Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2107(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0023/2014

Testi mressqa :

A8-0023/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/11/2014 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0048

Testi adottati
PDF 431kWORD 73k
Il-Ħamis, 13 ta' Novembru 2014 - Brussell Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni - FEG/2014/009 EL/Sprider Stores – Greċja
P8_TA(2014)0048A8-0023/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/009 EL/Sprider Stores, mill-Greċja) (COM(2014)0620 – C8-0183/2014 – 2014/2107(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0620 – C8‑0183/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0023/2014),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħin fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tat-talbiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli billi jiddaħħlu l-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-awtoritajiet Griegi ssottomettew l-applikazzjoni FEG/2014/009 EL/Sprider Stores fis-6 ta' Ġunju 2014 wara t-tkeċċija ta' 761 ħaddiem fi Sprider Stores S.A., impriża li kienet topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 47 ("Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi");

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi ressqu l-applikazzjoni skont il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, magħruf ukoll bħala l-kriterju tal-kriżi ekonomika, li jirrikjedi mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha jew il-produtturi tagħha aktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi, filwaqt li kkunsidraw bil-kbir id-diversi benefiċċji ta' dan l-istrument baġitarju prezzjuż, ippreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-6 ta' Ġunju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ottubru 2014; jilqa' favorevolment il-perjodu ta' evalwazzjoni rapidu ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li għalhekk, il-Greċja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

4.  Jaqbel li l-avvenimenti li wasslu għas-sensji, jiġifieri t-tnaqqis fid-dħul disponibbli għall-unitajiet domestiċi ― minħabba ż-żieda fil-piż tat-taxxa, it-tnaqqis fis-salarji (kemm għall-impjegati fis-settur privat u kemm għal dawk fis-settur pubbliku) u ż-żieda fil-qgħad — li wassal għal tnaqqis qawwi fil-kapaċità tal-akkwist u t-tnaqqis drastiku fis-self lill-impriżi u lill-individwi minħabba n-nuqqas ta' kontanti fil-banek Griegi, huma marbutin mal-kriżi ekonomika u li għalhekk il-Greċja hija intitolata għal kontribuzzjoni mill-FEG;

5.  Jinnota li sal-lum, is-settur tal-bejgħ bl-imnut kien is-suġġett ta' tliet talbiet għall-FEG oħra bbażati wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jirrakkomanda f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni tevalwa r-riżultati tat-tliet talbiet l-oħra għall-FEG, bil-ħsieb li tiddefinixxi l-programmi ta' integrazzjoni mill-ġdid li kisbu l-aqwa riżultati;

6.  Jinnota li dawn is-sensji se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fil-pajjiż, li diġà marret għall-agħar minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja u li tirrappreżenta l-ogħla rata tal-qgħad fost l-Istati Membri; jilqa' madankollu l-fatt li r-rata tal-qgħad matul dawn l-aħħar xhur ma komplietx togħla;

7.  Jinnota li minbarra s-761 sensja, l-awtoritajiet Griegi se jipprovdu servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 550 żagħżugħ taħt l-età ta' 30 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, minħabba li 682 sensja minnhom seħħew f'reġjuni tal-livell NUTS 2 li huma eleġibbli fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

8.  Jinnota li sabiex jagħżlu n-NEETs fil-mira, l-awtoritajiet Griegi se jużaw kriterji konkreti allinjati ma' dawk inklużi fil-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ Griegi (ir-riskju tal-esklużjoni, il-livell tad-dħul tal-unitajiet domestiċi, il-livell tal-edukazzjoni, it-tul taż-żmien tal-qgħad fost oħrajn), kif ukoll espressjonijiet ta' interess; jinnota li għall-ewwel darba fl-applikazzjoni fil-qafas tar-Regolament FEG il-ġdid, qed tingħata informazzjoni dwar l-għażla tan-NEETs li se jiġu inklużi fil-miżuri ta' appoġġ; jappella lill-awtoritajiet Griegi biex iżommu f'moħħhom il-kriterji soċjali u jiżguraw li l-għażla tal-benefiċjarji għall-appoġġ mill-FEG tkun tirrispetta kompletament il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs;

9.  Iqis li l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' reklamar appoġġjati fil-qafas ta' din l-applikazzjoni għall-FEG għandhom iwasslu għal titjib fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kontribuzzjoni mill-FEG, u għandu jkollhom suċċess fl-indirizzar taż-żgħażagħ qiegħda sabiex jissemplifikaw il-proċedura ta' għażla b'espressjoni ta' interess;

10.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Griegi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Settembru 2014, qabel id-deċiżjoni definittiva dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

11.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi indikaw li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tħejja b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u l-Federazzjoni tal-Impjegati Privati fil-Greċja, u li l-applikazzjoni proposta ġiet diskussa f'żewġ laqgħat f'Mejju 2014 mas-sħab soċjali li ġew ikkonsultati dwar diversi kwistjonijiet relatati mal-kontenut tal-pakkett integrat ta' miżuri; jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tevalwa l-kontenut u r-riżultat mistenni tal-pakkett integrat ta' servizzi personalizzati, fil-kuntest tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, bil-ħsieb li tidentifika l-aħjar prattika għal azzjonijiet futuri;

12.  Jinnota li s-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lil 550 NEET jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin li flimkien jifformaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati: appoġġ ta' gwida okkupazzjonali u ppjanar tal-karriera, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, kontribuzzjonijiet għal negozji ġodda, benefiċċji għat-tiftix ta' impjieg u benefiċċji għat-taħriġ, benefiċċji ta' mobilità; jinnota li dawn is-servizzi għandhom l-għan jgħinu lill-benefiċjarji fil-mira jidentifikaw il-ħiliet tagħhom u jistabbilixxu pjan realistiku tal-karriera, bil-kundizzjoni li huma jipparteċipaw b'mod attiv fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

13.  Ifakkar li l-azzjonijiet proposti għandhom ikunu adattati sabiex iqisu d-differenzi bejn il-ħtiġijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u n-NEETs magħżula;

14.  Jinnota li l-ammont eleġibbli massimu ta' EUR 15 000 se jingħata lil 200 ħaddiem u NEET magħżula bħala kontribuzzjoni biex ikunu jistgħu jwaqqfu n-negozji proprji tagħhom; jenfasizza l-fatt li l-għan ta' din il-miżura hu l-promozzjoni tal-intraprenditorija billi jiġi pprovdut finanzjament għal inizjattivi ta' negozju vijabbli, li għandhom iwasslu għall-ħolqien ta' aktar postijiet tax-xogħol fuq perjodu ta' żmien medju; jinnota li dan l-ammont eleġibbli massimu jingħata meta jintlaħqu kundizzjonijiet speċifiċi u skont il-vijabbiltà tan-negozji ġodda appoġġjati;

15.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ tad-dħul se jkunu limitati strettament għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett ġenerali tas-servizzi personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament FEG; jinnota wkoll li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ;

16.  Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

17.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni FEG/2014/009 EL/Sprider Stores, mill-Greċja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/879/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza