Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Otubru 2014 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan (2014/2904(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uzbekistan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(1),
– wara li kkunsidra l-strateġija tal-UE għal Sħubija ġdida mal-Ażja Ċentrali, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta’ Ġunju 2007 u r-rapporti konġunti ta' progress magħmulin mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2008 u tat-28 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Ottubru 2009 u 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 bit-titolu Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE(2),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline, adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-12 ta' Mejju 2014,
– wara li kkunsidra t-tħabbira li saret waqt il-laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fl-20 ta' Novembru 2013, tal-għoti ta' finanzjament ta' EUR 1 biljun għall-pajjiżi tal-Asja Ċentrali għall-perjodu 2014-2020 fil-kuntest tal-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI) tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, minkejja li l-Uzbekistan impenjat ruħha fi kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tar-reliġjon, li huma ggarantiti fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-projbizzjoni tat-tortura minquxa fil-Konvenzjoni kontra t-Tortura, ir-riżultati pożittivi li renda dan l-impenn huma ftit;
B. billi l-awtoritajiet Uzbeki qed iżommu fil-ħabs eluf ta' persuni b'akkużi politikament motivati biex jinfurzaw it-tmexxija repressiva tagħhom, fil-konfront ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, persuni bi twemmin reliġjuż, artisti u persuni oħra pperċepiti bħala kritiċi, u billi l-Uzbekistan tinsab fil-166 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2014 imfassal mir-'Reporters Without Borders' filwaqt li Freedom House tikklassifika lill-pajjiż, l-istampa u l-internet tiegħu bħala "mhux liberi". billi l-libertajiet diġitali huma mrażżna u miksura b'mod sistematiku fl-Uzbekistan;
C. billi, fost dawk li ntbagħtu l-ħabs għall-ebda raġuni oħra ħlief għall-fatt li eżerċitaw b'mod paċifiku d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, hemm ħmistax-il attivist magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem(3),ħames ġurnalisti(4), erba' attivisti politiċi paċifiċi tal-oppożizzjoni(5), tliet persunaġġi reliġjużi indipendenti(6); billi 7 oħra huma kritiċi pperċepiti tal-gvern jew xhieda tal-massakru li seħħ fit-13 ta' Mejju 2005 f'Andijan, meta l-forzi tal-gvern Uzbeki fetħu n-nar u qatlu mijiet ta' dimostranti li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu paċifiċi(7); billi ħafna minn dawk li jinsabu l-ħabs jinsabu f'qagħda ta' saħħa kritika, ġew ittorturati waqt li s-sentenzi tagħhom ġew estiżi b'mod arbitrjarju fil-ħabs;
D. billi meta l-gvern Uzbeki sab ma' wiċċu pressjoni esterna kontinwa, inklużi sanzjonijiet, restrizzjonijiet fuq l-assistenza militari u kritika qawwija, pubblika u speċifika oħra min-naħa tas-sħab internazzjonali tiegħu, irreaġġixxa billi, lejliet summits bilaterali importanti jew żjarat ta' livell għoli, ħa passi inkrementali biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jeħles lil xi individwi miżmuma l-ħabs b'akkużi politikament motivati;
E. billi l-gvern Uzbeki qed ikompli jirrifjuta investigazzjoni indipendenti tal-massakru ta' mijiet ta' persuni li seħħ fl-2005 f'Andijan; billi aktar minn mitejn individwu qed ikomplu jiskontaw pieni marbuta mal-ġrajjiet ta' Andijan wara proċessi bil-magħluq mgħarrqa bi ksur serju tal-prinċipju ta' proċess ġust u indikazzjonijiet li t-tortura setgħet ġiet użata biex jinsiltu l-konfessjonijiet; billi uħud mid-delitti marbuta mal-massakru ta' Andijan u d-delitti ta' tortura huma soġġetti għal-ġurisdizzjoni universali;
F. billi fl-2009 u l-2010 l-Kunsill neħħa s-sanzjonijiet tal-UE "bil-ħsieb li l-awtoritajiet Uzbeki jiġu mħeġġa jieħdu passi sostantivi ulterjuri biex itejbu s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-post", u ddikjara wkoll li "il-Kunsill ser josserva mill-qrib u kontinwament is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan" u li "s-sustanza u l-kwalità tad-djalogu u l-kooperazzjoni ser jiddependu mir-riformi [...] li l-Uzbekistan iwettaq";
G. billi skont l-aktar rapporti reċenti, ix-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fil-ħsad tal-qoton għadhom mifruxa minkejja l-impenn tal-awtoritajiet Uzbeki li jrażżnu din il-prattika, u billi skont ir-rapport tal-ILO tad-19 ta' Novembru 2013, miljun ċittadin Uzbeki, kemm tfal kif ukoll adulti, ġew sfurzati mill-gvern biex jaħsdu l-qoton f'kundizzjonijiet abbużivi u bit-theddida ta' sanzjonijiet;
H. billi n-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Uzbekistan mal-WTO għadhom għaddejjin, u billi s-Sħubija UE-Uzbekistan u l-Ftehim ta' Kooperazzjoni jinkludu klawżola ċara dwar ir-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem li l-partijiet huma impenjati li jirrispettaw;
1. Jisħaq fuq l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Uzbekistan, u fuq l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni politika u ekonomika, iżda jisħaq ukoll li dawk ir-relazzjonijiet jeħtieġ ikunu msejsa fuq ir-rispett reċiproku għall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, bħalma hu stipulat b'mod ċar fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Uzbekistan;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha miżmuma l-ħabs fuq akkużi politikament motivati, detenuti minħabba l-espressjoni paċifika tal-fehmiet politiċi, l-attiviżmu tas-soċjetà ċivili, l-attività ġurnalistika jew il-fehmiet reliġjużi tagħhom;
3. Jisħaq li kwalunkwe persuna li allegatament kienet involuta f'atti ta' vjolenza għandha tingħata proċess ġdid u ġust skont l-istandards internazzjonali u, jekk jinstabu ħatja, ikunu suġġetti għal sanzjonijiet penali u/jew amministrattivi f'konformità mal-istandards internazzjonali;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Uzbeki ma jippermettux it-tortura, u jwaqqfu immedjatament u mingħajr ebda kundizzjoni kull xorta ta' tortura u abbuż fil-ħabs u t-trattament ħażin matul l-arrest preventiv u fil-faċilitajiet penali, billi fost affarijiet oħra jiżguraw aċċess bla xkiel għall-avukati f'kull stadju tal-investigazzjonijiet, jiżguraw aċċess fil-pront għal kura medika xierqa u jistabbilixxu mill-ġdid il-monitoraġġ indipendenti tal-ħabsijiet, u jipprovdu lill-familji tal-priġunieri kollha b'informazzjoni sħiħa dwar fejn jinsabu qrabathom u l-kundizzjoni attwali ta' saħħithom;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Uzbeki biex jinvestigaw u jżommu responsabbli lill-uffiċjali, il-membri tal-persunal tas-servizz ta' sigurtà u l-membri tal-persunal tas-sistema penali kollha li allegatament ittorturaw jew ittrattaw ħażin lill-priġunieri u d-detenuti jew ċaħdu t-talbiet għall-kura medika;
6. Jistieden lill-Uzbekistan tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali kontra t-tortura, tordna l-għeluq immedjat tal-ħabs 64/71 li jinsab f'Jaslyk, u tapprova t-talbiet pendenti minn 11-il proċedura speċjali tan-NU għal żjarat fl-Uzbekistan, fosthom ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, u tippermetti li jsir monitoraġġ indipendenti mingħajr xkiel tal-ħabsijiet mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u entitajiet ta' monitoraġġ indipendenti oħra;
7. Iħeġġeġ lill-gvern Uzbeki jtemm il-prattika li jeżenta arbitrarjament mid-dikjarazzjonijiet ta' amnestija annwali lill-priġunieri miżmuma l-ħabs fuq akkużi politikament motivati u l-prattika li jtawwal arbitrarjament is-sentenzi ta' ħabs għal reati minuri jew "ksur tar-regoli tal-ħabs" skont l-Artikolu 221 tal-kodiċi kriminali dwar "id-diżubbidjenza tal-kundizzjonijiet ta' priġunerija";
8. Jistieden lill-awtoritajiet Uzbeki jiggarantixxu d-drittijiet tan-nisa, b'mod partikolari skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat kontra t-Tortura tan-NU;
9. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, is-SEAE u l-Istati Membri biex b'mod immedjat jagħtu bidu għal strateġija bil-għan li titpoġġa pressjoni fuq l-Uzbekistan għal titjib konkret u li jista' jitkejjel fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem matul ix-xhur li ġejjin, u jistabbilixxu s-sena d-dieħla - l-għaxar anniversarju tal-massakru ta' Andijan - bħala skadenza għall-progress; jitlob lis-SEAE jinforma lill-Parlament dwar ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Uzbeki li għandhom jinżammu responsabbli għad-delitti f'Andijan, inklużi it-12 li l-UE imponiet sanzjonijiet kontrihom b'rispons għall-massakru, sanzjonijiet li sussegwentement tneħħew;
10. Jissottolinja l-fatt li t-titjib konkret għandu jinkludi l-kundizzjonijiet stipulati mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fl-2010, li huma: 1) il-ħelsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma l-ħabs u l-priġunieri ta' kuxjenza kollha; 2) l-operat mingħajr tfixkil ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-pajjiż; 3) il-kooperazzjoni sħiħa mar-Rapporteurs Speċjali relevanti kollha tan-NU; 4) il-garanzija tal-libertà tal-kelma u tal-mezzi tax-xandir; 5) l-implimentazzjoni prattika tal-konvenzjonijiet kontra t-tħaddim tat-tfal; u 6) il-konformità sħiħa tal-proċessi elettorali tal-pajjiż mal-istandards internazzjonali;
11. Huwa tal-fehma li, jekk ma jkun hemm l-ebda progress sinifikanti f'dawn l-oqsma, l-UE għandha tieħu r-riedni f'idejha u tressaq riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU taħt punt 4, u tistabbilixxi mekkaniżmu ddedikat speċifiku għal pajjiż għall-Uzbekistan, u b'hekk tiżgura impenn kontinwu u proattiv mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem permezz tal-monitoraġġ, ir-rapportar pubbliku u d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan;
12. Jistieden lill-UE, barra minn hekk, biex - ladarba mhemmx il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni relevanti lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni dwar is-sitwazzjoni, minħabba li hu każ ta' urġenza speċjali u f'konformità mal-Artikoli 2 u 95 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni - tgħarraf lill-Uzbekistan li sakemm ma jsirx progress fuq il-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem msemmija hawn fuq f'dawn is-sitt xhur li ġejjin, l-UE se timponi miżuri punittivi mmirati;
13. Jitlob lill-Istati Membri jirrispettaw il-kodiċi ta' kondotta dwar l-esportazzjoni tal-armi u jirrispettaw ir-regolamenti dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;
14. Jistieden lill-awtoritajiet Uzbeki jimplimentaw bis-sħiħ ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Uzbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'konsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti(8);
15. Jitlob li l-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu lill-Parlament b'valutazzjoni pubblika tal-miżuri li ttieħdu mill-UE biex jagħmlu pressjoni fuq l-Uzbekistan biex jissodisfaw il-kriterji marbuta mad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fl-2010, jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ għall-Uzbekistan, iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jtejbu d-djalogu tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-gvern tal-Uzbekistan u jistenna li waqt il-laqgħa tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Uzbekistan li għandha ssir f'Novembru, is-SEAE jindirizza b'qawwa il-każijiet ewlenin kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħmel mezz li dawn il-laqgħat ikunu aktar orjentati lejn ir-riżultati, sabiex jegħleb l-istaġnar attwali, li hu diżappuntanti ħafna;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, l-Gvernijiet u l-Parlamenti tar-Repubblika tal-Uzbekistan, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.