Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ana Gomes (2014/2045(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ana Gomes, mibgħuta mill-Viċi Avukat Ġenerali tar-Repubblika tal-Portugal fit-18 ta' Ġunju 2014, b'rabta mal-proċedimenti kriminali pendenti quddiem it-tieni sezzjoni tad-Dipartiment ta' Investigazzjoni u Proċedimenti Kriminali ta' Lisbona (ref. NUIPC 8773/13.4TDLSB), u mħabbra waqt il-plenarja tat-3 ta' Lulju 2014,
– wara li sema' lil Ana Gomes f'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokol Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz tas-suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta Mejju 1964, l-10 ta' Lulju 1986, il-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, id-19 ta' Marzu 2010, is-6 ta' Settembru 2011 u s-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0025/2014),
A. billi l-Viċi Avukat Ġenerali tar-Repubblika tal-Portugal għadda t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ana Gomes, talba li saret mill-prosekutur pubbliku tad-Dipartiment ta' Investigazzjoni u Proċedimenti Kriminali ta' Lisbona b'rabta mad-dikjarazzjonijiet allegatament diffamatorji li għamlet is-Sa Gomes waqt dibattitu televiżiv; billi t-talba saret sabiex jingħata bidu għall-proċedimenti kriminali kontra s-Sa Gomes u sabiex din tkun tista' tiġi interrogata fil-kuntest ta' dawk il-proċedimenti;
B. billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokol dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali minħabba l-opinjoni li jesprimu jew voti li jitfgħu fil-qadi ta' dmirijiethom;
C. billi l-Artikolu 6 tar-Regoli ta' Proċedura jistipula li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom;
D. billi l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dikjarazzjoni li saret minn Membru 'l barra mill-bini tal-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi ta' dmirijietu, kif espress fl-Artikolu 8 tal-Protokol, u hija tal-opinjoni li dan il-każ mhuwiex wieħed fejn dak li jgħodd huwa d-dikjarazzjoni li saret, iżda n-natura u l-kontenut tad-dikjarazzjoni;
E. billi fid-demokraziji moderni d-dibattitu politiku jsir mhux fil-Parlament biss iżda wkoll permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, li jvarjaw minn stqarrijiet għall-istampa għall-Internet;
F. billi fix-xandira televiżiva kkonċernata, Ana Gomes tkellmet bħala Membru tal-Parlament Ewropew biex tiddiskuti kwistjonjiet li ħadet interess fihom fil-livell Ewropew, kif jidher, fost affarijiet oħra, mill-mistoqsijijiet għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni li hija ressqet quddiem il-plenarja;
G. billi, meta ġibdet l-attenzjoni għad-deċiżjoni tal-Gvern Portugiż dwar il-privatizzazzjoni tat-tarzni ta' Viana do Castelo – deċiżjoni li waslet ukoll għal investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-ksur tar-regoli tal-UE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat – hija kienet qed twettaq il-mandat tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Ana Gomes;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex b'mod immedjat jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Portugal u lil Ana Gomes.
Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195; sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Każ 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391; sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Każ T-345/05 Mote v Parlament [2008] ECR II-2849; sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Każijiet konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Każ T-42/06 Gollnisch v Parlament, [2010] ECR II-1135, sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Każ C-163/10 Patriciello (pubblikazzjoni pendenti fl-ECR).