni spostati internament u rifuġjati; billi l-UNSMIL tikkalkula li tal-inqas 100 000 Libjan ġew spustati internament mill-aħħar mewġa ta' ġlied u 150 000 oħra, inkluż ħafna ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż;
C. billi fl-24 ta' Awwissu 2014 il-forzi tal-milizja affiljati mal-Iżlamisti ħadu taħt idejhom Tripli u l-ajruport ċivili tagħha; billi l-milizji affiljati mal-Iżlamisti huma assoċjati mal-gruppi armati, bħall-Istat Iżlamiku, l-AQIM, al-Jammaa al-Libiya, al-Moukatila u Ansar al-Charia,
D. billi l-ġlied reċenti jżid il-possibilità ta' theddida ta' tixrid tal-gruppi terroristiċi; billi jekk ma jinstabx tarfu, dan jaf jaggrava s-sitwazzjoni li diġà hija instabbli fir-reġjun tal-madwar;
E. billi l-Libja qiegħda tħabbat wiċċha mal-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn gruppi armati lokali, inklużi attakki fuq ċivili u proprjetà ċivili li jinkludu ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem, li f'xi każijiet jekwivalu għal delitti tal-gwerra; billi, skont rapporti, għexieren ta' ċivili nsterqu fi Tripli u f'Bengażi sempliċement minħabba l-affiljazzjonijiet, reali jew suspetta, tribali, familjari jew reliġjużi; billi dawk li qegħdin jikkommettu l-atti ta' vjolenza dehru li ma tawx kas l-impatt eventwali ta' azzjonijiethom fuq iċ-ċivili innoċenti;
F. billi tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qiegħda tiddeterjora fil-pajjiż kollu, inkluż il-każijiet ta' detenzjoni arbitrarja, ħtif ta' persuni, qtil illegali, tortura u vjolenza kontra ġurnalisti, uffiċjali, personaġġi politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-qtil brutali tal-attivist prominenti Salwa Bugaighis;
G. billi l-ġlied reċenti wassal għal deterjorament ġenerali tal-kundizzjonijiet ta' għajxien fil-Libja, bi skarsezza fil-provvista ta' ikel, fjuwil, ilma u elettriku; billi t-tluq tal-persunal mediku barrani u l-iskarsezza tal-provvisti mediċi għamlu s-sitwazzjoni mwiegħra taċ-ċivili aktar kritika;
H. billi minn Diċembru 2013 għadd ta' ċittadini barranin inqatlu jew inħatfu kaġun tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà; billi f'Awwissu 2014 bosta gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE ngħaqdu mal-Istati Uniti fil-kundanna b'saħħitha tal-vjolenzi li qegħdin isiru bħalissa fil-Libja;
I. billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi saru fil-25 ta' Ġunju 2014; billi, wara l-episodji ta' vjolenza reċenti, il-Kamra tar-Rappreżentanti eletta b'mod leġittimu, li ħadet post l-ex Kungress Nazzjonali Ġenerali, mexxewha minn Tripli għal Tobruk, u billi l-milizji Iżlamisti ma jirrikonoxxu la l-Kamra tar-Rappreżentanti u l-anqas il-Gvern il-ġdid, u fformaw il-gvern u l-parlament tagħhom,
J. billi, skont il-mezzi tax-xandir tal-Istat Libjan, l-Assemblea Kostitwenti, eletta fi Frar 2014 u magħmula minn 60 rappreżentant mit-tliet reġjuni storiċi tal-Libja, se tippubblika abbozz ta' kostituzzjoni fi tmiem l-2014 u jista' jsir referendum dwaru f'Marzu 2015,
K. billi hemm il-bżonn urġenti li terġa' tinġieb il-kredibilità lill-proċess politiku fil-Libja; billi x-xettiċiżmu mifrux fost il-Libjani komuni rriżulta f'erożjoni tal-kredibilità u f'parteċipazzjoni baxxa f'dawn l-aħħar elezzjonijiet; billi t-theddida għall-proċess demokratiku, li bdiet wara l-waqgħa tal-Kurunel Gaddafi, qiegħda tikber minħabba l-vjolenza reċenti;
L. billi l-UNSMIL ingħatat il-kompitu tal-isforz prinċipali għall-bini tal-istat, u l-Unjoni Ewropea kkonċentrat fuq l-appoġġ għal-Libja permezz tal-EUBAM;
M. billi jeżistu rapporti ta' involviment mill-estern fil-vjolenza fil-Libja, anki fil-forma ta' azzjoni militari u l-forniment ta' armi u munizzjon kif ukoll azzjonijiet imwettqa li jaggravaw id-diviżjonijiet lokali, b'hekk iħallu impatt fuq l-istrutturi dgħajfa tal-governanza u għalhekk jippreġudikaw it-tranżizzjoni demokratika tal-Libja; billi xi Stati tal-Golf u u xi atturi reġjonali oħrajn issa qegħdin jappoġġaw il-parijiet rivali fl-irvellijiet interni Libjani li qegħdin jiħraxu;
