Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni (12300/2014 – C8-0160/2014 – 2014/2035(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1) (Regolament Finanzjarju), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, adottat b'mod definittiv fl-20 ta' Novembru 2013(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(5),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014, adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 2014 (COM(2014)0234),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014 adottata mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2014 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fit-12 ta' Settembru 2014 (12300/2014 – C8-0160/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0018/2014),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014 jimmira li jdaħħal fil-baġit 2014 is-surplus li jirriżulta mis-sena finanzjarja 2013, li jammonta għal EUR 1 005 miljun;
B. billi l-komponenti ewlenin ta' dan is-surplus jikkostitwixxu eżitu pożittiv għall-introjtu ta' EUR 771 miljun, sottoeżekuzzjoni tan-nefqa ta' EUR 276 miljun u differenza ta' kambju pożittiva ta' EUR 42 miljun;
C. billi min-naħa tal-introjtu ż-żieda tiġi prinċipalment mill-multi u mill-interessi moratorji (EUR 1 331 miljun), filwaqt li l-ammont tar-riżorsi proprji effettivament miġbur meta mqabbel ma' dak imniżżel fil-baġit naqas (- EUR 226 miljun) u d-dħul mis-surplus, mill-bilanċi u mill-aġġustamenti qiegħed jonqos ukoll (- EUR 360 miljun);
D. billi fin-naħa tan-nefqa s-sottoimplimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-2013 (EUR 107 miljun) u għall-2012 (EUR 54 miljun) hija partikolarment baxxa u marbuta ma' fatturi xi ftit jew wisq mhux prevedibbli kif ukoll ma tistax titqies li kkawżata minn tnaqqis fil-kapaċità ta' assorbiment;
E. billi fir-realtà l-indikaturi kollha disponibbli jindikaw il-fatt li kien hemm skarsezza ta' approprjazzjonijiet ta' pagament kemm fil-baġit tal-2012 kif ukoll f'dak tal-2013;
F. billi l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li kull diskrepanza mal-estimi, li għandha tiddaħħal fil-baġit tal-Unjoni, għandha tkun l-uniku suġġett ta' dan il-baġit emendatorju;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014 iddedikat esklużivament lill-formazzjoni tal-baġit tas-surplus tal-2013, li jammonta għal EUR 1 005 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju; jikkonstata l-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014;
2. Ifakkar li l-adozzjoni ta' dan il-baġit emendatorju Nru 2 se tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjoni mill-ING tal-Istati Membri lill-baġit tal-UE b'EUR 1 005 miljun u għaldaqstant se tpaċi parzjalment il-kontribuzzjoni tagħhom lill-finanzjament tal-baġit emendatorju Nru 3 (bżonn ta' riżorsi proprji addizzjonali li jammontaw għal EUR 3 170 miljun); jenfasizza għalhekk l-intenzjoni tiegħu li jkompli l-proċedura għall-adozzjoni tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2 parallelament man-negozjati dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3 li jikkonċerna l-mobilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali, u dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4 li jikkonċerna r-reviżjoni tal-previżjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali, dħul ieħor u l-iffissar bħala definittivi ċerti multi b'hekk iforni EUR 2 059 miljun addizzjonali ta' riżorsi proprji li jistgħu jnaqqsu ulterjorment il-bżonnijiet għal approprjazzjonijiet addizzjonali mill-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3;
3. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-abbozzi ta' baġits emendatorji Nri 2, 3 u 4 huma adottati mingħajr emendi, dan jimplika impatt baġitarju kumplessiv ta' kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-ING li jammontaw għal EUR 106 miljun biss, li saru disponibbli mill-Istati Membri bil-għan li jiġu garantiti biżżejjed approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014 biex ikopri l-obbligi ġuridiċi attwali tal-Unjoni;
4. Bil-għan li jżomm ir-rabta politika u proċedurali bejn l-abbozzi ta' baġits emendatorji Nri 2, 3 u 4, jiddeċiedi li jemenda l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2014 kif muri hawn taħt;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1 (emenda multipla)
Dikjarazzjoni ġenerali tad-dħul
Kapitolu 1 4 — Riżorsi proprji bbażati fuq id-dħul gross domestiku skont l-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom
Ċifri:
Baġit 2014
Abbozz ta' baġits emendatorji
Nru 2
Pożizzjoni tal-Kunsill
Differenza
Ammont ġdid
1 4 0
99 767 305 073
— 1 005 406 925
— 1 005 406 925
1 005 406 925
100 772 711 998
Total
99 767 305 073
— 1 005 406 925
— 1 005 406 925
1 005 406 925
100 772 711 998
Taqsima III – Il-Kummissjoni
Titolu 40 Riżervi
Ħolqien ta' linja ġdida 40 04 01 - Riżerva għall-bżonnijiet ta' pagament addizzjonali
Ċifri:
Baġit 2014
Abbozz ta' baġits emendatorji
Nru 2
Pożizzjoni tal-Kunsill
Differenza
Ammont ġdid
40 04 01
-
-
-
1 005 406 925
1 005 406 925
Total
-
-
-
1 005 406 925
1 005 406 925
Kummenti:
L-approprjazzjonijiet imdaħħla f'dan l-artikolu għandhom jintużaw biex ikopru l-bżonnijiet ta' approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali kif identifikati mill-Kummissjoni fl-ABE 3.
Ġustifikazzjoni:
Minħabba l-pressjoni għolja fuq il-pagamenti tal-2014 u t-tisħiħ mitlub mill-Kummissjoni fl-ABE 3/2014, qed jiġi propost li l-ammont tas-surplus għas-sena 2013 jintuża biex jiffinanzja linja maħluqa ex novo 40 04 01 "Riżerva għall-bżonnijiet ta' pagament addizzjonali" fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit, minflok ma jitnaqqsu r-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING. Jekk il-Kunsill jadotta l-ABE 3/2014 mingħajr emendi, din l-emenda tiġi rtirata.