Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2905(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0161/2014

Dibattiti :

PV 23/10/2014 - 6.3
CRE 23/10/2014 - 6.3

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2014 - 7.3
CRE 23/10/2014 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2014)0041

Testi adottati
PDF 235kWORD 69k
Il-Ħamis, 23 ta' Ottubru 2014 - Strasburgu
L-għajbien ta' 43 student għalliem fil-Messiku
P8_TA(2014)0041RC-B8-0161/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għajbien ta' 43 student għalliem fil-Messiku (2014/2905(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Messiku, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Marzu 2010 dwar iż-żieda tal-vjolenza fil-Messiku(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Messiku,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2009 dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-15 ta' Lulju 2008 intitolata "Lejn Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku" (COM(2008)0447),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar Iguala, li nħarġet bi qbil mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Messiku fit-12 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mill-President tal-Messiku Enrico Peña Nieto fl-14 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Eżekuttiv Konġunt ta' Sħubija Strateġika bejn il-Messiku u l-UE tas-16 ta' Mejju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-samits tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew (UE-CELAC),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta' Ġunju 2012 tas-seba' samit bejn il-Messiku u l-UE li sar f'Los Cabos, Baja California Sur, fil-Messiku,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tnax-il laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku li saret fil-Belt tal-Messiku fl-10 u l-11 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Messiku u l-Unjoni Ewropea għandhom valuri komuni li jidhru fis-soċjetajiet demokratiċi u pluralisti tagħna, li jħarsu l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħarsien ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll impenn komuni li jikkonsolidaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ekwu u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-faqar;

B.  billi s-sistemi demokratiċi tagħna għandhom id-dmir u l-obbligu li jissalvagwardaw il-funzjonament tal-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, u billi għaldaqstant it-tgawdija u l-eżerċitar sħiħ tal-libertajiet u d-dritt għall-integrità tal-persuna jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri bażiċi tal-istat tad-dritt;

C.  billi s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Messiku ppermettiet li jkun hemm kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Messiku fi kwistjonijiet ta' importanza globali, b'mod partikolari djalogu msaħħaħ, koordinazzjoni u skambji f'oqsma bħalma huma s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, ir-riforma elettorali, l-iżvilupp reġjonali u l-politiki regolatorji u dawk kummerċjali;

D.  billi fis-26 ta' Settembru 2014 inqatlu sitt persuni, fosthom tliet studenti, meta l-pulizija fetħu n-nar fuq studenti għalliema tal-Università (Escuela Normal) ta' Ayotzinapa f'Iguala, l-Istat ta' Guerrero, li kienu qed jipprotestaw; billi minn dakinhar 'l hawn 43 student għadhom neqsin; billi skont bosta sorsi, dawn l-istudenti daruhom il-pulizija u tkeċċew minnhom, u ngħataw f'idejn irġiel armati mhux identifikati li huma marbuta ma' kartell tad-droga;

E.  billi skont il-Gvern tal-Messiku ġew arrestati 51 persuna b'rabta mad-delitti, fil-maġġorparti aġenti tal-pulizija mill-muniċipalitajiet ta' Iguala u Cocula; billi fl-14 ta' Ottubru 2014 l-Avukat Ġenerali tal-Messiku ddikjara li skont analiżijiet forensiċi li saru fuq it-28 ġisem li nstabu f'oqbra klandestini qrib Iguala fl-4 ta' Ottubru 2014, l-iġsma ma jikkorrispondux għal dawk tal-istudenti li għebu; billi l-awtoritajiet tal-Messiku qabdu s-suspettat kap ewlieni tal-grupp kriminali Guerreros Unidos (Gwerriera Magħquda), li allegatament kien involut fl-għajbien tat-43 student;

F.  billi s-Sindku ta' Iguala, martu u l-kap tal-pulizija ta' Iguala qed jaħarbu mill-ġustizzja u huma akkużati li għandhom rabtiet mal-kartell tad-droga lokali Guerreros Unidos;

G.  billi l-President tal-Messiku, Enrique Peña Nieto, ta istruzzjonijiet lill-Gvern Federali u lill-Uffiċċju tas-Sigurtà tiegħu sabiex jieħdu miżuri immedjati u konklużivi; billi ntlaħaq qbil dwar pjan direzzjonali għal azzjoni konġunta flimkien mal-familji tal-istudenti nieqsa u r-rappreżentanti tagħhom; billi l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u n-NU ħeġġew lill-Gvern tal-Messiku jinvestiga l-għajbien sfurzat, jikkastiga lil dawk responsabbli u jħares lill-familji tal-istudenti li għebu; billi f'dan il-każ il-Gvern Messikan qed jikkoopera ma' dawn il-korpi multilaterali internazzjonali;

H.  billi l-Gvern tal-Messiku u l-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni qablu fl-2012 dwar 'Patt għall-Messiku', li kellu l-għan jindirizza l-isfidi ewlenin tal-Messiku, inklużi s-sigurtà u l-impunità;

I.  billi żdiedet il-vjolenza fl-Istat ta' Guerrero; billi bosta studenti u għalliema madwar il-Messiku qed jipprotestaw għar-ritorn sikur tal-istudenti li għebu u jikkundannaw il-kompliċità fost ċerti elementi tal-pulizija lokali fid-delitti, il-korruzzjoni fil-korp tal-pulizija u d-dgħufija istituzzjonali f'żoni partikolari tal-pajjiż, fejn il-lakuni fil-koeżjoni soċjali huma iktar evidenti; billi l-binjiet tal-gvern f'Chilpancingo u xi binjiet uffiċjali oħra f'muniċipalitajiet diversi tal-istat ta' Guerrero, kif ukoll xi mexxejja reliġjużi u uffiċċji tal-partiti politiċi wkoll kienu taħt theddida jew ġew attakkati;

J.  billi l-Messiku jipparteċipa fil-forums reġjonali u internazzjonali kollha, u ffirma l-ftehimiet internazzjonali kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

K.  billi l-Gvern Messikan jirrikonoxxi l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Messiku u wera l-impenn sod tiegħu li jtejjeb il-qagħda tas-sigurtà fil-pajjiż, inklużi żieda notevoli fil-baġit tal-forzi tas-sigurtà u r-riforma tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà pubblika, bl-għan li tissaħħaħ l-effikaċja tal-infurzar tal-liġi u tas-sistema ġuridika, biex b'hekk il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tkun possibbli; billi l-għajbien sfurzat, il-vjolenza b'rabta mal-kriminalità organizzata u l-allegata kollaborazzjoni bejn entitajiet lokali partikolari u gruppi kriminali organizzati jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib kbir;

1.  Jikkundanna bil-qawwi l-għajbien sfurzat u d-delitti inaċċettabbli f'Iguala, u jappella lill-awtoritajiet tal-Messiku jinvestigaw id-delitti kollha, inkluża s-sejba ta' 28 ġisem f'oqbra klandestini; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jaġixxu immedjatament u b'mod trasparenti u imparzjali ħalli jidentifikaw, jarrestaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li wettqu d-delitti, u jitlob li dawk responsabbli jiġu identifikati u jittieħdu passi kontrihom, bl-użu tal-informazzjoni u r-riżorsi kollha disponibbli internament u esternament u bl-ebda marġni ta' impunità; jappella sabiex l-investigazzjonijiet jibqgħu għaddejjin sa ma l-istudenti jkunu fis-sikur;

2.  Jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi, kif ukoll lill-poplu Messikan, u jħeġġiġhom jibqgħu jiġġieldu għad-difiża tad-demokrazija u l-istat tad-dritt b'mod paċifiku;