N. billi r-riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tawtorizza l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' assi kontra "individwi u entitajiet li, skont kif stabbilixxa l-Kumitat jinvolvu ruħhom jew jaġevolaw atti oħra li jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jostakolaw jew jipperikolaw is-suċċess tal-proċess sħiħ tat-tranżizzjoni politika";
O. billi mijiet ta' migranti u rifuġjati, li qed jaħarbu mill-vjolenza fil-Libja, qed ikunu rappurtati mejta waqt li jkunu qegħdin jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, fatt li jwassal għal kriżi ewlenija ta' rifuġjati fl-Italja u f'Malta; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) jirrapporta li 1 600 ruħ mietu minn Ġunju waqt li kienu qegħdin jippruvaw jilħqu l-Ewropa; billi l-Libja hi l-punt ta' tluq primarju għall-migranti li qegħdin jippruvaw jilħqu l-Ewropa; billi skont l-istimi tal-UNHCR, mill-bidu tas-sena, kważi 98 000 ruħ minn madwar 109 000 li waslu fl-Italja hu mifhum li telqu mil-Libja; billi 500 migrant ieħor aktarx li mietu wara li d-dgħajsa tagħhom ġiet irrapportata li ntlaqtet minn bastiment ieħor viċin Malta fil-15 ta' Settembru 2014;
P. billi fis-26 ta' Frar 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti rrefera s-sitwazzjoni fil-Libja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi fis-27 ta' Ġunju 2011, il-QKI ħarġet tliet mandati ta' arrest għal Muammar Gaddafi, Saif al-Islam Gaddafi u Abdullah al-Senussi għal delitti kontra l-umanità; billi l-kumplament tal-persuni suspettati mhumiex taħt il-kustodja tal-Qorti; billi l-awtoritajiet Libjani insistew li dawn jiġu proċessati fis-sistema ġudizzjarja nazzjonali Libjana;
Q. billi fil-25 ta' Awwissu 2014 l-Eġittu organizza t-tielet laqgħa ministerjali għall-pajjiżi ġirien tal-Libja, li laqqgħet il-Ministri tal-Affarijiet Barranin mil-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija, is-Sudan, in-Niġer u ċ-Ċad, kif ukoll il-Lega Għarbija, bil-għan li tiġi diskussa l-kriżi Libjana; billi l-forum ħareġ stqarrija għall-istampa li terġa' tafferma l-leġittimità tal-istituzzjonijiet Libjani, tirrespinġi l-indħil barrani, tappella għad-diżarm tal-milizji u tipproponi l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' sanzjonijiet gradwali fil-konfront ta' individwi jew entitajiet li jimblukkaw il-proċess politiku;
1. Jikkundanna l-vjolenza li dejjem qegħda tiżdied, b'mod partikolari kontra l-popolazzjoni ċivili u l-istituzzjonijiet ċivili; jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu l-vjolenzi kollha minnufih u jaqblu dwar waqfien mill-ġlied bil-għan li jtemmu t-tbatija dejjem agħar tal-popolazzjoni u jinvolvu ruħhom fi djalogu politiku nazzjonali inklużiv biex jinbena Stat ibbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jistieden li dawk kollha responsabbli mill-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali jirrispondu għal azzjonijiethom; jinsab inkwetat ferm u jesprimi s-solidarjetà sħiħa mal-poplu u mal-istituzzjonijiet ċivili Libjani li qegħdin ibatu;
2. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirrispettaw il-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza sabiex jiżguraw l-għoti ta' assistenza umanitarja, is-sikurezza taċ-ċivili li qiegħed jirċievi l-assistenza u s-sigurtà tal-persunal umanitarju;
3. Ifakkar li l-partijiet kollha fil-Libja jridu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni taċ-ċivili f'kull ħin, u li d-detenuti kollha għandhom jiġu ttrattati b'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt umanitarju internazzjonali; ifakkar li l-attakki intenzjonalment diretti kontra l-persunal involut fl-assistenza umanitarja jew f'missjoni ta' żamma tal-paċi b'konformità mal-Karta tan-NU, intiżi għall-protezzjoni taċ-ċivili jew ta' beni ċivili skont id-dritt internazzjonali tal-kunflitt armat, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);
4. Jinnota l-impatt fuq is-sigurtà reġjonali u Ewropea li tirriżulta mill-insigurtà ġenerali u mill-governanza li qegħda tiddeterjora fil-Libja; ifakkar li l-ġlied li seħħ matul Lulju u Awwissu 2014 għall-kontroll tal-ajruport ta' Tripli rriżulta f'eskalazzjoni drammatika u f'kaos, li wasslu għal għadd ta' mwiet u għall-qerda ta' infrastruttuti strateġiċi;
5. Jinsab imħasseb ħafna bir-rapporti ta' involviment ta' atturi reġjonali fil-vjolenza fil-Libja u jistieden lill-pajjiżi ġirien u lill-atturi reġjonali jastjenu mill-azzjonijiet li jafu jaggravaw id-diviżjonijiet attwali u jipperikolaw it-tranżizzjoni demokratika tal-Libja; Jistidinhom isaħħu l-kontroll mal-fruntieri tagħhom, inkluż fil-portijiet marittimi u fl-ajruporti, u jibqgħu jagħmlu spezzjonijiet fil-fond ta' kull merkanzija lejn u mil-Libja; ifaħħar l-ospitalità Tuneżina lill-mijiet ta' eluf ta' ċittadini Libjani attwalment fit-Tuneżija li qegħdin jaħarbu mill-vjolenza;
6. Ifakkar ir-riżoluzzjoni 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), adottata fis-27 ta' Awwissu 2014, li twessa' s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti kontra l-Libja, biex jinkludu r-responsabilità kriminali ta' nies li involvu ruħhom jew aġevolaw atti li "jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jostakolaw jew jipperikolaw is-suċċess tal-proċess sħiħ tat-tranżizzjoni politika"; jistieden lir-Rappreżentant Għoli, lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali usa' janalizzaw il-possibbiltà li japplikaw tali miżuri għal individwi speċifiċi li jheddu l-prospetti għall-paċi u għat-tranżizzjoni demokratika fil-Libja u mbagħad iniżżluhom f'lista speċifika bl-istess mod li l-komunità internazzjonali għamlet għal Gaddafi u lill-klikka tal-qalba tiegħu;
7. Ifakkar li l-partijiet belliġeranti għandhom jinżammu responsabbli u għandhom jiġu soġġetti għal prosekuzzjoni mill-qrati nazzjonali jew mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, li għandha ġuriżdizzjoni fuq id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju mwettqa fil-Libja mill-15 ta' Frar 2011, skont ir-riżoluzzjoni 1970 tal-KSNU;
8. Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għal-Libja, Bernardino León, huma u jippromwovu u jaġevolaw djalogu nazzjonali fost il-politiċi u l-atturi influwenti fil-Libja; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tieħu azzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Libja, permezz tan-Nazzjonijiet Uniti;
9. Jappoġġa l-Kamra tar-Rappreżentanti bħala l-korp leġittimu li ġie ffurmat wara l-elezzjonijiet ta' Ġunju 2014; jistieden lill-gvern interim tal-Libja, il-Kamra tar-Rappreżentanti eletta u l-Assemblea Kostitwenti jwettqu l-kompiti tagħhom abbażi tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, fl-ispirtu tal-inklużività u fl-interessi tal-pajjiż u bil-għan li jħarsu d-drittijiet tal-Libjani kollha, inklużi tal-minoranzi reliġjużi; jistieden lill-partijiet kollha biex lil dawn juruhom l-appoġġ tagħhom u jipparteċipaw fi djalogu politiku inklużiv biex jibnu mill-ġdid l-istabilità u jilħqu ftehim dwar kif għandhom jipproċedu; jistieden lill-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti jżuru lill-Parlament Ewropew u jiltaqgħu mal-membri tiegħu li għadhom kif ġew eletti bil-għan li jiġu stabbiliti relazzjonijiet parlamentari magħhom;
10. Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li kellhom in-nisa fit-tranżizzjoni tal-Libja, u jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet nazzjonali fil-Libja u fl-istabbiliment ta' istituzzjonijiet nazzjonali fil-livelli kollha;
11. Jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet Libjani għandhom jamministraw l-isfruttament u l-bejgħ taż-żejt u jistieden lill-komunità internazzjonali tastjeni minn kull tranżazzjoni ma' atturi oħra; jitlob li l-kumpaniji internazzjonali involuti fil-Libja jiżvelaw in-negozji finanzjarji tagħhom fis-settur enerġetiku;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkoordinaw l-azzjoni tal-Istati Membri fil-Libja u jikkonċentaw l-appoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet u, flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fil-ħolqien ta' forzi tas-sigurtà effikaċi u kkmandati u kkontrollati fuq livell nazzjonali (forzi armati u forzi tal-pulizija) li jistgħu jiżguraw il-paċi u l-bon ordni fil-pajjiż, kif ukoll jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-inizjalar ta' waqfien mill-ġlied u jsawru mekkaniżmu għall-monitoraġġ tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li l-UE jmissha tagħti prijorità lill-assistenza għar-rifoma tas-sistema ġudizzjarja Libjana, kif ukoll setturi kruċjali oħrajn għall-governanza demokratika;
13. Jindika li l-Unjoni tat bidu għal Missjoni tal-UE fil-Fruntiera (EUBAM) fil-Libja, li s'issa għadha ma kinitx fil-pożizzjoni li tilħaq l-objettivi tagħha li tejjeb is-sigurtà tal-fruntieri tal-pajjiż; josserva li din il-missjoni hija attwalment sospiża, u ħafna mill-persunal ġie rimpatrijat minħabba l-kundizzjonijiet ta' sigurtà, bl-eċċezzjoni ta' skwadra żgħira li ġiet trasferita f'Tuneż; jenfasizza li l-kontribut tal-UE marbut mas-sigurtà li jikkonċentra biss fuq is-sigurtà fil-fruntieri hija manifestament insuffiċjenti u inkonsistenti kemm mal-ħtiġijiet tal-pajjjiż kif ukoll mal-isfidi għal sigurtà reġjonali, fosthom dik tal-UE; jistieden, għalhekk, lir-Rappreżentant Għoli tirrieżamina l-mandat tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni tal-Fruntieri bil-ħsieb li titfassal missjoni ġdida fi ħdan il-PSDK, li tqis is-sitwazzjoni mibdula fil-Libja, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa urġenti għall-bini tal-istat, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u r-riforma tas-settur tas-sigurtà;
14. Jibqa' mħasseb dwar il-proliferazzjoni tal-armi, il-munizzjon u s-sustanzi splussivi u l-kuntrabandu tal-armi fil-Libja, u dawn iġibu magħhom riskju għall-istabilità fil-pajjiż u għall-popolazzjoni tiegħu;
15. Huwa mħasseb ferm dwar il-wasla bla preċedent ta' persuni li qegħdin ifittxu l-asil u ta' migranti irregolari fix-xtut Taljani u Maltin, li ħafna minnhom qegħdin jitilqu mit-territorju Libjan; jistieden lill-UE tagħti segwitu lill-prijoritajiet identifikati fit-Task Force għall-Mediterran u tniedi djalogu politiku dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni mal-Gvern Libjan, hekk kif il-kundizzjonijiet ikunu jippermettu; jiddispjaċih immens li 500 ħajja oħra ntilfu wara li d-dgħajsa tagħhom ġiet irrapportata li ntlaqtet minn bastiment ieħor viċin Malta;
16. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jgħinu u jsostnu effettivament lill-Italja fl-isforzi tagħha, li jistħoqqilhom full tifħir, biex issalva l-ħajjiet u ssib tarf il-flussi li qegħdin jiżdiedu ta' migranti mill-Afrika ta' Fuq, partikolarment mil-Libja;
17. Jappella għall-ftuħ mill-ġdid u għall-funzjonament bla xkiel tal-UNHCR fil-Libja; jistieden lill-UE tkompli toffri assistenza umanitarja, finanzjarja u politika fiż-żoni ta' kriżi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani sabiex il-pressjonijiet umanitarji u migratorji jiġu indirizzati fil-kawżi primarji tagħhom;
18. Huwa mħasseb serjament dwar il-preżenza dejjem tiżdied ta' gruppi terroristiċi konnessi mal-Al-Qaeda u individwi li joperaw fil-Libja, u jerġa' jafferma l-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem applikabbli, id-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali, kontra t-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti ta' terroriżmu;
19. Itenni l-appoġġ u l-impenn sod tal-UE għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Libjan, b'mod partikolari matul il-kriżi attwali u waqt it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija tal-pajjiż; jitlob li jissaħħaħ l-involviment tal-UE fl-appoġġ għal tranżizzjoni lejn l-istabilità u d-demokrazija fil-Libja;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan u lill-Kamra tar-Rappreżentanti Libjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.