Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/008 FI/STX Rauma, mill-Finlandja) (COM(2014)0630 – C8-0214/2014 – 2014/2137(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0630 – C8‑0214/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0043/2014),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiġi mdaħħal mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli bl-introduzzjoni ta' persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;
D. billi l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni FEG/2014/008 FI/STX Rauma fis-27 ta' Mejju 2014 wara t-tkeċċija ta' 577 ħaddiem f'STX Finland Oy, impriża li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 30 ("Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport");
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,
1. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni skont il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi mill-anqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha jew il-produtturi aktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni.
2. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-27 ta' Mejju2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2014; jilqa’ il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta’ inqas minn ħames xhur;
3. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi jsostnu li l-industrija marittima globali nbidlet b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin u li f'dan il-kuntest globali s-sehem tas-suq tal-UE fil-bini tal-bastimenti(4) ħa tisbita minn 13 % fl-2007 għal 5 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013, filwaqt li s-sehem ekwivalenti taċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun flimkien żdied minn 77 % fl-2007 għal 86 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013; jinnota li minbarra din l-espansjoni sinifikanti tal-Asja fis-suq tal-bini tal-bastimenti, it-tnaqqis fl-ordnijiet li jirriżulta mill-kriżi ekonomika tefa' lis-settur Ewropew f'qagħda ta' kapaċità żejda globali li qed twassal għal kompetizzjoni ħarxa;
4. Jaqbel li minħabba l-globalizzazzjoni dawn il-fatturi għandhom rabta mat-tibdiliet strutturali ewlenin fit-tendenzi kummerċjali dinjija u li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li għalhekk, il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;
5. Jinnota li sal-lum, is-settur tal-bini tal-bastimenti f'termini wiesgħa kien is-suġġett ta' sitt applikazzjonijiet għall-FEG, waħda bbażata fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u l-ħamsa l-oħra fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; iqis li r-ristrutturar fis-settur jista' jtaffi d-diffikultajiet u li l-industrija tal-bini tal-bastimenti fl-Istati Membri differenti tista' tiġi megħjuna permezz ta' linji gwida minn perspettiva Ewropea;
6. Jinnota li dawn is-sensji se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fil-Lbiċ tal-Finalndja, peress li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema mkeċċija għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni flimkien ma' età relattivament avvanzata, liema fatturi x'aktarx iżidu r-riskju ta' qgħad fit-tul; jinsab aktar u aktar imħasseb dwar l-effetti tal-għeluq ta' din l-impriża billi t-tarzna u l-industrija tal-metall jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi fundamentali u għandhom tradizzjoni storika, u minħabba f'hekk it-tranżizzjoni lejn attivitajiet ekonomiċi ġodda hija aktar iebsa;
7. Jinnota li minbarra l-577 sensja matul il-perjodu ta' referenza, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu ukoll 57 ħaddiem imkeċċi wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, u b'hekk l-għadd totali ta' benefiċjarji eliġibbli jammonta għal 634 ruħ; li minnhom l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira tal-miżuri tal-FEG huwa ta’ 565;
8. Jinnota li l-ispejjeż totali stmati jammontaw għal EUR 2 378 000, li minnhom EUR 113 000 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 1 426 800, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;
9. Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-15 ta' Jannar 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;
10. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tħejja b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali kkonċernati kif ukoll ma' diversi partijiet interessati oħrajn u jilqa' l-fatt li l-konsultazzjonijiet għadhom għaddejjin f'forma ta' grupp ta' ħidma mlaqqa' mill-Ministeru għall-Impjiegi u l-Ekonomija speċifikament biex jiġu affrontati s-sensji f'STX Finland;
11. Jinnota li s-servizzi personalizzati li għandhom jingħataw jikkonsistu f'wieħed mit-tliet tipi ta' miżuri li ġejjin għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti b'din l-applikazzjoni: (i) għajnuna biex isibu impjieg ġdid, (ii) għajnuna biex jagħtu bidu għall-impriża proprja, u (iii) l-għoti ta' taħriġ jew edukazzjoni;
12. Jilqa' l-istabbiliment ta' Punti ta' Servizz fost l-azzjonijiet proposti; japprezza li dawn il-punti huma mistennija li jipprovdu servizz aktar personalizzat u dettaljat minn dak tal-uffiċċju pubbliku għall-impjiegi;
13. Jinnota li persentaġġ qawwi tal-ħaddiema mkeċċija (41,42 %) għandhom bejn il-55 u 64 sena; barra minn hekk jinnota li dan il-grupp ta' età jinsab f'riskju aktar qawwi ta' qgħad fit-tul u eskluzjoni mis-suq tax-xogħol; għaldaqstant iqis li dawn il-ħaddiema jista' jkollhom bżonnijiet speċifiċi fir-rigward tal-għoti ta' servizzi personalizzati;
14. Jilqa' b'mod partikolari l-miżura intitolata "Stħarriġ tal-impriżi", li permezz tagħha se jsir stħarriġ dwar l-impjiegi fir-reġjun ta' Rauma flimkien ma' negozji u industriji f'Rauma, bl-għan li tinġabar informazzjoni aġġornata dwar il-ħtiġijiet tal-persunal tal-impriżi, li t-tiftix għall-impjiegi mill-ħaddiema identifikati jkun jista' jitmexxa fid-direzzjoni t-tajba u li dawn jingħataw it-taħriġ meħtieġ;
15. Jilqa' l-idea li dawk li qegħdin jippjanaw li jagħtu bidu għal intrapriża jistgħu jesperjenzaw xi tfisser li wieħed ikun imprenditur permezz ta' kollokament f'intrapriża eżistenti; jinnota l-potenzjal ta' valur miżjud li jiġi mit-tnedija ta' intrapriża wara li wieħed ikun ingħata s-sensja, kemm għall-persuna partikolari kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi;
16. Jinnota li l-iskop tas-sussidji tal-paga hu li jiżgura li l-ħaddiema fil-mira impjegati minn min iħaddem ma jkunux fi żvantaġġ fl-ewwel perjodu fl-impjieg ġdid tagħhom; iqis li tali miżura tista' sservi bħala inċentiv fit-tfittxija u fl-inklużjoni fi spettru usa' ta' impjiegi ġodda u mhux familjari għall-ħaddiema;
17. Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;
18. Jappella sabiex il-miżuri tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ppjanati fi ħdan il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FSE l-ġdid jikkomplementaw il-miżuri proposti u jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema f'setturi ekonomiċi sostenibbli u orjentati lejn il-futur;
19. Ifakkar li l-impjegabbiltà tiddependi wkoll mil-livell ta' integrazzjoni fis-soċjetà u għaldaqstant jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali għall-akkumpanjament tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u dawk anqas kwalifikati;
20. Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;
21. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/008 FI/STX Rauma, mill-Finlandja)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/878/UE.)