Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2065(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0015/2014

Testi mressqa :

A8-0015/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2014 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0031

Testi adottati
PDF 339kWORD 80k
It-Tlieta, 21 ta' Ottubru 2014 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Applikazzjoni EGF/2013/012 BE/Ford Genk - Il-Belġju
P8_TA(2014)0031A8-0015/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2013/012 BE/Ford Genk mill-Belġju) (COM(2014)0532 – C8-0126/2014 – 2014/2065(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0532 – C8-0126/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0015/2014),

A.  billi l-Unjoni waqqfet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2013/012 BE/Ford Genk għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 512-il sensja, b'479 persuna mistennija jieħdu sehem fil-miżuri, fl-impjant ta' assemblaġġ ta' Ford-Werke GmbH(4) li jinsab f'Genk ('Ford Genk') u f'10 fornituri ta' Ford Genk fil-Belġju matul il-perjodu referenzjarju mill-1 ta' Lulju 2013 sal-1 ta' Novembru 2013;

D.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti fir-Regolament FEG;

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG qed jiġu parzjalment sodisfatti fir-rigward tan-numru minimu ta' sensji matul il-perjodu referenzjarju peress li hemm anqas minn 500 sensja; jikkunsidra li applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-FEG tista' titqies ammissibbli meta s-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali; jieħu inkunsiderazzjoni żewġ mewġiet oħra ta' sensji li hu mistenni li se jseħħu fl-2014 (madwar 4 340 sensja f'Ford Genk u 2 820 sensja fil-fornituri tiegħu li jinsabu fl-istess żona ġeografika); jikkunsidra li dawn se jkollhom impatt serju fuq ir-reġjun Fjamming kollu kemm hu b'telf stmat ta' aktar minn 11 000 impjieg; ifakkar li implimentazzjoni malajr kemm jista' jkun tal-miżuri speċifiċi favur l-ewwel grupp ta' ħaddiema mogħtija s-sensja żżidilhom il-possibilitajiet li jsibu impjieg ġdid u li l-ħaddiema kollha mogħtija s-sensja jingħataw l-istess opportunità; jaqbel għalhekk mal-Kummissjoni li l-Belġju hu intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEG;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw it-talba għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-23 ta' Diċembru 2013, li ġiet issuplementatha b'informazzjoni addizzjonali sat-12 ta' Ġunju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha tqiegħdet għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni fit-22 ta' Awwissu 2014; jilqa' l-fatt li l-valutazzjoni saret fil-pront fi żmien anqas minn 8 xhur; jissottolinja l-importanza li jiġi introdott perjodu ta' valutazzjoni ta' mhux aktar minn 20 ġimgħa fir-Regolament FEG il-ġdid (Regolament (UE) Nru 1309/2013)(5) ;

3.  Jikkunsidra li s-sensji fl-impjant ta' assemblaġġ ta' Ford-Werke GmbH u f'10 fornituri ta' Ford Genk huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji dovuti għall-globalizzazzjoni u tnaqqis rapidu tas-sehem fis-suq tal-UE fis-settur tal-produzzjoni tal-karozzi għall-passiġġiera f'livell dinji u tnaqqis konsistenti fil-bejgħ ta' karozzi ġodda fl-Unjoni;

4.  Jinnota li Ford Genk kien l-akbar impjegatur fil-provinċja ta' Limburg u li l-512-il sensja kkonċernati u ż-żewġ mewġiet oħra ta' sensji mistennija minħabba l-għeluq tal-Ford f'Genk se jkollhom impatt serju fuq is-suq tax-xogħol lokali li hu kkaratterizzat minn livell għoli ta' qgħad, livelli aktar baxxi ta' kwalifiki u ta' ħiliet u provvista anqas żviluppata ta' servizzi edukattivi; jinnota li skont studju li rreferew għalih l-awtoritajiet Belġjani(6), għal kull 100 impjieg li hu mistenni li se jintilfu f'Ford Genk, kieku jintilfu 65 impjieg fil-fornituri diretti u indiretti tiegħu f'Limburg u 72 impjieg addizzjonali fil-fornituri tiegħu li jinsabu xi mkien ieħor fir-Reġjun Fjamming;

