Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar il-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq (2014/2906(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, magħruf ukoll bl-isem "Ftehim ta' Belfast", li ntlaħaq fin-negozjati multipartitiċi u ffirmata fl-10 ta' April 1998,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Weston Park tal-2001,
– wara li kkunsidra l-Ftehim li ntlaħaq fin-negozjati multipartitiċi li saru f'St Andrews in Fife, fl-Iskozja, mill-11 sat-13 ta' Ottubru 2006, bejn iż-żewġ gvernijiet u l-partiti ewlenin kollha tal-Irlanda ta' Fuq,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Hillsborough tal-2010,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1232/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tmiem tal-kunflitti vjolenti kollha fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa fundamentali;
B. billi t-taħditiet bejn il-partiti politiċi u l-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda rriżultaw fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-1998 (Ftehim ta' Belfast), li ppreveda l-ħolqien ta' amministrazzjoni deċentrata permezz tal-istabbiliment ta' Assemblea u ta' Eżekuttiv għall-kondiviżjoni tal-poteri, Kunsill Ministerjali Tramuntana/Nofsinhar, Assoċjazzjoni Interparlamentari Tramuntana/Nofsinhar, Forum Konsultattiv Tramuntana/Nofsinhar, Konferenza Intergovernattiva Brittanika-Irlandiża, Kunsill Brittaniku-Irlandiż u Organiżmu Interparlamentari Brittaniku-Irlandiż estiż;
C. billi l-Unjoni Ewropea, flimkien mas-sħab internazzjonali bħall-Istati Uniti, il-Kanada, in-New Zealand u l-Awstralja, żvolġiet rwol importanti fis-sostenn tal-attwazzjoni tal-proċess ta' paċi, fost affarijiet oħra permezz tal-Fond Internazzjonali għall-Irlanda;
D. billi l-progress li sar s'issa kien eżempju b'saħħtu u pożittiv ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti, abbażi tas-sħubija, tal-kunsens u tal-prinċipji tat-trattament indaqs, tal-parità ta' stima u ta' rispett reċiproku, li ħalla impatt pożittiv fuq ir-relazzjonijiet politiċi mhux biss fi ħdan l-Irlanda ta' Fuq iżda wkoll lil hinn;
E. billi l-istituzzjonijiet politiċi stabbiliti fl-ambitu tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira ilhom żmien twil jaħdmu b'suċċess;
F. billi fis-sitwazzjoni politika l-ġdida sar progress ekonomiku sinifikanti, tnaqqas il-qgħad, inġibed investiment esoġenu u l-Irlanda ta' Fuq saret post li jintgħażel għall-konferenzi internazzjonali, għall-avvenimenti sportivi u għall-attivitajiet kulturali;
G. billi għad hemm disparitajiet reġjonali konsiderevoli fir-rigward tal-iżvilupp soċjoekonomiku;
H. billi l-proċess ta' paċi jeħtieġ sforzi kontinwi u billi, madankollu, f'dawn l-aħħar snin, kien hemm kriżijiet politiċi, fosthom theddid minn gruppi tar-rifjut, li fil-mument irriżultaw fi stall tal-proċess, għadd li l-Assemblea u l-Eżekuttiv għadhom operattivi;
I. billi t-taħditiet multipartitiċi ppreseduti mill-ex diplomatiku u mibgħut Amerikan għall-Irlanda ta' Fuq, Richard Haass, immiraw li jaffrontaw uħud mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali bħall-użu tal-bnadar u tal-emblemi, il-protesti u l-parati, fallew f'Diċembru 2013;
J. billi ssuktaw in-negozjati, immirati lejn ir-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti;
K. billi l-programm PEACE huwa mmirat lejn it-tisħiħ tal-progress favur soċjetà paċifika u stabbli u l-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni permezz tal-assistenza fl-attivitajiet u fil-proġetti li jgħinu fir-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet u jikkontribwixxu għal soċjetà kondiviża minn kulħadd;
1. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-attwazzjoni tal-proċess ta' paċi wasal f'intopp, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-proċess jaħdmu b'mod kostruttiv favur riżoluzzjoni dejjiema tal-kunflitt u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-ftehimiet sussegwenti għal paċi dejjiema u permanenti;
2. Jilqa' pożittivament l-inizjattiva biex jiġu konvokati taħditiet multipartitiċi ħalli jinstab tarf l-intopp attwali, u jissottolinja l-bżonn ta' qbil fir-rigward tal-kwistjonijiet pendenti bil-għan li jintrifdu l-funzjonament u l-istabilità tal-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Irlanda ta' Fuq; jinkoraġġixxi lill-partiti kollha jinvolvu ruħhom pożittivament f'dawn it-taħditiet bil-għan li jsolvu l-kwistjonijiet pendenti;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra tas-Senatur Gary Hart min-naħa tas-Segretarju tal-Istat tal-President Obama, John Kerry, bħala l-mibgħut tiegħu;
4. Jinsab imħasseb li l-attività vjolenti, kriminali, antisoċjali u kontinwa tal-elementi estremisti qiegħda timmina l-proċess ta' paċi; jisħaq fuq il-bżonn tal-ġlieda kontra tali attività kriminali billi jiġu affrontati l-isfidi ekonomiċi eżistenti bħall-qgħad, l-introjti baxxi u l-livelli ta' għajxien; jenfasizza li l-livell kontinwu ta' vjolenza u ta' intimidazzjoni għandu jingħeleb permezz tal-parteċipazzjoni wiesgħa tal-komunitajiet rispettivi bis-sostenn tal-aġenziji rilevanti;
5. Jissottolinja, għaldaqstant, il-bżonn urġenti li tiġi inkoraġġita ulterjorment ir-rikonċiljazzjoni u jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-komunitajiet kif ukoll jingħata spinta lill-iżvilupp ekonomiku u soċjali bil-għan li l-proċess ta' paċi jkun konsolidat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, is-sostenn mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE u, partikolarment, il-EUR 150 miljun mill-programm PEACE biex jinstab tarf dawn il-kwistjonijiet prijoritarji fl-Irlanda ta' Fuq u fir-Reġjun tal-Fruntiera tal-Irlanda, għall-ġid ta' kulħadd, sew tat-Tramuntana kif ukoll tan-Nofsinhar;
6. Jittama li t-Task Force tal-Kummissjoni għall-Irlanda ta' Fuq se tkompli tiżvolġi rwol importanti ta' sostenn fil-ġejjieni;
7. Jenfasizza li l-Parlament jinsab lest li joffri kwalunkwe sostenn li l-partijiet ikkonċernati jqisu li jgħin fil-proċess ta' paċi; jistieden lill-Ewwel Ministru u lill-Viċi tiegħu jindirizzaw lill-Parlament dwar it-tlestija b'suċċess tat-taħditiet multipartitiċi;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq u lill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda.