Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2971(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0295/2014

Dibattiti :

PV 27/11/2014 - 7.3
CRE 27/11/2014 - 7.3

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2014)0066

Testi adottati
PDF 237kWORD 72k
Il-Ħamis, 27 ta' Novembru 2014 - Strasburgu
Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa
P8_TA(2014)0066RC-B8-0295/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar l-Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa (2014/2971(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi ISIL/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni S-22/1 tal-1 ta' Settembru 2014 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante u mill-gruppi assoċjati miegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-isem "Rule of Terror: Living under ISIS in Syria", tal-14 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2016 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Ġunju 2013 dwar il-vjolenza sesswali f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati u wara l-kunflitti;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li l-Iraq hu firmatarju tiegħu, u r-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) kkommetta għadd kbir ta' atroċitajiet, li jammontaw għal reati kontra l-umanità, u li jinkludu massakri, eżekuzzjonijiet ordnati minn qrati awtoproklamati tal-IS, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal, skjavitù, stupri, żwiġijiet furzati, traffikar tal-persuni, spustamenti u sekwestri, u li kkawżaw kriżi umanitarja katastrofika u l-ispustament ta' għadd kbir ta' nies mill-inħawi taħt il-kontroll tagħhom;

B.  billi f'Awwissu 2014, ġellieda tal-IS daħlu aktar 'il ġewwa fit-Tramuntana tal-Iraq, u ħasdu lill-forzi Kurdi Peshmerga li kienu daħlu f'żoni abbandunati mill-armata Iraqina; billi l-belt ta' Sinjar intrebħet, id-diega ta' Mosul li għandha importanza strateġika, li tipprovdi l-ilma u l-elettriku lil partijiet kbar tal-Iraq inħatfet, waqt li l-ġellieda tal-IS waslu sa 40 kilometru minn Irbil, il-kapitali tal-Kurdistan Iraqi; billi ħafna nisa Kurdi qed jiġġieldu f'Kobani, inkluż nisa li huma membri u mexxejja tal-forzi tal-PKK;

C.  billi membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, b'mod partikolari ta' komunitajiet Insara, Yazidi, Turkmeni, Shabaki, Kaka'e, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Sunniti, spiċċaw fil-mira tal-IS f'Mosul u fl-inħawi tal-madwar, inkluż f'Sinjar u f'Tal Afar;

D.  billi l-Human Rights Watch jikkalkula li 3 133 Yazidi nħatfu u nqatlu mill-IS, jew ilhom nieqsa mill-attakki tal-IS fil-bidu ta' Awwissu; billi din il-lista tinkludi 2 305 persuni li huwa maħsub li ġew sekwestrati, 412 minnhom tfal; billi l-IS qiegħed jindottrina t-tfal Yazidi maħtufa;

E.  billi, f'Ottubru 2014 ir-riċerkaturi tan-NU qalu li bejn 5 000 u 7 000 mara kienu qed jinżammu f'ċentri ta' detenzjoni improvviżati, minn fejn kienu qegħdin jittieħdu u jinbigħu bħala skjavi jew jingħataw f'idejn il-ġiħadisti bħala konkubini; billi huwa maħsub li fil-belt ta' Tal Afar biss hemm madwar 3 500 persuna bejn nisa u tfal, f'ħames ċentri ta' detenzjoni;

F.  billi l-aġir tal-IS u ta' estremisti ġiħadisti oħrajn fl-Iraq u fis-Sirja kkawża flussi ta' rifuġjati lejn il-kampijiet tar-rifuġjati fit-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan, fejn in-nisa u t-tfal b'mod partikolari qed jgħixu f'kundizzjonijiet umanitarji diffiċli u huma esposti ħafna għall-fastidju, il-vjolenza sesswali, iż-żwieġ furzat u abbużi oħrajn;

G.  billi n-natura transnazzjonali tal-IS u tal-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu tippreokkupa d-dinja kollha;

H.  billi l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (l-UNHCR) hija mħassba ħafna dwar kemm il-komunità internazzjonali hija kapaċi tlaħħaq mal-ħtiġijiet tax-xitwa fl-Iraq, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk spustati reċentement;

I.  billi l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali għall-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiż u fir-reġjun;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ksur u l-abbuż sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali li jirriżultaw mill-atti mwettqa mill-IS u mill-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu, li jammontaw għal reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità; jikkundanna bil-qawwa kollha, b'mod partikolari, kull tip ta' vjolenza kontra l-persuni minħabba l-affiljazzjoni reliġjuża u etnika tagħhom, kif ukoll il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' atroċitajiet imwettqa mill-IS, immirati speċifikament lejn in-nisa, u li jammontaw għal reati kontra l-umanità, bħal sekwestri, stupri u forom oħra ta' vjolenza sesswali, skjavitù u żwiġijiet u konverżjonijiet furzati; jenfasizza l-ħtieġa li dawk responsabbli minn tali ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali jirrispondu għal azzjonijiethom;

3.  Jenfasizza li t-tfal għandhom jitħallew jerġgħu jingħaqdu minnufih mal-familji tagħhom, iż-żwiġijiet furzati u l-abbuż sesswali jieqfu, u l-priġunieri ċivili kollha, speċjalment in-nisa, miżmuma mill-IS jinħelsu immedjatament;

4.  Jistieden lill-Gvern Iraqi jirratifika l-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sabiex jippermetti lill-QKI tipproċedi fil-konfront tar-reati tal-gwerra u tar-reati kontra l-umanità mwettqa mill-IS;

5.  Jistieden lill-Gvern Iraqi jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem billi jinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà Iraqina fi spirtu ta' għaqda nazzjonali u rikonċiljazzjoni u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali fl-isforzi tiegħu biex jikkonfronta l-IS; joffri l-appoġġ tiegħu biex jgħin lill-gvern jibni soċjetà aktar ġusta u inklussiva, u waħda li tħares u tippromwovi d-drittijiet tan-nisa;

6.  Jilqa' l-isforzi tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari tal-Istati Uniti, li jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali Iraqini fil-ġlieda tagħhom kontra l-IS, iwaqqfu lill-IS milli jkompli javvanza u jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ umanitarju; jappoġġja l-koalizzjoni globali kontra l-IS u l-isforzi tagħha biex tiġġildilha, inkluż b'mezzi militari; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħti l-assistenza ta' salvataġġ meħtieġa għall-persuni fl-Iraq matul ix-xitwa, inklużi l-familji Yazidi li għadhom jinsabu fuq l-Għolja Sinjar jiddefendu t-tempji tagħhom milli jinqerdu mill-IS;

7.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jagħmlu kulma jistgħu biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha ta' korpi uffiċjali u privati li jippropagaw u jxerrdu ideoloġiji Iżlamiċi estremi bil-kliem u bl-atti; jistieden lill-komunità internazzjonali, b'mod speċjali l-UE, biex tiffaċilita djalogu reġjonali dwar il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Lvant Nofsani u tinkludi l-partijiet sinifikanti kollha,b'mod partikolari l-Iran u l-Arabja Sawdija;

8.  Iħeġġeġ lin-NU, b'mod partikolari r-Rapporteur Speċjali tagħha dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa, Rashida Manjoo, biex tagħmel ħilitha kollha biex tirrintraċċa l-vittmi, kif ukoll tinvestiga u tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-abbużi u l-illegalitajiet fil-konfront tan-nisa mwettqa mill-IS u mill-gruppi terroristi assoċjati miegħu fl-Iraq u fis-Sirja, bil-ħsieb li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata responsabilità sħiħa; jappoġġja x-xogħol tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura;

9.  Jistieden lill-aġenziji umanitarji internazzjonali li jaħdmu fl-Iraq, inklużi l-aġenziji tan-NU, biex iżidu s-servizzi mediċi u ta' konsulenza tagħhom għall-persuni spustati li ħarbu mill-avvanzi tal-IS, b'attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-vittmi ta' vjolenza sesswali u t-tfal;

10.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-qagħda tan-nisa fl-Iraq u jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet l-aktar fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li żdiedet kull xorta ta' vjolenza kontra n-nisa Yazidi, li qed jiġu miżmuma f'ħabsijiet, stuprati, abbużati sesswalment u mibjugħa mill-membri tal-IS; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki tagħhom b'tali mod li jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-superstiti u jistabbilixxu mekkaniżmu li jippermetti lin-nisa trawmatizzati mis-Sirja u mill-Iraq, b'mod partikolari n-nisa Yazidi, jirċievu konsulenza post-trawmatika mfassla apposta skont il-ħtiġijiet tagħhom;

11.  Jinsab konvint li l-assistenza u l-protezzjoni umanitarja immedjata jeħtieġ tkun supplimentata minn strateġiji fit-tul favur id-drittijiet soċjoekonomiċi u l-opportunitajiet ta' għajxien għan-nisa rifuġjati, kif ukoll għan-nisa li jirritornaw jew li huma spustati, b'enfasi fuq it-tmexxija u l-parteċipazzjoni, bil-ħsieb li tingħatalhom is-setgħa biex jagħżlu soluzzjonijiet li jservu fit-tul u li jaqblu mal-bżonnijiet tagħhom; iqis li hemm bżonn jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi u l-ħtiġijiet partikolari ta' gruppi differenti ta' nisa li huma soġġetti għal forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni;

12.  Jikkundanna l-fatt li, bl-avvanz tal-IS, qed iseħħu atti ta' vjolenza u qtil fil-konfront ta' Iraqini LGBT b'impunità totali; jinnota li, filwaqt li l-Iraqini LGBT mhumiex l-uniku grupp li qiegħed f'riskju fil-kriżi u l-kunflitt attwali, huma qegħdin f'sitwazzjoni vulnerabbli ħafna minħabba l-livell limitat ta' appoġġ u protezzjoni li jingħataw mill-familja, mill-komunità u mill-gvern; jinnota li l-Iraqini LGBT jibqgħu marġinalizzati u f'riskju fil-komunitajiet tar-rifuġjati u f'ċerti soċjetajiet li jospitawhom; jistieden lill-Gvern Iraqi jipprovdi protezzjoni għall-Iraqini LGBT;

13.  Jiddispjaċih li, konsegwenza tas-snin ta' dittatorjat u kunflitt, ħajjet in-nisa Iraqini marret lura ferm; jappella għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-bini tad-demokrazija; jinsisti li mingħajr il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ma jista' jkun hemm ebda protezzjoni reali, u ebda sigurtà reali, għan-nisa fl-Iraq;

14.  Jappella għal sforz internazzjonali konġunt, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi, l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet Musulmani, fil-konfront tal-ideoloġija radikali Salafita/Waħħabita li tirfed u tnebbaħ l-azzjonijiet tal-IS u tal-organizzazzjonijiet terroristiċi assoċjati miegħu u li qed issir theddida dejjem akbar għas-sigurtà tal-Istati Membri; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex, fid-djalogu tagħhom mal-pajjiżi tal-Golf, jesprimu l-preokkupazzjonijiet kbar tagħhom dwar l-isforzi ta' indottrinazzjoni Salafiti/Waħħabiti f'ħafna pajjiżi b'maġġoranza Musulmana u f'komunitajiet Musulmani madwar id-dinja min-naħa ta' atturi minn dawn il-pajjiżi;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0022.

Avviż legali - Politika tal-privatezza