3.  Jieħu nota tad-detenzjonijiet li seħħew; jappella sabiex titkompla t-tfittxija għas-Sindku ta' Iguala, martu u l-kap tal-pulizija ta' Iguala; jinsab imħasseb ħafna dwar l-infiltrazzjoni evidenti tal-kriminalità organizzata fl-entitajiet lokali tal-infurzar tal-liġi u dawk amministrattivi;

4.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-President Peña Nieto li jinvestiga u jiċċara dawn l-avvenimenti, kif ukoll li jġib fi tmiem il-vjolenza relatata ma' gruppi kriminali fil-Messiku; jilqa' l-ħolqien ta' kumitati ta' monitoraġġ relatati mal-każ ta' Iguala fis-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Messiku jħarsu u jassistu lill-familji tal-vittmi, u jżommuhom infurmati dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin u l-isforzi li qed isiru biex dawk li wettqu d-delitti jiġu arrestati;

5.  Jappoġġa lill-Gvern tal-Messiku fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra t-traffikar organizzat tad-droga, filwaqt li juri t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-vjolenza li tirriżulta mit-traffikar tad-droga u l-klima ta' impunità; jinsab spalla ma' spalla mal-poplu Messikan fil-ġlieda kontra t-traffikar organizzat tad-droga;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Messiku biex, fil-livelli kollha, jieħu azzjonijiet li se jimpedixxu milli jerġgħu jirrepetu ruħhom avvenimenti bħal dawk li ġraw f'Iguala; jikkundanna kull tip ta' vjolenza, partikolarment il-vjolenza u t-theddid persistenti ta' qtil kontra attivisti ddedikati li jippromwovu u jiddefendu l-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku, u jitlob lill-awtoritajiet tal-Messiku jsaħħu l-isforzi sabiex jipprovdu protezzjoni ġuridika u personali lill-gruppi kkonċernati;

7.  Jappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Messiku li jikkollaboraw ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-UE, in-NU, il-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC), il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), bl-għajnuna tal-esperti forensiċi tal-Arġentina u dawk internazzjonali; jenfasizza l-importanza li l-Gvern tal-Messiku jipprovdi r-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex l-IACHR tkun tista' timplimenta programm ta' assistenza teknika li jista' jikkomplementa l-azzjonijiet nazzjonali b'rabta mal-investigazzjoni tal-avvenimenti fi Guerrero;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-Messiku huwa sieħeb strateġiku għall-UE; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Messiku jkompli bl-isforzi tiegħu sabiex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-istat u jikkonsolida l-istat tad-dritt, bl-għan li jiġu solvuti xi problemi strutturali li huma l-bażi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'referenza speċifika għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja; jenfasizza għalhekk l-importanza ta' awtorità ġudizzjarja indipendenti li sservi ta' garanzija għall-imparzjalità, kif ukoll ta' ġlieda determinata kontra l-impunità; jitlob li jingħata ħarsien federali lil dawk involuti fl-għoti tal-ġustizzja;

9.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-Messiku, kif ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iżidu l-appoġġ li jipprovdu lid-drittijiet tal-bniedem permezz ta' programmi u riżorsi finanzjarji u tekniċi; jistiedinhom ukoll iżidu r-riżorsi baġitarji allokati għall-kooperazzjoni fil-qafas tat-tisħiħ u r-riforma tal-ġudikatura, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi ta' prosekuzzjoni, bil-ħsieb li jittieħdu passi kontra dawk li wettqu d-delitti u jiġu kkastigati kif ukoll għall-ħolqien ta' sistemi effikaċi għall-protezzjoni tax-xhieda, il-vittmi u l-familji tagħhom;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit reġistru nazzjonali magħqud, pubbliku u aċċessibbli għall-persuni nieqsa u li għebu, kif ukoll bażi ta' data tad-DNA fil-livell federali;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-presidenza pro tempore tas-CELAC, lis-Segretarju Ġenerali tal-OAS, lill-Assemblea Ewro-Latino-Amerikana u lill-President u lill-Kungress tal-Messiku.

(1) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 92.
(2) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 172.

Avviż legali - Politika tal-privatezza