Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2076(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0016/2014

Testi mressqa :

A8-0016/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2014 - 8.4
CRE 21/10/2014 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0033

Testi adottati
PDF 332kWORD 75k
It-Tlieta, 21 ta' Ottubru 2014 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni:Applikazzjoni EGF/2014/006 FR/PSA - Franza
P8_TA(2014)0033A8-0016/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/006 FR/PSA minn Franza) (COM(2014)0560 – C8-0141/2014 – 2014/2076(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0560 – C8-0141/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0016/2014),

A.  billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju,

D.  billi Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2014/006 FR/PSA għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-6 120 sensja li ngħataw f’Peugeot Citroën Automobiles (minn hawn 'il quddiem 'PSA') li topera fid-diviżjoni 29 ta' NACE Rev. 2 ('Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers') bil-biċċa l-kbira tas-sensji mogħtija fir-reġjuni ta' Ile de France (l-impjant ta' Aulnay) u Bretagne (l-impjant ta' Rennes), b'2 357 ħaddiem destinatarji ta' miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu referenzjarju mill-1 ta' Ottubru 2013 sal-31 ta' Jannar 2014,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

F.  billi tista' ssir konverżjoni industrijali importanti tas-siti kkonċernati, speċifikament tas-sit f'Aulnay-sous-Bois li, jekk jitħalla jisfrutta kompletament il-potenzjal tiegħu fit-trasport multimodali, jippermetti riallokazzjoni sustanzjali ta' ħaddiema;

G.  billi l-awtoritajiet lokali fir-reġjun ta' Bretagne ma kinux involuti fit-twaqqif tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milqutin, allavolja huma responsabbli mit-taħriġ vokazzjonali; billi r-rappreżentanti trejdunjonistiċi lokali tas-siti ewlenin ikkonċernati ma kinux assoċjati fin-negozjar tal-miżuri;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-25 ta' April 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-10 ta' Settembru 2014; jilqa’ l-valutazzjoni rapida ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Jikkunsidra li s-sensji fl-impriża PSA huma marbutin ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, waqt li jirreferi għall-osservazzjoni li għamlet Franza (L'industrie Automobile Francaise, Analyse et statistiques 2013(4)) li bejn l-2000 u l-2012, il-produzzjoni dinjija ta' vetturi kibret b'44 % waqt li, fl-istess perjodu, il-produzzjoni fl-Ewropa tal-Punent naqset b'25 %, u barra minn hekk, il-produzzjoni f'pajjiżi terzi (il-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, it-Turkija, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajlandja u l-Amerika t'Isfel) kibret b'mod sinifikanti u issa tirrappreżenta 47 % tal-produzzjoni dinjija ta' vetturi (żieda minn 15 % fl-2000);

4.  Jinnota li s-6 120 sensja se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fir-reġjuni ta' Ile de France u Bretagne, fejn jinsabu tnejn mill-impjanti milqutin, peress li l-impjant ta' Aulnay kien it-8 l-akbar impjegatur fil-belt ta' Aulnay, u s-sensji jnaqqsu n-numru ta' impjegati fiż-żona bi 13,6 %;

5.  Jinnota li, s'issa, is-settur awtomobilistiku kien is-suġġett ta' 21 applikazzjoni għall-FEG, li minnhom 12 kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 9 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; iqis li hemm bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lil dan is-settur fir-rapport biennali mistenni f'Awwissu 2015;

6.  Jinnota li din hi t-tielet applikazzjoni relatata mal-industrija awtomobilistika Franċiża ta' aktar minn EUR 10 miljun; jisħaq fuq l-importanza ta' aġġustamenti antiċipati sew u identifikazzjoni tajba tal-ħiliet, waqt li tiġi offruta l-possibilità ta' orjentament mill-ġdid billi l-kompetenzi tal-ħaddiema jintużaw għall-benefiċċju ta' setturi oħra;

7.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-3 ta' Ġunju 2013, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost; jiddispjaċih li, minkejja din l-implementazzjoni ta' malajr, il-Kummissjoni kellha tivvaluta din it-talba mingħajr ma kienet irċeviet l-informazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tal-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali;

8.  Jinnota li l-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati għal kofinanzjament jinkludi miżuri għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja bħal ċentru ta' akkoljenza u għajnuna individwali, gwida minn esperti esterni, sessjonijiet ta' ħidma tematiċi, taħriġ, allowances għal taħriġ, għotjiet għall-ħolqien ta' negozju;

9.  Jinnota l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji indirizzati u mas-sħab soċjali u li, matul id-diversi fażijiet ta' implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih, se tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni;

10.  Jiddispjaċih madankollu dwar l-assoċjazzjoni insuffiċjenti tal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali; jissuġġerixxi, fil-qafas ta' rieżami tar-Regolament FEG fil-ġejjieni, l-inklużjoni ta' konsultazzjoni formali mal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali fil-fajl li jkun fih it-talba għal mobilizzazzjoni mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali lill-Kummissjoni; iqis li hemm bżonn ta' integrazzjoni aħjar tal-FEG fil-programmi u l-proċessi ta' rikonverżjoni tat-tessuti ekonomiċi lokali;

11.  Jilqa' l-għadd għoli stmat ta' parteċipanti li se jirċievu għotjiet għall-ħolqien ta' negozju; jinnota li l-ammont ta' dawn l-għotjiet jibqa' taħt il-limitu massimu ta' EUR 15 000, kif stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament FEG; jappella għal valutazzjoni f'waqtha ta' din l-azzjoni speċifika sabiex jiġu evalwati r-riżultati ta' inċentivi ta' dan it-tip, possibilment fir-rapport biennali li jmiss jew sa mhux aktar tard milli fir-rapport finali;

12.  Japprezza l-pjan li jingħata self mingħajr imgħax għall-ħolqien ta' negozji ġodda. jinnota li, flimkien mal-għotjiet għall-ħolqien ta' negozju, dan jista' jipprovdi għajnuna sostanzjali għall-parteċipanti biex joħolqu negozji vijabbli; jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet qed jikkunsidraw li jużaw il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għal dan l-iskop;

13.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem;

14.  Imaqdar in-nuqqas ta' fondi ddedikati għall-miżuri ta' komunikazzjoni u promozzjoni rigward il-FEG; jikkunsidra li l-pubbliċità u l-informazzjoni rigward dawn l-azzjonijiet jiżvolġu rwol importanti mhux biss biex jiġbdu lill-benefiċjarji, imma anke biex jevidenzjaw l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam soċjali;

15.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta rigward il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċievux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dawk id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

16.  Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjal fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

17.  Jinnota li l-applikazzjoni hi intenzjonata biex tuża l-massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż kollha għall-allowances għal taħriġ u li din l-azzjoni tikkomplementa l-allowances imħallsa mill-kumpanija li tat is-sensji f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament FEG;

18.  Ifakkar li, b'mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

19.  Jisħaq fuq il-fatt li, bi qbil mal-Artikolu 9 tar-Regolament FEG, għandu jiġi żgurat li l-assistenza mill-FEG tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex tipprovdi solidarjetà u appoġġ ta' darba, b'mod temporanju, għall-benefiċjarji destinatarji, u, barra minn hekk, li mhix se tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

20.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) http://www.ccfa.fr/IMG/pdf/ccfa_ra2012_fr_web-2.pdf


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/006 FR/PSA minn Franza)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/817/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza