Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2921(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0211/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/11/2014 - 8.7
PV 13/11/2014 - 8.8
CRE 13/11/2014 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0052

Testi adottati
PDF 256kWORD 60k
Il-Ħamis, 13 ta' Novembru 2014 - Brussell
Azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru
P8_TA(2014)0052RC-B8-0211/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru (2014/2921(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress 2013 dwar it-Turkija(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-17 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Ottubru 2014 mill-portavuċi tal-President tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tat-Turkija 2014, tat-8 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-3 ta' Ottubru 2014, it-Turkija ppubblikat direttiva NAVTEX (telex ta' navigazzjoni) li permezz tagħha "tidentifika" żona kbira fil-parti tan-Nofsinhar taż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) tar-Repubblika ta' Ċipru biex mill-20 ta' Ottubru sat-30 ta' Diċembru 2014 isir stħarriġ sismiku mill-bastiment Tork Barbaros; billi dan l-istħarriġ sismiku jolqot żoni li ġew allokati mill-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru lill-kumpanija Taljana ENI u lill-Korea Gas Corporation għall-esplorazzjoni ta' riżervi potenzjali tal-idrokarburi fis-sottoswol ta' qiegħ il-baħar;

B.  billi minkejja appelli ripetuti min-naħa tal-UE, preżenti anki fir-Rapport ta' Progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija, din tal-aħħar għadha qiegħda tikkontesta l-eżistenza tar-Repubblika ta' Ċipru u d-dritt leġittimu tar-Repubblika ta' Ċipru li tesplora u tisfrutta r-riżorsi naturali taż-ŻEE tagħha, u b'hekk tisfida l-attività ta' kumpanija Ewropea; billi r-rivendikazzjonijiet u l-azzjonijiet tat-Turkija ma għandhom l-ebda bażi ġuridika u jmorru kontra d-dritt internazzjonali, fosthom il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS);

C.  billi l-UNCLOS tiddefinixxi qafas ġuridiku komprensiv li jistabbilixxi reġim ta' ordni pubbliku kif anki regoli li jirregolaw l-użi kollha tal-oċeani u tar-riżorsi tagħhom; billi l-Unjoni Ewropea rratifikat l-UNCLOS, li llum hija parti integrali tal-acquis communautaire tagħha;

D.  billi l-UE sikwit tenniet li t-Turkija jeħtieġ timpenja ruħha b'mod inekwivokabbli għal relazzjonijiet ta' bon viċinat u għar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

E.  billi l-azzjonijiet tat-Turkija fiż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru jikkoinċidu mal-ħatra reċenti tal-Konsulent Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Espen Barth Eide, u qegħdin jolqtu negattivament in-negozjati bl-għan li tinstab soluzzjoni komprensiva għall-kwistjoni Ċiprijotta;

1.  Iħeġġeġ lit-Turkija turi moderazzjoni u taġixxi skont id-dritt internazzjonali; jiddeplora ż-żieda fit-theddid u fl-azzjonijiet unilaterali min-naħa tat-Turkija kontra r-Repubblika ta' Ċipru fir-rigward taż-ŻEE; ifakkar fil-leġittimità taż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru; jistieden lit-Turkija tirrispetta u timplimenta bis-sħiħ id-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005, inkluż id-dispożizzjoni skont liem ir-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent neċessarju tal-proċess ta' adeżjoni;

2.  Jenfasizza li r-Repubblika ta' Ċipru għandha d-dritt sħiħ u sovran li tesplora r-riżorsi naturali fi ħdan iż-ŻEE tagħha u li l-istħarriġ marittimu Tork għandu jitqies kemm bħala illegali kif ukoll provokatorju; jesiġi li l-bastimenti Torok li qegħdin joperaw fl-ilmijiet fiż-ŻEE ta' Ċipru u madwarha jiġu rtirati minnufih;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-azzjonijiet tat-Turkija jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet sovrani tar-Repubblika ta' Ċipru kif ukoll tad-dritt internazzjonali, inkluża l-UNCLOS; itenni lill-Gvern Tork jiffirma u jirratifika l-UNCLOS, li hija parti mill-acquis communautaire, mingħajr dewmien ulterjuri;

4.  Iħeġġeġ lit-Turkija tirrevoka immedjatament in-NAVTEX tagħha u tastjeni minn kull ksur tad-drittijiet sovrani tar-Repubblika ta' Ċipru;

5.  Jistieden lit-Turkija tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri tal-UE fuq l-ilmijiet territorjali tagħhom; itenni li d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri jinkludu d-dritt li jikkonkludu ftehimiet bilaterali u d-dritt li jesploraw u jisfruttaw ir-riżorsi naturali tagħhom skont l-UNCLOS;

6.  Jikkondividi l-fehma tan-Nazzjonijiet Uniti skont liema kull sejba ta' gass tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ komunitajiet f'Ċipru jekk tinstab soluzzjoni politika dejjiema biex jintemm il-kunflitt; jemmen li jekk tiġi amministrata kif suppost, l-iskoperta ta' riżervi sinifikanti ta' idrokarburi fir-reġjun tista' ttejjeb ir-relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali bejn iż-żewġ komunitajiet f'Ċipru;

7.  Jemmen li l-benefiċċji tal-iskoperta ta' riżervi sinjifikanti ta' idrokarburi għandhom iservu li r-reġjun kollu bħala mezz ta' prosperità, rikkezza u ħajja paċifika u aħjar għal dawn kollha li jgħixu hemm, fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali;

8.  Isostni d-drittijiet tar-Repubblika ta' Ċipru li tressaq ilmenti formali quddiem in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali kontra l-ksur fi ħdan it-territorju jew l-ilmijiet sovrani tagħha;

9.  Itenni li jqis bħala importanti n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Istati Membri kollha tal-UE, u hu tal-fehma li t-tkomplija u/jew ir-ripetizzjoni ta' dawn l-azzjonijiet jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tat-Turkija mal-UE, fosthom il-proċess ta' adeżjoni tagħha;

10.  Jenfasizza l-importanza li jieqfu l-azzjonijiet provokatorji fi ħdan iż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru, u li ma jsirux theddidiet kontra r-Repubblika ta' Ċipru; jinnota li dawn l-azzjonijiet u t-theddidiet idgħajfu t-tkomplija tan-negozjati għal soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni Ċiprijotta; jitlob stabilità f'dan ir-reġjun tant sensittiv, fid-dawl tal-isfidi tal-ġejjieni qarib;

11.  Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni jsegwu mill-qrib l-attivitajiet tat-Turkija fi ħdan iż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru u jirrapportaw lura lill-Parlament;

12.  Jesprimi l-impenn kostanti tiegħu kif ukoll is-sostenn favur it-taħditiet għar-riunifikazzjoni taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti għal riżoluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni Ċiprijotta; isostni l-isforzi tal-Konsulent Speċjali dwar Ċipru tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Espen Barth Eide, intiżi li joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex it-tensjonijiet jitnaqqsu u jissuktaw it-taħditiet;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0235.

Avviż legali - Politika tal-privatezza