5.  Jinnota li l-industrija awtomobilistika kienet is-suġġett ta' 17-il deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG minn mindu beda fl-2007(7); b'mod partikolari, it-tiċkin tas-sehem fis-suq tal-UE fil-produzzjoni ta' karozzi għall-passiġġiera ssemma' fi tmien deċiżjonijiet preċedenti dwar il-FEG(8); jappella għal valutazzjoni tal-effetti tal-interventi mill-FEG speċifikament marbuta mas-sensji fis-settur awtomobilistiku abbażi ta' dawn l-applikazzjonijiet u dawk mistennija sal-aħħar tas-sena;

6.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex jipprovdu lill-ħaddiema b'assistenza rapida, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jniedu l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta nhar l-1 ta' Lulju 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost;

7.  Jinnota li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-479 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'impjieg (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna għat-tiftix ta' impjieg (maniġer tal-kont prinċipali, konsulent għall-intervent soċjali, informazzjoni dwar l-opzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, gwida attiva orjentata lejn l-impjiegi), u (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid (kors ta' taħriġ vokazzjonali, impjieg permezz ta' taħriġ vokazzjonali individwali, taħriġ fl-applikazzjonijiet);

8.  Jilqa' pożittivament il-fatt li sabiex jindirizza din il-kwistjoni, il-Gvern Fjamming stabbilixxa taskforce speċifika li tiġbor flimkien lill-partijiet interessati rilevanti kollha, bis-servizzi tal-Kummissjoni assoċjati fil-ħidma tagħha;

9.  Jilqa' pożittivament il-fatt li s-sħab soċjali rappreżentati fil-Kunsill Soċjoekonomiku tar-Reġjun ta' Limburg (SERR Limburg) mhux talli ġew ikkonsultati, imma talli ħadu sehem ukoll f'Kumitat ta' Monitoraġġ imwaqqaf speċifikament għall-applikazzjoni għall-FEG; jinnota barra minn hekk li l-applikazzjoni għall-FEG ġiet diskussa mas-sħab soċjali bħala parti mir-rapportaġġ regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku għal Limburg li twaqqaf biex jindirizza l-impatt reġjonali tal-għeluq tal-Ford Genk;

10.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksubin tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat ikun adattat mhux biss għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema mogħtija s-sensja imma anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu; jinnota fl-istess ħin li l-miżuri ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid għandhom jirrikonoxxu u anke jibnu fuq il-ħiliet u l-kompetenzi speċifiċi li l-ħaddiema milquta jkunu kisbu fl-industrija awtomobilistika u fl-industrija fornitriċi tagħha;

11.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dawk id-data fir-rapporti annwali tagħha b'mod li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni ta' servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

12.  Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bil-għan li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill flimkien mal-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG; jissottolinja li titjib ulterjuri fil-proċedura diġà ġie integrat fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013) u li se jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-FEG;

13.  Jisħaq fuq il-fatt li, f'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema individwali mogħtija s-sensja f'impjieg stabbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss dawk il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi fit-tul; itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tista' tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi u lanqas il-miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

14.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 li jirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estizi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu iffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju;

15.  Japprova d-deċiżjoni mehmuża ma' din il-riżoluzzjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Ford-Werke GmbH, sussidjarja ta' Ford of Europe AG, għandha s-sede rreġistrata tagħha f'Cologne (il-Ġermanja). Hija topera l-impjanti tal-produzzjoni ta' Ford f'Cologne u Saarlouis (il-Ġermanja) u f'Genk (il-Belġju).
(5) Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
(6) Peeters, L., Vancauteren, M., ‘Studie van de economische impact van de sluiting van Ford Genk’, Universiteit Hasselt, Novembru 2013, disponibbli hawn http://www.uhasselt.be/documents/kizok/impactstudie.pdf.
(7) Ara d-databażi FEG, disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=582 & langId=mt.
(8) Ara l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-każijiet EGF/2007/001 FR/Peugeot suppliers (COM(2007)0415 tat-12.7.2007), EGF/2007/010 PT/Lisboa-Alentejo (COM(2008)0094 tal-20.2.2008), EGF/2008/002 ES/Delphi (COM(2008)0547 tad-9.9.2008), EGF/2008/004 ES/Castilla y León / Aragón (COM(2009)0150 tas-26.3.2009), EGF/2009/013 DE/Karmann (COM(2010)0007 tat-22.1.2010), EGF/2012/004 ES/Grupo Santana (COM(2014)0116 tal-5.3.2014), EGF/2012/005 SE/Saab (COM(2012)0622 tad-19.10.2012), EGF/2012/008 IT/De Tomaso automobili (COM(2013)0469 tat-28.6.2013).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2013/012 BE/Ford Genk mill-Belġju)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/813/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza