Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2014 dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta' Gaża u r-rwol tal-UE (2014/2845(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra tal-1949,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta' Awtogovernanza") tat-13 ta' Settembru 1993,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tat-30 ta' Awwissu 2014, tas-16 ta' Diċembru 2013, tal-14 ta' Mejju 2012, tat-18 ta' Lulju u tat-23 ta' Mejju 2011, u tat-8 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' Awwissu 2014 dwar il-waqfien mill-ġlied f'Gaża,
– wara li kkunsidra r-rapporti speċjali ta' kuljum tal-UNRWA,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Lulju 2014 u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tat-13 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom u l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-aktar kunflitt reċenti f’Gaża kkaġuna mwiet u tbatija inaċċettabbli għall-popolazzjonijiet ċivili taż-żewġ partijiet involuti;
B. billi nqatlu aktar minn 2 000 Palestinjan, il-maġġoranza tagħhom ċivili, inklużi 503 tifel u tifla, u billi ndarbu aktar minn 10 000 Palestinjan fl-istrixxa ta' Gaża, filwaqt li tilfu ħajjithom 66 suldat Iżraeljan u 6 ċivili Iżraeljani, fosthom tifel, u aktar minn 500 Iżraeljan indarbu minħabba l-Operazzjoni 'Protective Edge' tal-Forzi tad-Difiża Iżraeljani u l-isparar ta' rokits mill-Ħamas u minn gruppi armati Palestinjani oħra minn Gaża lejn l-Iżrael; billi dan il-kunflitt vjolenti ħoloq kriżi umanitarja ħarxa f'Gaża;
C. billi fis-26 ta' Awwissu 2014 intlaħaq ftehim ta' waqfien mill-ġlied, li ġab fi tmiemu seba' ġimgħat ta' ostilitajiet f'Gaża; billi l-Eġittu għamel sforzi konsiderevoli biex jintlaħaq dan il-ftehim;
D. billi, skont il-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied, l-għajnuna umanitarja għandha tingħata aċċess għall-istrixxa ta' Gaża permezz ta' punti ta' qsim tal-Iżrael, għandu jinfetaħ il-punt ta' qsim ta' Rafah, u ż-żona tas-sajd għandha tiġi estiża għal sitt mili lil hinn mill-kosta ta' Gaża;
E. billi, jekk il-ftehim jinżamm, il-partijiet għandhom jibdew taħdidiet dwar diversi suġġetti relatati mas-sitwazzjoni fl-istrixxa ta' Gaża fl-aħħar ta' Settembru 2014; billi dawn it-taħdidiet jistgħu jinkludu d-diżarm tal-gruppi armati f'Gaża, ir-ritorn tal-iġsma ta' żewġ suldati Iżraeljani li nqatlu fil-kunflitt vjolenti, ir-rilaxx tal-priġunieri Palestinjani u t-tneħħija jew it-tħaffif tal-imblokk ta' Gaża, inkluż permezz tar-rikostruzzjoni tal-port marittimu u tal-ajruport fiż-żona;
F. billi skont l-UNRWA u l-organizzazzjonijiet fuq l-art madwar 1 700 dar inqerdu kompletament jew parzjalment u 40 000 oħra ġarrbu ħsarat, u nqerdu 17-il sptar u kliniċi għall-kura tas-saħħa, u nqerdu ukoll 136 skola tal-UNRWA, 60 moskeja u 13-il ċimiterju;
G. billi kwartieri sħaħ u infrastrutturi vitali f’Gaża inqerdu kompletament, inkluż l-Impjant tal-Elettriku ta’ Gaża li għadu inoperabbli, bir-riżultat ta' qtugħ tal-provvista tal-elettriku għal 18-il siegħa kuljum u b'madwar 450 000 persuna li għad ma għandhomx aċċess għal ilma muniċipali minħabba l-ħsara jew minħabba pressjoni baxxa;
H. billi l-esperti Palestinjani stmaw li r-rikostruzzjoni ta' Gaża se tiswa qrib it-USD 8 biljun; billi fid-9 ta' Settembru 2014 n-NU u l-Gvern Palestinjan talbu lid-donaturi internazzjonali jipprovdu USD 550 miljun għal għajnuna alimentari, aċċess għal ilma nadif, kura tas-saħħa u edukazzjoni bħala għajnuna immedjata wara l-kunflitt reċenti; billi konferenza tad-donaturi internazzjonali għar-rikostruzzjoni ta' Gaża hija pjanata li ssir fl-Eġittu;
I. billi 29 bini tal-iskejjel tal-UNRWA għadhom iservu bħala ċentri ta’ ġabra għal aktar minn 63 000 persuni spostata;
J. billi skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, madwar 17 000 ettaru ta' raba' ġarrbu ħsara sostanzjali diretta u nofs l-istokk ta' tiġieġ ta' Gaża ntilef minħabba attakki diretti jew minħabba nuqqas ta' kura kaġun ta' aċċess imnaqqas għall-art agrikola fiż-żoni tal-fruntiera;
K. billi n-Nazzjonijiet Uniti huma responsabbli li jnedu inkjesta biex tevalwa l-ħsarat ikkawżati fuq l-istrutturi tagħha;
1. Jesprimi, għal darb' oħra, l-kondoljanzi tiegħu għall-vittmi kollha tal-kunflitt armat u l-familji tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;
2. Jilqa' l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied innegozjat mill-Eġittu; jirrikonoxxi u jfaħħar ir-rwol imwettaq mill-Eġittu fin-negozjati għall-waqfien mill-ġlied; jappoġġa l-awtoritajiet Eġizzjani fil-ħidma kontinwa tagħhom mal-Iżraeljani u l-Palestinjani sabiex jiġi stabbilit waqfien mill-ġlied fit-tul u fid-distinzjoni tar-rwol strateġiku tagħhom bħala medjaturi attwali u futuri biex tinstab riżoluzzjoni paċifika; jilqa' r-rapporti reċenti li l-Eġizzjani jinsabu qrib li jibdew diskussjonijiet għal waqfien mill-ġlied permanenti;
3. Iħeġġeġ lill-UE tipparteċipa b'mod effikaċi fl-isforz ta' għajnuna umanitarja urġenti u fir-rikostruzzjoni ta' Gaża; jistieden lill-UE tipparteċipa b’mod sħiħ fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi fit-12 ta’ Ottubru 2014 fil-Kajr;
4. Jenfasizza li l-fatt li jiġi pprovdut aċċess sħiħ u mingħajr ostakoli għall-għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni fl-istrixxa ta' Gaża għandu jitqies bħala prijorità immedjata; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tintensifika ulterjorment l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward u tindirizza b'urġenza l-appelli ta' emerġenza għal finanzjament addizzjonali tal-UNRWA; jistieden lill-atturi kollha fir-reġjun jiżguraw li l-assistenza umanitarja tilħaq mingħajr dewmien lil dawk li jeħtieġu prodotti u servizzi bażiċi f'Gaża, b'mod speċjali servizzi tal-elettriku u provvisti tal-ilma, kif ukoll ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-allegati każijiet ta' imblukkar intenzjonat tat-twassil tal-għajnuna umanitarja f'Gaża; jenfasizza fl-istess waqt, li l-għajnuna umanitarja u finanzjarja tal-UE għandha tibbenefika bis-sħiħ u bl-aktar mod effiċjenti possibbli lill-poplu Palestinjan, u m'għandha qatt tintuża, b'mod dirett jew indirett għal attivitajiet terroristiċi;
5. Jilqa' d-djalogu kontinwu lio għaddej bejn il-Gvern Iżraeljan u l-Gvern Palestinjan b'Kunsens Nazzjonali f'diversi oqsma, u jħeġġeġ liż-żewġ partijiet ikomplu f'din it-triq; iħeġġeġ fl-istess waqt lill-Gvern Palestinjan b'Kunsens Nazzjonali jieħu fuqu mingħajr dewmien, awtorità sħiħa fl-istrixxa ta' Gaża, biex b'hekk jiġi evitat li Gaża tispiċċa fi stat ta' kaos u illegalità; jappella f'dan l-ispirtu, għat-tlestija tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni Palestinjan, li għandu jwassal sabiex fi żmien qasir isiru elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali;
6. Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali ewlenin, partikolarment lill-Eġittu u lill-Ġordan, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jikkalmaw is-sitwazzjoni; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, li timplika l-irtirar tal-imblokk ta' Gaża; itenni li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu ostakolu għall-paċi; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jinkoraġġixxu r-relazzjonijiet kummerċjali, kulturali, xjentifiċi, enerġetiċi, idriċi u ekonomiċi bejn l-Iżrael u l-ġirien tiegħu;
7. Jinkoraġġixxi rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana bejn il-Ħamas u l-Awtorità Palestinjana, biex jaħdmu flimkien għall-bini mill-ġdid ta’ Gaża u għal soluzzjoni politika fit-tul;
8. Jilqa' l-fatt li l-UE lesta tikkontribwixxi għal soluzzjoni komprensiva u sostenibbli li ssaħħaħ is-sigurtà, il-benessri u l-prosperità kemm tal-Palestinjani kif ukoll tal-Iżraeljani; jinnota pożittivament il-fatt li l-UE se tiżviluppa alternattivi għal azzjoni effettiva u komprensiva fl-oqsma li ġejjin: il-moviment u l-aċċess, il-bini tal-kapaċità, il-verifika u l-monitoraġġ, is-solljev umanitarju u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt;
9. Itenni l-appoġġ tiegħu lejn il-politika ta' reżistenza paċifika tal-President Mahmoud Abbas u jikkundanna kwalunkwe att ta' terroriżmu u vjolenza; jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-appoġġ tagħhom għat-tmexxija tal-President Abbas u l-aktar inizjattiva riċenti tiegħu favur l-iżblokk tal-kunflitt;
10. Jenfasizza li l-istatus quo fl-Istrixxa ta' Gaża mhuwiex sostenibbli, u jgħin lill-estremisti li jwassal għal ċikli mġedda ta' vjolenza; jemmen li mhux se jkun hemm stabilità fit-tul f'Gaża jekk ma jkunx hemm rikostruzzjoni u qawmien ekonomiku, li huwa mminat min-nuqqas ta' moviment ħieles tal-persuni u tal-prodotti; jappella għar-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni rapidi ta' Gaża, u jappoġġa bil-qawwa l-konferenza tad-donaturi li se ssir fit-12 ta' Ottubru 2014 fil-Kajr;
11. Iħeġġeġ mill-ġdid lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu rwol politiku aktar attiv, anke fi ħdan il-Kwartett, fl-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jappoġġa lir-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha intiżi biex tinħoloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;
12. Ifaħħar il-fatt li l-UE hija lesta tappoġġja l-possibilità ta' mekkaniżmu internazzjonali approvat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż permezz tar-riattivazzjoni u l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u l-mandat tal-missjonijiet fuq l-art EUBAM Rafah u EUPOL COPPS, l-estensjoni tat-tnedija ta' programm ta' taħriġ għall-persunal tad-dwana u l-pulizija tal-Awtorità Palestinjana sabiex jiġu ttrasferiti f'Gaża;
13. Jesprimi r-rikonoxximent tiegħu tal-importanza enormi tax-xogħol imwettaq mill-UNRWA u l-persunal kollu tagħha matul u wara l-kunflitt; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-UNRWA u lill-familji tat-12-il membru tal-persunal maqtula matul il-kunflitt; jitlob lill-UE u lid-donaturi internazzjonali biex iżidu b'mod sinifikanti l-appoġġ tagħhom sabiex ikopri ż-żieda tal-bżonnijiet immedjati tal-popolazzjoni milquta, li l-UNWRA trid tiffaċċja;
14. Jenfasizza li hu kruċjali li l-Awtorità Palestinjana, l-UE, l-Eġittu u l-Ġordan jaħdmu b'mod deċiż, biex ikun żgurat li l-gruppi armati f'Gaża u fix-Xatt tal-Punent ma jkunux jistgħu jerġgħu jarmaw u ma jerggħux jibdew bil-kuntrabandu tal-armi, il-manifattura ta' rokits u l-bini ta' mini;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartet għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu u lill-Parlament u l-Gvern tal-Ġordan.