Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/002 BE/Carsid mill-Belġju) (COM(2014)0553 – C8-0136/2014 – 2014/2071(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0553 – C8-0136/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0017/2014),
A. billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f' każ ta ' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60% tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estizi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu iffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju,
D. billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2013/002 BE/Carsid għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 939 sensja, b'752 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri marbuta mal-għeluq tal-impjant tal-produzzjoni ta' Carsid SA ('Carsid')(5) f'Marcinelle qrib Charleroi fil-Belġju matul il-perjodu ta' referenza mit-28 ta' Settembru 2012 sat-28 ta' Jannar 2013,
E. billi l-kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG tammonta għal EUR 911 934 (50% tal-baġit totali),
F. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,
1. Jinnota li l-applikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG; jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Belġju intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-2 ta' April 2013, akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Lulju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fil-5 ta' Settembru 2014;
3. Jinnota li l-proċedura relattivament twila mid-data tal-ewwel sensji sal-valutazzjoni tal-applikazzjoni ppermettiet il-ġbir ta' informazzjoni preċiża marbuta ma' dan il-każ;
4. Jesprimi tħassib dwar it-tul ta' dan il-perjodu ta' eżami u jfakkar li l-FEG għandu jintervjeni kemm jista' jkun malajr;
5. Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex jipprovdu lill-ħaddiema b' assistenza rapida, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jniedu l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta nhar l-1 ta' Ottubru 2012, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost;
6. Jilqa' l-fatt li tali dewmien għandu jispiċċa grazzi għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, anki jekk immaniġġar rapidu tat-talbiet ta' mobilizzazzjoni ma għandux isir għad-dannu tal-effiċjenza;
7. Jikkunsidra li s-sensji fl-impjant tal-produzzjoni ta' Carsid SA (‘Carsid’) huma marbuta ma' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u t-tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq fl-Unjoni fis-settur tal-produzzjoni tal-azzar grezz bi kkastjar kontinwu (li jinkludi billetti, vireg tal-ħadid u ċangaturi) fuq livell dinji u t-tnaqqis konsistenti fil-produzzjoni ta' azzar grezz bi kkastjar fl-Unjoni minħabba tnaqqis fid-domanda tal-azzar fis-settur awtomobilistiku u tal-kostruzzjoni;
8. Jinnonta li s-sensji f'Carsid mistennija jaggravaw il-qgħad b'mod sinifikanti fiż-żona ta' Charleroi (żona fejn qabel kien hemm il-minjieri tal-faħam u l-produzzjoni tal-azzar fejn l-impjieg jiddependi b’mod qawwi fuq l-industrija peżanti tradizzjonali) li hi kkaratterizzata minn proporzjon għoli ta' qgħad fit-tul u livelli baxxi ta' kwalifiki u ħiliet; jinnota li fl-2012, ir-rata tal-qgħad fiż-żona ta' Charleroi (distrett) kienet 21,6 %, meta mqabbla ma' 15,8 % bħala medja fir-Reġjun tal-Vallonja u 11,2 % fil-livell nazzjonali;
9. Jilqa' pożittivament il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u l-fatt li l-allowances mhumiex elenkati fost is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu appoġġjati b'intervent tal-FEG;
10. Jenfasizza l-importanza tal-effikaċja tas-servizzi personalizzati pprovduti lill-benefiċjarji, partikolarment għaliex minħabba t-tnaqqis ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura fir-reġjuni milquta, dawn il-ħaddiema se jkollhom jitħarrġu mill-ġdid biex isibu impjieg f'xogħlijiet oħra f'setturi oħra;
11. Jinnota li l-produzzjoni ta' azzar grezz bi kkastjar kontinwu fl-UE27 naqset bi 13,4 % bejn l-2006 u l-2011 u li s-sehem tas-suq fl-istess perjodu naqas bi 30,7 %; jenfasizza li għalhekk is-settur tal-azzar fl-Ewropa huwa espost għal diffikultajiet ekonomiċi serji; ifakkar f'dan ir-rigward li s-settur tal-azzar kien is-suġġett ta' 4 applikazzjonijiet tal-FEG(6);
12. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat ta ' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-752 ħaddiem li ngħataw is-sensja f' impjieg (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna individwali għat-tiftix ta’ impjieg, ġestjoni tal-każijiet u servizzi ta' informazzjoni ġenerali u (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid;
13. Jilqa' l-fatt li l-varji sħab soċjali u organizzazzjonijiet kienu involuti fil-koordinazzjoni ġenerali u l-implimentazzjoni tal-miżuri: trade unions (FGTB, CSC), iċ-ċentri ta' taħriġ settorjali vokazzjonali u teknoloġiċi fir-reġjun tal-Vallonja, FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), l-Aġenzija tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) tal-Komunità Franċiża tal-Belġju u l-Gvern tal-Vallonja; japprezza barra minn hekk li t-trade unions huma direttament involuti fil-ġestjoni tal-Unità ta' Riallokazzjoni li ġiet stabbilita apposta u fl-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri;
14. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent reali tan-negozju;
15. Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dawk id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
16. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-Parlament u l-Kunsill il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jissottolinja li titjib ulterjuri fil-proċedura diġà ġie integrat fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 u li se jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-FEG;
17. Jisħaq li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja f'impjieg stabbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
Carsid kienet tipproduċi folji tal-azzar maħsuba għal aktar ipproċessar minn impjanti li jappartjenu lill-grupp Duferco fil-Belġju (prinċipalment għall-produzzjoni ta’ prodotti rrumblati bis-sħana u prodotti rrumblati fil-kiesaħ użati fis-setturi tal-kostruzzjoni, tat-tagħmir tat-trasport u tal-karozzi). Bejn l-2006 u l-2011 Carsid kienet parti minn impriża konġunta bejn Duferco u NLMK. Għaldaqstant, din l-applikazzjoni hija marbuta mal-applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK).
Ara d-databażi tal-FEG, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=582.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba FEG/2013/002 BE/Carsid mill-Belġju)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/811/UE.)