Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana - metal minn Spanja) (COM(2014)0515 – C8-0125/2014 – 2014/2064(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0515 – C8‑0125/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0013/2014),
A. billi l-Unjoni waqqfet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),
C. billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana metal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b’segwitu għas-633 sensja f’142 intrapriża li joperaw fil-manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, fi Spanja b’300 ħaddiema fil-mira tal-miżuri kofinanzjati mill-FEG matul il-perjodu referenzjarju mill-1 ta’ April 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013,
D. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti u li, għaldaqstant Spanja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fil-25 ta' Marzu 2014, u li l-valutazzjoni saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Awwissu 2014; jilqa’ l-valutazzjoni rapida ta’ inqas minn ħames xhur;
3. Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-applikazzjoni tikkunsidra l-esperjenza b'applikazzjonijiet preċedenti mill-istess reġjun; jissuġġerixxi li l-esperjenzi u l-aħjar prattiki possibbli tar-reġjuni li qed iressqu bosta applikazzjonijiet għandhom jiġu disseminati matul il-laqgħat regolari tal-persuni ta' kuntatt u l-esperti tal-FEG;
4. Iqis li s-sensji f’142 intrapriża li joperaw fil-manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat fi Spanja huma marbutin mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jinnota li Spanja hi fost l-Istati Membri l-aktar affettwati serjament mill-kriżi, li wasslet għal domanda aktar baxxa għall-metall u l-prodotti tal-metall u l-produzzjoni tagħhom; jinnota li fi Spanja l-produzzjoni tal-prodotti tal-metall naqset bi 23,3 % fl-2009 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel u b’36,6 % bejn l-2008 u l-2013; jinnota li l-fatturat tas-settur naqas bi 38,5 % fil-perjodu bejn l-2008 u l-2012 u t-telf ta' impjiegi jirrappreżenta 43 % tal-impjiegi totali fis-settur tal-metall;
5. Jinnota li s-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat huwa fornitur ewlieni ta’ riżorsi għal firxa wiesgħa ta' industriji tal-manifattura, b'mod partikolari s-setturi tal-bini ta' bastimenti, dak tal-kostruzzjoni u dak awtomobilistiku, li lkoll intlaqtu b'mod sinifikanti mill-kriżi ekonomika fl-Unjoni kollha;
6. Jinnota li dan il-każ tipikament jirrifletti l-ambjent soċjali u ekonomiku ta' reġjun b'ekonomija lokali kkaratterizzata minn perċentwal għoli ta' SMEs u jfakkar id-diffikultajiet attwali li qed jaffaċċjaw l-SMEs sabiex jivvalitaw il-finanzjament;
7. Jisħaq li s-633 sensja se jkomplu jiggravaw aktar is-sitwazzjoni ta' qgħad fil-Comunidad Valenciana li hi partikolarment fraġli, ġaladarba s-settur tal-metall jirrappreżenta 25,4 % tal-impjiegi fis-settur industrijali tar-reġjun; jinnota li, fl-2008, kien hemm 35 868 impjieg fis-settur tal-metall f’Comunidad Valenciana, filwaqt li, fl-2012, in-numru ta’ impjiegi kien naqas għal 20 873 li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 43 %, jiġifieri tmien punti perċentwali ogħla minn dak fil-livell nazzjonali;
8. Jinnota b'dispjaċir li inqas minn 50 % tal-ħaddiema eliġibbli huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri biss; iqis li din l-istima hija bbażata fuq l-esperjenzi tal-awtorità implimentattiva bl-applikazzjonijiet preċedenti għall-intervent mill-FEG fir-reġjuni; madankollu jqis li f’reġjuni b’rati għoljin ta' qgħad in-numru ta' parteċipanti f'taħriġ u taħriġ mill-ġdid hemm bżonn li jkun ikbar;
9. Jenfasizza li impjiegi fir-reġjun ġew affettwati serjament mill-impatt tal-kriżi fuq is-setturi tradizzjonali bħal dawk taċ-ċeramika, tax-xedd tas-saqajn u tal-kostruzzjoni, kif ukoll dak tat-tessuti, li huma importanti ħafna għall-ekonomija tar-reġjun;
10. Jilqa’ l-fatt li ħafna mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw bi ħġarhom f’taħriġ vokazzjonali u titjib tal-kompetenzi; japprezza l-fatt li t-tali titjib tal-kompetenzi huwa mfassal biex jibni fuq il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba fl-industrija tal-metall u b'tagħlim ulterjuri ta’ tekniki speċifiċi li permezz tagħhom il-ħaddiema jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet futuri tal-industrija tal-metall;
11. Jilqa’ l-fatt li, sabiex il-ħaddiema tingħatalhom għajnuna rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jagħtu bidu għall-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati fl-20 ta’ Ġunju 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost;
12. Jilqa’ l-fatt li s-servizzi personalizzati għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja se jkunu kofinanzjati mill-Generalitat Valenciana (il-gvern awtonomu tal-Comunidad Valenciana) u b’mod partikolari mis-SERVEF (l-uffiċċji pubbliċi tax-xogħol tal-gvern awtonomu) bi 30 % tal-baġit totali u mill-assoċjazzjoni tal-impjegaturi Federación Empresarial Metalúrgica Valenciana-FEMEVAL u t-trade unions UGT-PV u CCOO-PV b’10 % tal-baġit totali;
13. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati li għandu jiġi kkofinanzjat jinkludi miżuri għal ħaddiema li ngħataw is-sensja bħalma huma l-gwida okkupazzjonali, kollokament f’impjieg, it-taħriġ (taħriġ vokazzjonali u titjib tal-kompetenzi, taħriġ f’ħiliet trasversali, taħriġ fuq il-post tax-xogħol), il-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-inċentiv għat-twaqqif ta’ negozju, l-allowance għat-tiftix ta’ xogħol, il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-inċentiv għall-impjieg;
14. Jieħu nota tal-ammont ta' EUR 3 000 li għandu jingħata lil numru mistenni ta' 20 benefiċjarju, biex jinċentiva r-ritorn tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz tat-twaqqif tan-negozju tagħhom; iqis li l-istima tan-numru ta' ħaddiema li se jibbenefikaw minn dan l-inċentiv hija bbażata wkoll fuq esperjenzi bil-każijiet preċedenti tal-FEG fir-reġjun;
15. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni kemm mal-assoċjazzjoni ta’ impjegaturi FEMEVAL, kif ukoll mat-trade unions UGT-PV u CCOO-PV, u li ħa jiġu applikati l-politika ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni tul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih;
16. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb il-kapaċità tal-ħaddiema kollha li jfittxu impjieg permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat jiġi adattat mhux biss għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;
17. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq li l-awtoritajiet Spanjoli jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċievux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva dwar dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
18. Jinnota li l-istima tal-ispejjeż tas-sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni, bħala miżura tal-bidu fil-lista ta' azzjonijiet proposti, żdiedet b'50 % meta mqabbla ma' applikazzjoni mill-istess reġjun fis-sena ta' qabel;
19. Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fil-konċessjoni tal-għotjiet; josserva li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fi żmien 12-il ġimgħa minn meta waslet l-applikazzjoni kompluta;
20. Jisħaq dwar il-fatt li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-assistenza mill-FEG tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex jingħataw solidarjetà u appoġġ temporanju ta' darba, għall-benefiċjarji destinatarji, u barra minn hekk ma tibqax tieħu post azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;
21. Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG li jirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta ma' kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;
22. Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;
23. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana - metal minn Spanja)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/816/UE.)